Raġel ta' 36 sena sofra ġrieħi serji wara li tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u ħabtat ma' siġra fil-Furjana kmieni s-Sibt filgħodu.
Il-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident għall-ħabta tas-2am fi Triq Nazzjonali.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel kien qed isuq Ford Kuga meta, għal raġunijiet li għadhom qed jiġu investigati, tilef il-kontroll tal-vettura u ħabat ma' siġra.
Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu.
Ir-raġel ittieħed b'ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Il-Maġistrat Monica Borg Galea ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.