Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", xehed fil-ġuri ta' Yorgen Fenech li kien beża' li Melvin Theuma kien se jispiċċa jerfa' r-responsabbiltà waħdu jekk imur għand il-pulizija, minħabba li, kif qal hu stess fil-Qorti, kien iqis li kien hemm "persuni b'saħħithom" involuti.
Brincat qal li kien ipprova jiddisswadi lil Theuma milli jersaq għand il-pulizija biex jitlob maħfra presidenzjali.
Meta mistoqsi għaliex, xehed li kien jemmen li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu persuni influwenti u beża' li Theuma kien se jispiċċa waħdu jġorr il-piż kollu tal-każ.
Ix-xhud qal ukoll li Theuma kien jemmen li min imur l-ewwel għand il-pulizija kien se jingħata l-maħfra presidenzjali, u għalhekk ried ikun hu l-ewwel li jitkellem.
"Yorgen Fenech qabbadni bħala s-sensar"
Matul ix-xhieda tiegħu, Brincat qal li Melvin Theuma kien stqarr miegħu li kien is-sensar bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Alfred u George Degiorgio.
Skont Brincat, Theuma qallu li kien Yorgen Fenech li bagħtu jagħmel kuntatt mad-Degiorgio u li kien tah il-flus biex jgħaddihom lilhom.
Aktar tard, bi tweġiba għall-aħħar mistoqsija tal-prosekuzzjoni, Brincat qal li, abbażi ta' dak li kien qallu Theuma matul is-snin, kien Yorgen Fenech li qabbdu u ħallsu biex ikun is-sensar fil-qtil.
Brincat xehed ukoll li Theuma kien qallu dwar €150,000 li, skont hu, kien irċieva mingħand Yorgen Fenech biex jgħaddihom lill-aħwa Degiorgio, filwaqt li sostna li kien isiru wkoll pagamenti oħra fuq bażi regolari lil persuna marbuta magħhom.
"Il-Koħħu kien se jitkellem"
Ix-xhud irrakkonta li Theuma kien mar għandu d-dar wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u qallu li kien involut fil-każ.
Skont Brincat, Theuma kien qallu wkoll li Vince Muscat ("il-Koħħu") kien se jitkellem mal-pulizija, u li proprju din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex ried imur hu wkoll għand il-pulizija.
Brincat qal li Theuma kien beża' li Vince Muscat kien se jikxfu u li għalhekk ried jikkoopera mal-awtoritajiet.
Ir-recordings u Lawrence Cutajar
Parti sostanzjali mix-xhieda ffukat ukoll fuq ir-recordings li Melvin Theuma kien għamel bil-moħbi.
Brincat xehed li Theuma kien urieh USB bir-recordings u li aktar tard l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajarkien staqsieh dwarhom u talbu jipprova jġiblu waħda minnhom, filwaqt li assigurah li ismu ma kienx se jissemma.
Madankollu, Brincat insista li hu ma ddiskutiex ir-recordings ma' Cutajar u ċaħad ukoll li qatt wissa lil Theuma dwar tfittxijiet tal-pulizija jew li għenu jipprepara l-istqarrija tiegħu lill-pulizija.
Matul il-kontro-eżami nstemgħu wkoll recordings fil-Qorti, iżda fuq ordni tal-Qorti l-midja ma setgħetx tirrapporta l-kontenut tagħhom sakemm jixhdu l-persuni kollha li jistgħu jiġu mistoqsija dwarhom.
"Keith kien jgħaddi min-nar għalija"
Il-prosekuzzjoni qrat ukoll partijiet minn xhieda preċedenti ta' Brincat, fejn qal li Melvin Theuma kien ikkonvinċa ruħu li Keith Schembri kien involut fil-qtil.
Skont Brincat, Theuma wasal għal din il-konvinzjoni għax Yorgen Fenech kien isemmi lil Schembri ta' spiss waqt il-konversazzjonijiet tagħhom.
F'dik ix-xhieda nqrat ukoll il-frażi li, skont Brincat, Yorgen Fenech kien jgħid dwar Schembri:
"Keith kien jgħaddi min-nar għalija."
Brincat qal ukoll li kien iwissi lil Theuma biex ma jmurx jitlob flus lil Schembri, għax ma kienx jaf jekk dan kienx jaf b'xi allegat pjan tal-qtil.
Il-kontro-eżami jkompli t-Tnejn
Is-seduta ntemmet tard wara nofsinhar, bl-Imħallef Edwina Grima tordna li Edgar Brincat jibqa' appartat mix-xhieda l-oħra sakemm itemm ix-xhieda tiegħu.
Il-kontro-eżami tiegħu se jkompli nhar it-Tnejn quddiem il-ġurati.
B'dan tintemm is-seduta tal-lum fil-ġuri ta' Yorgen Fenech.
Il-Qorti ordnat li Edgar Brincat jibqa' appartat mix-xhieda l-oħra sakemm jerġa' jitla' fuq il-pedana.
Il-kontro-eżami tiegħu se jkompli nhar it-Tnejn, meta jerġgħu jibdew il-proċeduri quddiem il-ġurati. Jiena, Jaelle Borg, nirringrazzjakom talli segwejtu dawn l-aġġornamenti u nixtiqilkom l-weekend it-tajjeb.
Wara l-waqfa, il-proċeduri jerġgħu jibdew bl-avukati tad-difiża jkomplu l-kontro-eżami ta' Edgar Brincat.
Id-difiża qed tkompli tgħaddi lix-xhud minn recording li qed jindaqq fil-Qorti.
F'konformità mad-direzzjoni tal-Qorti, mhux qed nirrappurtaw il-kontenut ta' dan ir-recording għalissa.
L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa qasira fil-proċeduri.
Is-seduta mistennija terġa' tibda fil-5.20pm, meta jkompli l-kontro-eżami ta' Edgar Brincat quddiem il-ġurati.
Wara sensiela ta' mistoqsijiet dwar recording li, fuq ordni tal-Qorti, il-midja għadha ma tistax tirrapporta dwar il-kontenut tiegħu, id-difiża tistaqsi lil Edgar Brincat jekk qattx wissa lil Melvin Theuma dwar tfittxijiet tal-pulizija li kienu se jsiru.
Brincat iwieġeb b'mod ċar:
"Żgur li le."
Matul din il-parti tas-seduta, Brincat jibqa' jiġi mistoqsi dwar partijiet minn recording li qed jindaqq fil-Qorti.
Madankollu, skont ordni tal-Qorti, id-dettalji tal-kontenut tar-recording ma jistgħux jiġu rrappurtati sakemm jixhdu l-persuni kollha li jistgħu jiġu mistoqsija dwaru.
Matul il-kontro-eżami ta' Edgar Brincat, fil-Qorti jindaqq l-istess recording.
Fuq ordni tal-Qorti, il-midja għadha mhix awtorizzata tirrapporta fid-dettall il-kontenut ta' dan ir-recording.
Id-difiża tistaqsih dwar xi punti li jissemmew fir-recording, iżda Brincat iwieġeb li ma jiftakarx il-kuntest ta' dak li ntqal.
Giannella de Marco tistaqsi lil Edgar Brincat jekk qattx qal lil Melvin Theuma biex, meta jiġi arrestat, jitlob li jkellem lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Brincat iwieġeb:
"Le."
Meta tiġi mistoqsija jekk, allura, Theuma kienx jaf lil Cutajar, Brincat jerġa' jwieġeb fin-negattiv.
Ix-xhud iżid li hu u Cutajar iddiskutew il-każ tal-qtil darbtejn biss: l-ewwel darba meta tkellmu dwar il-kontravvenzjoni li kienet inħarġet f'ismu, u t-tieni darba meta Cutajar staqsieh dwar Melvin Theuma.
Matul il-kontro-eżami, Edgar Brincat jgħid li kien jaf fejn kien joqgħod l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, għax snin qabel kien kera karozza mingħandu u kien ħallielu l-vettura quddiem id-dar.
Brincat jinsisti wkoll li ma kienx infurmat minn qabel bl-arrest tiegħu f'Novembru tal-2019, u li qatt ma ppjana x-xhieda tiegħu ma' Cutajar.
L-avukata Giannella de Marco mbagħad tistaqsih jekk għenx lil Melvin Theuma jikteb l-ittra tiegħu dwar Yorgen Fenech u Keith Schembri.
Brincat iwieġeb:
"Le."
Meta d-difiża tinsisti u tistaqsih jekk qattx issuġġerixxa lil Theuma jgħid xi ħaġa dwar Schembri, Brincat jerġa' jiċħad.
De Marco tistaqsih ukoll jekk għenx lil Theuma jipprepara l-istqarrija tiegħu lill-pulizija.
Brincat iwieġeb li ma għenux, iżda qal li kien biss qallu jisma' r-recordings tiegħu qabel imur il-pulizija, sabiex ikun jaf iwieġeb jekk jiġi mistoqsi dwarhom.
Giannella de Marco tistaqsi lil Edgar Brincat jekk Melvin Theuma kienx jgħid il-gideb dwar in-nies.
Brincat iwieġeb li qatt ma qabdu jigdeb.
L-avukata mbagħad tirreferi għal recording u tgħid li fih Theuma allegatament qal li Brincat kien ħallas €15,000 lil Lawrence Cutajar għal cruise.
Brincat jiċħad din il-verżjoni u jwieġeb li Theuma kien jiftaħar ma' Johann Cremona biex jidher aktar b'saħħtu u influwenti milli kien fil-verità.
Matul il-kontro-eżami, id-difiża tistaqsi lil Edgar Brincat dwar il-kontravvenzjoni li kien talab lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jgħinu biha.
Brincat jispjega li l-kontravvenzjoni kienet inħarġet f'ismu, minkejja li, skont hu, kien wieħed mill-ħaddiema tiegħu li kien qed isuq il-vettura.
Huwa qal li talab l-għajnuna ta' Cutajar biss biex il-kontravvenzjoni tiġi indirizzata lill-persuna t-tajba.
"Fil-fatt ġejt illiberat," jgħid Brincat fil-Qorti.
Matul il-kontro-eżami, l-avukata Giannella de Marco tistaqsi lil Edgar Brincat jekk Melvin Theuma qattx esprima tħassib li l-pulizija setgħet taqbadhulu l-flus.
Brincat iwieġeb li Theuma qatt ma kellmu dwar dan.
Ix-xhud iżid ukoll li qatt ma tkellem mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar dwar il-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Jibda l-kontro-eżami ta' Edgar Brincat mill-avukata Giannella de Marco.
De Marco tistaqsih jekk matul is-snin kienx għamel lil Melvin Theuma sinjur permezz tax-xogħol li kien jagħtih.
Brincat iwieġeb li kien iħallsu ammont normali, filwaqt li jgħid li ma kienx jaf bid-dettalji tal-finanzi ta' Theuma.
L-avukata mbagħad tirreferi għax-xhieda tiegħu dwar il-bidla fl-imġiba ta' Theuma, fejn kien qal li qabel kien persuna ferriħija u li aktar tard sar magħluq fih innifsu.
Mistoqsi jekk Theuma qattx fetaħ qalbu miegħu, Brincat iwieġeb li kien proprju meta qallu li kellu l-ħsieb jitlob maħfra presidenzjali li stqarrlu r-rwol tiegħu fil-każ.
Qabel tintemm il-prosekuzzjoni, il-prosekutur Godwin Cini jagħmel mistoqsija finali lil Edgar Brincat.
Huwa jistaqsih:
"Abbażi ta' dak kollu li qallek Melvin Theuma tul il-ħbiberija tagħkom, min kien qabbdu u ħallsu biex jaġixxi bħala s-sensar fil-qtil?"
Brincat iwieġeb:
"Yorgen Fenech."
B'dan tintemm il-kontro-eżami tal-prosekuzzjoni.
Issa jmiss lill-avukati tad-difiża ta' Yorgen Fenech biex jibdew il-kontro-eżami tagħhom ta' Edgar Brincat.
Il-proċeduri jerġgħu jibdew wara l-waqfa tal-ikel.
Fuq il-pedana tax-xhieda jerġa' jitla' Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", biex ikompli jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.
L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa għall-ikel.
Is-seduta terġa' tibda fit-3.00pm, meta tkompli x-xhieda ta' Edgar Brincat quddiem il-ġurati.
Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti diretti hekk kif jerġgħu jibdew il-proċeduri.
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar kif inbidel Melvin Theuma wara li, skont ix-xhieda tiegħu, involva ruħu fil-każ.
Brincat jgħid li Theuma nbidel kompletament fil-mod kif kien iġib ruħu.
Skont ix-xhud, qabel kien persuna li tħobb tiċċajta, iżda wara beda jixrob aktar, imur għandu d-dar mingħajr avviż u jitolbu jispjegalu rapporti tal-aħbarijiet dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, peress li kien isibha diffiċli jaqra bl-Ingliż.
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar persuni oħra msemmija matul l-investigazzjoni.
Brincat qal li ma jafx lil Johann Cremona, u li sema' bih għall-ewwel darba biss permezz tal-aħbarijiet marbuta ma' dan il-każ.
Madankollu, qal li jiftakar lil Kenneth Camilleri.
Skont Brincat, Melvin Theuma kien semmielu lil Camilleri u qallu xi ħaġa dwar laqgħa li kellu miegħu dwar il-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio.
Il-prosekutur Godwin Cini qed jaqra parti oħra mix-xhieda preċedenti ta' Edgar Brincat.
Fix-xhieda, Brincat jgħid li Melvin Theuma kien ikkonvinċa ruħu li Keith Schembri kien involut fil-qtil, minkejja li, sa fejn kien jaf hu, Schembri qatt ma kien tkellem direttament ma' Theuma dwar il-każ.
Skont Brincat, Theuma wasal għal din il-konvinzjoni għax Yorgen Fenech kien isemmi lil Keith Schembri kontinwament waqt il-konversazzjonijiet tagħhom.
Brincat jikkwota wkoll dak li, skont hu, kien jgħid Yorgen Fenech dwar Schembri:
"Keith kien jgħaddi min-nar għalija."
Brincat qal li hu kien iwissi lil Theuma biex ma jmurx jitlob flus lil Keith Schembri, għax, kif xehed fil-Qorti:
"Kif tista' tmur titlob raġel il-flus fuq qtil meta lanqas taf jekk kienx jaf x'ġara?"
Mistoqsi għaliex kien beża' li Theuma jmur għand il-pulizija biex jitlob maħfra presidenzjali, Brincat wieġeb li kien iqis lil Yorgen Fenech u Keith Schembri bħala żewġ persuni b'saħħithom, u li beża' li Theuma kien se jispiċċa jerfa' r-responsabbiltà waħdu.
Meta mistoqsi x'kien jifhem hu dwar il-proklama li Theuma kien qed ifittex, Brincat qal sempliċement:
"Jien ma nifhimx f'dawn l-affarijiet, imma hu ried jeħodha
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar dak li, skont hu, kien qallu Melvin Theuma.
Brincat xehed li Theuma kien jemmen li Keith Schembri kien involut fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, iżda qal ukoll li Theuma qatt ma kien tkellem ma' Schembri dwar il-qtil innifsu.
Skont Brincat, f'ħin minnhom Theuma kien saħansitra kkunsidra jmur għand Schembri biex jitolbu l-flus.
Ix-xhud qal ukoll li Theuma kien irrakkontalu dwar il-"phantom job" tiegħu, u sostna li kien Yorgen Fenech li qallu biex imur Kastilja, fejn aktar tard beda jitħallas mill-Gvern minkejja li, skont il-prosekuzzjoni, ma kien jagħmel l-ebda xogħol.
Mistoqsi għaliex Theuma kien jemmen li Schembri kien involut, Brincat wieġeb li dan kien għaliex Yorgen Fenech kien isemmi lil Schembri ta' spiss, minkejja li l-konversazzjonijiet bejn Theuma u Schembri kienu jikkonċernaw biss il-phantom job.
"Għalhekk għedtlu biex ma jmurx jitlob flus lil Keith Schembri, għax x'jiġri jekk Schembri ma kien jaf xejn dwar il-pjan tal-qtil?" xehed Brincat.
Brincat żied jgħid li dak iż-żmien "ma kienx f’postu Melvin", tant li darba qallu li kien qed jaħseb biex imur għand l-Arċisqof jitolbu l-flus.
Wara l-waqfa, tkompli x-xhieda ta' Edgar Brincat.
Mistoqsi jekk Melvin Theuma qattx qallu li kien tkellem mal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, Brincat wieġeb:
"Sa fejn naf jien, le."
Ix-xhud qal ukoll li kien wissa lil Theuma li kien hemm xi ħadd li kien jaf bl-eżistenza tar-recordings, u qallu biex joqgħod attent bihom.
Brincat kompla jixhed li Theuma kien qallu dwar is-somma ta' €150,000 li, skont hu, kien irċieva mingħand Yorgen Fenech biex jgħaddiha lill-aħwa Degiorgio.
Huwa żied li Theuma kien semmielu wkoll ammonti oħra ta' flus, u qal li kull ġimgħa kien jagħti flus lil persuna marbuta mal-aħwa Degiorgio.
L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa ta' 20 minuta fil-proċeduri.
Is-seduta mistennija terġa' tibda għall-ħabta tal-11.45am, meta tkompli x-xhieda ta' Edgar Brincat quddiem il-ġurati.
Wara li l-Qorti rat il-parti mill-evidenza li, fuq ordni tal-Qorti, ma tistax tiġi rrappurtata għalissa, tkompli x-xhieda ta' Edgar Brincat.
Brincat jixhed li Lawrence Cutajar kien staqsieh dwar ir-recordings ta' Melvin Theuma u talbu jipprova jġiblu waħda mit-tapes, filwaqt li assigurah li ismu ma kienx se jissemma.
Madankollu, Brincat jinsisti li ma ddiskutiex ir-recordings ma' Cutajar.
"Jien kont ngħid lil Melvin biex ma jmurx għand il-pulizija. Għaliex kelli ngħid lil Lawrence Cutajar dwar dawn ir-recordings?" jgħid Brincat quddiem il-ġurati.
Huwa jżid li ma jiftakarx kemm għadda żmien bejn meta Melvin Theuma qallu dwar ir-recordings u meta Lawrence Cutajar staqsieh dwarhom.
Cini jistaqsi lil Edgar Brincat jekk qabel ix-xhieda tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2020 kienx tkellem ma' xi ħadd dwar il-każ. Brincat iwieġeb li ma jiftakarx.
Il-prosekuzzjoni titlob biex jindaqq recording fil-Qorti.
Qabel ma jibda jindaqq, iżda, id-difiża tqajjem punt ta' dritt, fejn titlob li l-ġurnalisti ma jirrapportawx live, kelma b'kelma, il-kontenut tar-recording.
L-Imħallef Edwina Grima tilqa' din it-talba.
Għaldaqstant, mhux se nkunu qed nippubblikaw id-dettalji tal-kontenut tar-recording għalissa, f'konformità mad-direzzjoni mogħtija mill-Qorti.
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar ir-recordings li kien għamel Melvin Theuma.
Brincat xehed li Theuma kien ġablu USB u qallu li kien għadda r-recordings lil Yorgen Fenech.
Huwa qal li pprova jisma' r-recordings, iżda ma seta' jifhem kważi xejn minħabba l-kwalità tagħhom.
"Għedtlu li l-pulizija probabbilment kellha apparat biex ir-recordings jinstemgħu aktar ċari," xehed Brincat.
Ix-xhud qal li aktar tard ġie kkuntattjat mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar dwar dawn ir-recordings.
Mistoqsi kif kien jaf lil Cutajar, Brincat spjega li kienu saru jafu lil xulxin meta hu kien imexxi ristorant, u Cutajar kien assistieh wara serqa li kienet saret fil-post.
Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar ir-recordings sigrieti li kien għamel Melvin Theuma.
Brincat xehed li kien staqsa lil Theuma jekk Yorgen Fenech kienx jaf bl-eżistenza tar-recordings, u Theuma kien wieġbu li le.
Ix-xhud qal li kien hu li ssuġġerixxa lil Theuma jinforma lil Fenech dwarhom.
Mistoqsi għaliex, Brincat wieġeb:
"Biex forsi Yorgen jibża' u jgħinu."
Meta l-prosekutur staqsieh x'ried ifisser b'"jgħinu", Brincat qal li ma kienx jaf eżatt, iżda semma mill-ġdid li Fenech kellu kuntatti.
Brincat qal ukoll li Theuma qatt ma qallu fejn kien iżomm ir-recordings.
Mistoqsi minn fejn kienet ġiet l-idea li jirrekordja lil Yorgen Fenech bil-moħbi, Brincat wieġeb li, sa fejn jiftakar hu, kienet it-tifla ta' Theuma li tatu dik l-idea.
Meta mistoqsi jekk Theuma kienx qallu min aktar kien jaf bl-allegat involviment ta' Yorgen Fenech fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Brincat wieġeb li ma kienx jaf.
Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar il-konversazzjoni li kellu ma' Melvin Theuma meta dan qallu li kien se jmur għand il-pulizija.
Brincat iċċara li Theuma qatt ma qallu li ried "jikxef" lil xi ħadd, iżda li ried imur għand il-pulizija.
Mistoqsi x'wieġbu, Brincat qal li pprova jikkonvinċih biex ma jagħmilx dan.
"Għedtlu biex ma jmurx għax il-persuni li kien qed isemmi għandhom il-poter u l-kuntatti," xehed Brincat.
Meta l-prosekutur staqsieh x'ried ifisser b'dawn il-kuntatti, Brincat wieġeb li ma kienx jaf fid-dettall, iżda żied:
"Naħseb Malta kollha taf li Yorgen daqqa jmur għand ministru u daqqa għand ieħor. Ma nafx kemm kienu se jemmnu lil Melvin."
Brincat qal ukoll li kien beża' li kieku Theuma mar għand il-pulizija, kien se jispiċċa jerfa' r-responsabbiltà waħdu, filwaqt li qal li beża' wkoll li setgħu jeħdulu r-recordings.
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar il-konversazzjoni li, skont hu, kellu ma' Melvin Theuma wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Brincat xehed li Theuma qallu li Vince Muscat ("il-Koħħu") kien qed jitkellem mal-pulizija u kien se jikxef dak li kien jaf, u li, sa fejn jiftakar hu, din l-informazzjoni kienet waslitlu mingħand Yorgen Fenech.
Skont Brincat, Theuma kien imbeżża' li Vince Muscat kien se jikxfu, u għalhekk ried imur hu stess għand il-pulizija.
"Qalli li kellu xi tapes u ried imur hu wkoll għand il-pulizija. Jien żammejtu," xehed Brincat.
Ix-xhud qal ukoll li Theuma kien qallu li ried jitlob maħfra presidenzjali, minħabba li kellu dawn ir-recordings fil-pussess tiegħu.
Brincat qal li kien ipprova jwaqqfu
"Jien għedtlu, 'La ma nqala xejn, taqla' xejn,'" qal fil-Qorti.
Skont Brincat, Theuma kien jemmen li min imur l-ewwel għand il-pulizija kien se jingħata l-maħfra presidenzjali, u għalhekk ried ikun hu l-ewwel li jikxef dak li kien jaf.
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar ir-relazzjoni bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech.
Brincat xehed li, sa fejn kien jaf hu, Theuma u Fenech kienu ħbieb, għalkemm qal li ma kienx jaf fid-dettall x'tip ta' relazzjoni kellhom.
Meta mistoqsi jekk kienx hemm rabta oħra bejniethom, Brincat qal li Theuma kien jikri ħanut lil Yorgen Fenech u Johann Cremona.
Ix-xhud żied li Theuma kien jaħdem ukoll bħala xufier tat-taxi fil-Hilton.
Mistoqsi minn fejn ġabu l-flus li, skont ix-xhieda tiegħu, Theuma kien għadda lill-aħwa Degiorgio, Brincat wieġeb:
"Mingħand Yorgen Fenech."
Meta l-prosekutur staqsieh jekk Theuma qallu xejn aktar dwar il-flus, Brincat qal li ma jiftakarx.
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar dak li, skont hu, qallu Melvin Theuma meta mar ikellmu dwar il-każ.
Brincat xehed li Theuma qallu li Yorgen Fenech kien infurmah li Vince Muscat ("il-Koħħu") kien se jitkellem mal-awtoritajiet.
Mistoqsi x'involviment qallu li kellu fil-każ, Brincat wieġeb li Theuma qallu li kien "fin-nofs".
Meta l-prosekutur staqsieh "fin-nofs ta' min?", Brincat wieġeb li Theuma qallu li kien is-sensar bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Degiorgio.
Skont ix-xhud, Theuma qallu li Yorgen Fenech kien bagħtu jagħmel kuntatt mal-aħwa Degiorgio, u li kien għaddielhom ukoll xi flus.
Brincat qal li ma kienx jaf jekk dawk il-flus ingħatawx qabel jew wara li sar il-kuntatt.
Ix-xhud żied li kien staqsa lil Theuma jekk kienx għamel dan biex jaqla' l-flus.
"Jien għedtlu, 'Din x'ridtha? Biex taqla' xi ħaġa?' U qalli li ma qala' xejn minnha," xehed Brincat.
Mistoqsi għaliex, allura, Theuma kien involva ruħu, Brincat qal li ma kienx jaf, filwaqt li tenna li Theuma kien qallu li ma kien qala' xejn minn dak ir-rwol.
Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Edgar Brincat dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Melvin Theuma wara li dan ma baqax jaħdem miegħu.
Brincat qal li ma kienx jaf eżatt x'beda jagħmel Theuma, għalkemm kien jaf li kellu taxi. Huwa żied li baqgħu jiltaqgħu kultant, madwar tliet jew erba' darbiet, fosthom għal ikliet jew barbecues fid-dar.
Meta mistoqsi kemm kienu jafdaw lil xulxin, Brincat wieġeb li kien hemm fiduċja bejniethom.
Mistoqsi kif spiċċa ġie interrogat mill-pulizija, Brincat irrakkonta li kien Melvin Theuma stess li mar għandu d-dar wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u qallu li kien involut fil-każ.
Skont Brincat, Theuma qallu wkoll li kien se jitlob maħfra presidenzjali, u semmielu li Vince Muscat ukoll kien se jagħmel l-istess.
Brincat qal li dak il-kliem ħallieh xxukkjat.
"Hu kien qisu miġnun, jibki... Qas ridt nemmen," xehed Brincat quddiem il-ġurati
Qabel beda x-xhieda tiegħu, l-Imħallef Edwina Grima wissiet lil Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", li minħabba li għandu proċeduri kriminali pendenti, jista' jagħżel li ma jweġibx mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh.
Mistoqsi mill-prosekutur Godwin Cini, Brincat qal li fl-2018 kien jaħdem bħala negozjant tal-karozzi, xogħol li ilu jagħmel mill-1984. Żied li kellu wkoll ristorant f'Birżebbuġa u kuntratt relatat mal-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Brincat qal li fost il-persuni li kienu jgħinuh fix-xogħol kien hemm Melvin Theuma.
Huwa xehed li ilu jaf lil Theuma sa minn meta dan kien għadu ta' madwar 16 jew 17-il sena, wara li ltaqgħu fil-Marsa, fejn Brincat kellu żwiemel tat-tiġrija.
Skont Brincat, Theuma beda jgħinu bit-tiġrijiet taż-żwiemel u aktar tard ukoll fin-negozju tal-karozzi, fosthom billi jipparkja vetturi u jeħodhom għall-isprejjar.
Meta mistoqsi dwar ir-relazzjoni tagħhom, Brincat qal li kienu "ħbieb" u li kellhom relazzjoni tajba ħafna.
Huwa żied li, minkejja li Theuma aktar tard ma baqax jaħdem miegħu, baqgħu jiltaqgħu regolarment u kultant kienu joħorġu jieklu flimkien.
Jibda jixhed Edgar Brincat, magħruf bħala 'il-Ġojja' Min hu?
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda ta' Edgar Brincat, negozjant tal-karozzi magħruf bħala "il-Ġojja", li kien deskritt fil-Qorti bħala persuna qrib ħafna ta' Melvin Theuma, tant li dan kien iqisu bħala figura ta' missier.
Fix-xhieda tiegħu mistenni jitfa' aktar dawl fuq il-kuntatti li kellu mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Skont xhieda li nstemgħet aktar kmieni fil-ġuri, waqt laqgħa ma' Cutajar, Brincat kien mistoqsi jekk kienx jaf bir-recordings sigrieti li kien għamel Melvin Theuma.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda tal-Maġistrat Nadia Vella, li qed tixhed dwar xogħol li kienet wettqet qabel ingħaqdet mal-ġudikatura, meta kienet taħdem bħala litigation officer.
Vella tgħid li dak iż-żmien il-kumpanija fejn kienet taħdem kienet ġiet mitluba tinvestiga erba' persuni: Melvin Theuma, Charmaine Zammit, Cheyenne Zammit u Ryan Farrugia.
Fix-xhieda tagħha, hija tispjega li Melvin Theuma kellu poloz tal-assigurazzjoni fuq vetturi li kienu jkopru wkoll lil Edgar Brincat biex isuq dawk il-vetturi.
B'dan, tintemm ix-xhieda tal-Maġistrat Nadia Vella.
L-ewwel xhud tal-ġurnata huwa Brian Farrugia, li fl-2021 kien jaħdem ma' Transport Malta.
Farrugia jixhed li kien inkarigat jeżamina l-vetturi rreġistrati f'isem Melvin Theuma.
Fix-xhieda tiegħu joħorġu wkoll rabtiet kummerċjali bejn Theuma u Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja".
Ix-xhud jispjega li diversi vetturi kienu rreġistrati taħt Brincat Auto Importers, iżda kienu juru lil Melvin Theuma bħala s-sid. F'każ ieħor, vettura li oriġinarjament kienet irreġistrata f'isem Theuma ġiet trasferita lil Brincat.
B'dan, tintemm ix-xhieda ta' Brian Farrugia.
L-għodwa t-tajba u merħba għas-16-il jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Wara s-seduta tal-bieraħ, li kienet iddominata mix-xhieda forensika tal-esperti tal-Europol dwar il-bomba użata fl-attakk, kif ukoll xhieda li Melvin Theuma kien jibgħat flus lill-familji ta' Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat, il-proċeduri jkomplu dalgħodu quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
Illum mistennija jixhdu, fost oħrajn, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", li ismu ssemma diversi drabi matul il-ġuri.
Inwasslulkom l-aġġornamenti kollha, kif iseħħu, direttament mill-awla.