Il-bomba li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet fiha bejn 300 u 400 gramma ta' materjal splussiv, skont ix-xhieda tal-espert tal-Europol Mario Cmarec, li llum kompla jagħti dettalji tekniċi dwar l-analiżi forensika tal-vettura li splodiet fil-Bidnija fis-16 ta' Ottubru 2017.
Cmarec spjega lill-ġurati li, minkejja l-ħsarat estensivi kkawżati mill-isplużjoni u n-nar li segwa, l-esperti rnexxielhom jistabbilixxu li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tas-sewwieq.
Huwa qal ukoll li l-investigazzjoni forensika tindika li ntuża splussiv ta' qawwa għolja, b'diversi elementi jissuġġerixxu li kien TNT. Fost l-indikazzjonijiet li semma kien hemm depożiti estensivi ta' nugrufun fuq oġġetti li kienu qrib jew f'kuntatt mal-apparat splussiv.
L-espert kompla jispjega l-komponenti tal-bomba, fosthom frammenti tal-metall, tal-plastik u pjanċa tal-metall ta' madwar ħames millimetri ħxuna li kienet tifforma parti mill-apparat splussiv.
Xhieda dwar pagamenti lill-familji tad-Degiorgio u Vince Muscat
Aktar tard, il-Qorti semgħet ix-xhieda ta' Lawrence Pace, magħruf bħala "Lolly", li qal li Melvin Theuma kien talbu jgħin biex jintbagħtu flus lill-familji ta' Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat wara li t-tliet irġiel spiċċaw arrestati.
Pace xehed li Theuma kien jibgħat €100 għal kull wieħed, filwaqt li hu kien jgħaddi l-flus lil Joseph Brincat, li mbagħad kien iwassalhom lill-familji.
Din il-verżjoni ġiet ikkonfermata minn Joseph Brincat, sid il-bar Marsa White Stars, li qal li l-ewwel pagament kien ta' €300, li assuma kien maħsub biex jitqassam bejn it-tliet irġiel. Aktar tard, qal, il-pagamenti naqsu għal €200.
Brincat xehed ukoll li dejjem kien jinsisti li jingħata riċevuta mingħand Mario Degiorgio bħala prova li l-flus kienu waslu, u li waqaf iwassal il-pagamenti meta darba ma ngħatax din ir-riċevuta.
Dokumenti bankarji u recordings
Matul is-seduta xehdu wkoll diversi uffiċjali u esperti.
L-eks Compliance Officer tal-BNF Bank Steven Baldacchino ppreżenta dokumenti bankarji relatati ma' Melvin Theuma, fosthom pagamenti bejn Theuma u BestPlay Gaming Ltd, kumpanija marbuta mat-Tumas Group.
Min-naħa tiegħu, Alvin Cardona xehed li mill-apparat elettroniku elevat mingħand Theuma ġew estratti 84 recording awdjo, filwaqt li ċċara li r-rwol tiegħu kien limitat għall-ipproċessar tekniku tal-files u li qatt ma sema' l-kontenut tagħhom.
Aktar tard, il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta' Marco Torri, eks espert tal-Europol fil-forensika diġitali, li assista lill-awtoritajiet Maltin fl-analiżi ta' apparat elettroniku elevat waqt l-investigazzjoni.
Is-seduta tintemm b'nuqqas ta' xhieda
Lejn tmiem il-ġurnata nqalgħet sitwazzjoni mhux tas-soltu meta l-prosekuzzjoni informat lill-Qorti li ma kellhiex aktar xhieda disponibbli biex jixhdu.
L-Imħallef Edwina Grima ordnat li jinqraw partijiet mix-xhieda dokumentarja tal-perit Richard Aquilina, filwaqt li l-prosekuzzjoni indikat li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u Edgar Brincat huma fost ix-xhieda mistennija jixhdu fis-seduta ta' għada.
Il-prosekutur Godwin Cini qed jaqra x-xhieda ta' Charmaine Zammit, eks impjegata tal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Epic, li kienet xehdet f'April tal-2021.
Skont ix-xhieda tagħha, l-investigatur ewlieni Keith Arnaud kien talab lill-kumpanija tipprovdi informazzjoni dwar numru tat-telefon irreġistrat f'isem l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Fost l-informazzjoni mitluba kien hemm ukoll id-data ta' lokalizzazzjoni (localisation data) marbuta ma' dak in-numru għall-aħħar sena
Fin-nuqqas ta' aktar xhieda disponibbli, il-prosekuzzjoni tibda taqra x-xhieda tal-perit Richard Aquilina, li kien inħatar mill-Qorti.
Aquilina kien inkarigat jipprepara deskrizzjonijiet spazjali ta' diversi siti marbuta mal-investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus allegat ta' Melvin Theuma.
Fix-xhieda tiegħu, il-perit jiddeskrivi appartament f'blokka fiż-Żurrieq, li jikkonsisti f'żewġ kmamar tas-sodda, kċina, kamra tal-banju u garaxx biswit.
Ix-xhieda tirreferi wkoll għal safe deposit boxes fil-Bank of Valletta fil-Marsa, fejn instabu €781,826.64 fi flus kontanti.
Separatament, Aquilina kien ukoll inħatar fl-inkjesta dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fejn kien responsabbli biex iħejji pjanta tax-xena tad-delitt u jwettaq żjara fuq il-post fil-potato shed fil-Marsa.
Fl-istess ħin, il-Qorti tingħata indikazzjoni ta' min hu mistenni jixhed fis-seduta ta' għada.
Fost ix-xhieda mistennija hemm l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, kif ukoll Edgar Brincat, negozjant tal-karozzi li kien viċin Melvin Theuma.
Mument mhux tas-soltu fl-awla hekk kif tintemm ix-xhieda ta' Marie Claire Tabone.
Il-prosekuzzjoni tinforma lill-Imħallef Edwina Grima li m'għandhiex aktar xhieda lesti biex jixhdu llum, minkejja li s-seduta għadha kmieni.
L-Imħallef tesprimi d-diżappunt tagħha bis-sitwazzjoni u tosserva li ma jistax ikun li fis-3.30pm ma jkunx hemm aktar xhieda disponibbli, filwaqt li titlob lill-prosekuzzjoni tara jekk jistax jitla' xi xhud ieħor immedjatament.
Il-prosekuzzjoni twieġeb li għamlet tentattivi biex iġġib xhieda oħra, iżda dan ma kienx possibbli.
Wara diskussjoni qasira, l-Imħallef tordna li, minflok, tinqara x-xhieda ta' Richard Aquilina, perit fil-każ, sabiex il-proċeduri jkunu jistgħu jkomplu.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda ta' Marie Claire Tabone, eks impjegata tal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita Limited.
Tabone qed tikkonferma li numru tat-telefon partikolari kien irreġistrat f'isem Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", li kien assoċjat ma' Melvin Theuma.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda ta' Marco Torri, eks espert tal-Europol fil-qasam tal-forensika diġitali u ċ-ċiberkriminalità, li qed jixhed permezz ta' video conferencing.
Torri jgħid li kien mitlub jassisti lill-awtoritajiet Maltin fl-eżami ta' diversi apparati elettroniċi li kienu ġew elevati waqt it-tfittxijiet li saru matul l-investigazzjoni.
Il-Qorti tiċċara li r-recording li qed isir riferiment għalih huwa konversazzjoni bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
Madankollu, ix-xhud Alvin Cardona jagħmel ċaħda ċara, u jgħid li qatt ma sema' l-kontenut ta' dawn ir-recordings.
"Nista' nikkonferma biss il-proprjetajiet tal-file, l-informazzjoni u t-tul ta' kull recording," jgħid Cardona.
Ix-xhud jispjega li r-rwol tiegħu kien limitat għall-estrazzjoni u l-ipproċessar tekniku tal-files, u mhux għall-analiżi tal-kontenut tagħhom.
Alvin Cardona, jispjega kif estratta u kkonverta recordings awdjo li nstabu fuq apparat elettroniku ta' Melvin Theuma f'format aċċessibbli.
Ix-xhud jippreżenta dokument li juri li mill-apparat elettroniku ġew estratti 81 recording minn drive wieħed u tlieta oħra minn drive separat, għal total ta' 84 recording.
Matul il-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Charles Mercieca jistaqsi dwar recording identifikat bħala "voice nine".
Il-prosekutur Godwin Cini jgħid li r-recordings se jindaqqu aktar 'il quddiem waqt il-proċeduri.
Madankollu, l-avukata Giannella de Marco tinsisti li dan ir-recording partikolari jindaqq minnufih, sabiex id-difiża tkun tista' tistaqsi lix-xhud dwaru.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda ta' Alvin Cardona, li kien inkarigat jiskennja u jagħmel kopji ta' diversi dokumenti li nstabu fil-'kaxxa tal-ġelat' li Melvin Theuma kien għadda lill-pulizija.
Cardona jixhed li fost id-dokumenti kien hemm stampi ta' messaġġi kif ukoll ir-ritratt magħruf ta' Melvin Theuma ma' Keith Schembri f'Kastilja, li kien jinsab fost l-evidenza elevata.
Wara l-waqfa tal-ikel, waħda mill-ewwel kwistjonijiet li tqum fl-awla hija t-temperatura.
L-avukati jilmentaw bis-sħana, filwaqt li l-Imħallef Edwina Grima tosserva li diversi ġurati, qed iħossu l-bard.
Mill-gallarija fejn qiegħdin aħna l-ġurnalisti ul-pubbliku jidher li wħud qed iħossu l-bard u oħrajn is-sħana
L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa għall-ikel.
Is-seduta terġa' tibda fis-2.30pm, meta mistennija tkompli x-xhieda quddiem il-ġurati.
Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti diretti hekk kif terġa' tibda s-seduta.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda tas-Supretendent Rennie Stivala, li qed jirrakkonta l-investigazzjoni relatata mal-arrest ta' Ryan Farrugia, is-sieħeb ta' bint is-sieħba ta' Melvin Theuma.
Stivala jixhed li l-pulizija wettqu tfittxija fir-residenza ta' Farrugia fil-preżenza tiegħu, fejn elevaw diversi oġġetti, fosthom ġojjellerija u aktar minn €112,000 fi flus kontanti.
Huwa jżid li aktar tard il-pulizija reġgħu marru fil-post flimkien ma' uffiċjali tal-Europol, fejn instabu u ġew elevati aktar oġġetti relatati mal-investigazzjoni.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda ta' Margaret Debattista, li kienet inħatret minn maġistrat biex tittraskrivi sensiela ta' recordings awdjo.
Fil-Qorti ma ġiex speċifikat jekk dawn humiex ir-recordings li Melvin Theuma kien għamel tal-konversazzjonijiet tiegħu ma' Yorgen Fenech.
Debattista tispjega li fit-traskrizzjonijiet, il-persuni involuti huma identifikati biss bħala "Person A", "Person B" u "boy".
Meta tiġi mistoqsija dwar dan, hija tgħid li setgħet tiddistingwi tliet vuċijiet differenti, waħda minnhom dik ta' tifel żgħir.
Sadanittant, il-Qorti qed tkompli tiġi ppreżentata b'dokumenti oħra relatati mal-każ.
Matul il-kontro-eżami, l-avukata Giannella de Marco tirreferi għal taqsima fir-rapport tal-BNF Bank li tgħid li Melvin Theuma kien meqjus bħala persuna ta' "bad repute".
L-eks Compliance Officer Steven Baldacchino jispjega li din il-valutazzjoni ma kinitx tiegħu, iżda kienet saret mir-Relationship Manager tal-bank, li kien irrakkomanda li jingħalaq il-kont bankarju ta' Theuma.
Ix-xhud jisħaq li r-rwol tiegħu kien limitat għall-ġbir tad-dokumenti u l-preżentazzjoni tagħhom f'rapport, u mhux biex jagħmel tali valutazzjonijiet.
B'dan, tintemm ix-xhieda ta' Steven Baldacchino
L-eks Compliance Officer tal-BNF Bank, Steven Baldacchino, qed jippreżenta dokumenti bankarji relatati ma' Melvin Theuma.
Fost id-dokumenti ppreżentati hemm pagamenti bejn Theuma u BestPlay Gaming Ltd, kumpanija marbuta mat-Tumas Group, kif ukoll ftehim ta' kiri kummerċjali li jipprevedi ħlas tal-kera kull tliet xhur.
Baldacchino jippreżenta wkoll ċekk ta' €2,300 maħruġ minn BestPlay Gaming Ltd lil Melvin Theuma.
Huwa jirreferi wkoll għal dokument iffirmat minn Theuma li jikkonferma li rċieva €2,250 mingħand BestPlay Gaming Ltd bħala ħlas ta' kera għal proprjetà f'Ħal Qormi, għall-perjodu bejn Jannar u l-31 ta' Marzu 2017.
Fost il-fajls ippreżentati hemm ukoll mandat ta' sekwestru mitlub mir-raġel u wlied Daphne Caruana Galizia kontra Melvin Theuma, Yorgen Fenech, Alfred u George Degiorgio, u Vince Muscat.
Ix-xhud jispjega li kien ġabar id-dokumentazzjoni kollha relevanti marbuta ma' dan il-fajl.
L-eks Compliance Officer tal-BNF Bank, Steven Baldacchino, qed jixhed permezz ta' video conferencing.
Qabel jibda x-xhieda tiegħu, Baldacchino jitlob lill-Qorti biex jinħeles mis-sigriet professjonali, sabiex ikun jista' jippreżenta dokumenti u jagħti x-xhieda tiegħu.
Huwa jgħid li ġie mitlub jippreżenta dokumenti u bank statements relatati ma' Melvin Theuma, li ammetta li kien il-medjatur fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Wara l-waqfa, il-Qorti terġa' tibda bis-smigħ tax-xhieda ta' Steven Baldacchino, li fl-2021 kien jokkupa l-kariga ta' Compliance Officer fil-BNF Bank.
Baldacchino issa qed jixhed quddiem il-ġurati dwar il-ħidma tiegħu f'dik il-kariga.
L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa ta' 20 minuta fil-proċeduri.
Is-seduta mistennija terġa' tibda għall-ħabta tal-11.15am, meta jkomplu jinstemgħu x-xhieda quddiem il-ġurati.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda ta' Joseph Brincat, sid il-bar Marsa White Stars.
Brincat jixhed li Lawrence Pace ("Lolly") kien talbu jgħaddi flus lill-familja Degiorgio, meta George u Alfred Degiorgio kienu l-ħabs.
Huwa jgħid li kien jaf lil Mario Degiorgio, ħu George u Alfred, iżda qatt ma staqsa għaliex kienu qed jintbagħtu dawk il-flus, għax, kif qal hu stess, kien qed jagħmel "favur" lil Lawrence Pace.
Ix-xhud jgħid li l-ewwel pagament kien ta' €300. Huwa assuma li kien se jitqassam €100 lil George, €100 lil Alfred u €100 lil Vince Muscat, iżda qal li ma kienx jaf eżatt kif kienu jitqassmu l-flus.
Brincat jixhed li Mario Degiorgio kien jagħtih riċevuta kull darba li kien jirċievi l-flus, u hu kien jgħaddiha lura lil Lawrence Pace bħala konferma li l-flus waslu.
Skont ix-xhud, b'kollox saru ħames pagamenti. L-ewwel wieħed kien ta' €300, iżda aktar tard l-ammont niżel għal €200, għalkemm qal li ma jiftakarx meta seħħ dan.
Brincat jinsisti li qatt ma kien interessat ikun jaf għalxiex kienu l-flus, iżda jgħid li dejjem insista li jingħata riċevuta.
Huwa jżid li darba ma ngħatax riċevuta, u minħabba f'hekk irrifjuta jkompli jwassal il-flus.
Qabel tintemm ix-xhieda tiegħu, il-ġurati jingħataw l-opportunità jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lil Lawrence Pace.
Wieħed mill-ġurati jistaqsih dwar l-irċevuti relatati mal-flus li Melvin Theuma kien jibgħat lill-familji tat-tliet irġiel.
Pace jwieġeb li Theuma kien jaf b'dawn ir-riċevuti u li kien anke jmur kultant fil-ħanut ta' Joseph Brincat, li kien jgħaddi l-flus lill-familji.
B'dan, tintemm ix-xhieda ta' Lawrence Pace.
Matul il-kontro-eżami, l-avukata Giannella de Marco tkompli tistaqsi lil Lawrence Pace dwar il-vjaġġ li kien għamel ma' Vince Muscat lejn is-Siġġiewi biex iwassal envelop b'flus.
De Marco tistaqsih jekk Muscat qattx spjegalu għalxiex kienu dawk il-flus, jew jekk kinux marbuta mal-logħob tal-azzard jew ma' xi djun.
Pace jikkonferma li Vince Muscat kien jilgħab il-logħob tal-azzard u kultant kien jispiċċa bid-djun, iżda jgħid li qatt ma kien jaf għalxiex kienu l-flus li kien iwassal.
Ix-xhud iżid li akkumpanja lil Muscat darbtejn biss, qabel qallu li ma riedx jibqa' jinvolvi ruħu f'dawn l-affarijiet.
De Marco mbagħad tistaqsih dwar ir-riċevuti li kien jingħata wara li jwassal l-envelopi, u jekk kienx hemm ismu miktub fuqhom.
"Lanqas naf naqra, aħseb u ara naf x'kien hemm miktub fuq ir-riċevuta," iwieġeb Pace.
Beda l-kontro-eżami ta' Lawrence Pace mill-avukata Giannella de Marco, li ffukat fuq ir-relazzjoni tiegħu ma' Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat.
Pace xehed li kien jaf lit-tliet irġiel għax kienu joqogħdu fl-istess żona tal-Marsa.
Huwa qal li kien jaħdem mad-Dipartiment tad-Dwana, iżda kien jiffrekwenta ċerti ħwienet u stabbilimenti fil-lokalità, fejn kien jiltaqa' magħhom.
De Marco rrimarkat li t-tliet irġiel kienu jafdawh, peress li kienu jafdawh biex iwassal flus f'isimhom.
Il-Qorti kompliet tisma' x-xhieda ta' Lawrence Pace, li rrakkonta episodju li, skont hu, seħħ qabel l-arresti.
Pace xehed li darba Vince Muscat talbu jmur miegħu s-Siġġiewi biex jagħmel xi qadi.
Skont ix-xhud, kienu fil-ħanut Ta' Rafel fil-Ħamrun meta Muscat resaq lejh u talbu jakkumpanjah.
Meta waslu fil-pjazza tas-Siġġiewi, Muscat qallu biex jinżel mill-karozza u jistenna sakemm tgħaddi karozza żgħira.
Pace qal li Muscat tah envelop żgħir b'xi flus, iżda ma qallu xejn għalxiex kienu.
Meta waslet il-karozza, Pace qal li għadda l-envelop lill-persuna li kienet fiha, u bi tpattija ngħata riċevuta, li mbagħad reġa' ta lil Muscat.
Lawrence Pace xehed li l-pulizija interrogawh fl-2019, meta Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat kienu diġà jinsabu l-ħabs.
Il-prosekutur Godwin Cini talbu jispjega kif Melvin Theuma daħal fl-istorja.
Pace qal li kien jinsab f'ħanut fil-Ħamrun meta Theuma qallu li ried jibgħat €100 lil kull wieħed mit-tliet irġiel, sabiex il-flus jaslu għand il-familji tagħhom wara l-arrest.
Skont ix-xhud, intlaħaq ftehim li Theuma kien jagħtih il-flus, hu kien jgħaddihom lil Joseph Brincat, u dan tal-aħħar kien iwassalhom lill-familji tal-priġunieri.
Pace xehed li kull erba' ġimgħat kien jgħaddi l-flus lil Joseph Brincat biex jitqassmu.
Jibda jixhed Lawrence Pace, magħruf bħala 'Lolly'
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda ta' Lawrence Pace, magħruf bil-laqam "Lolly", residenti l-Marsa.
Mistoqsi mill-prosekuzzjoni dwar il-persuni li fuqhom kien interrogat mill-pulizija, Pace wieġeb li kien mistoqsi dwar Alfred u George Degiorgio, Vince Muscat u Melvin Theuma.
Pace qal li kien jaf lil Alfred Degiorgio bħala "il-Fulu" u lil George Degiorgio bħala "iċ-Ċiniż".
Dwar Vince Muscat, qal li kien joqgħod warajh il-Marsa u li kienu jiltaqgħu kultant f'bar fiż-żona.
Meta mistoqsi dwar Melvin Theuma, Pace xehed li kien jaf bih mill-Marsa u li kien jiltaqa' miegħu fil-ħanut tal-Ħamrun, magħrfuf bħala "
L-espert tal-Europol, Mario Cmarec, kompla jispjega lill-ġurati l-komponenti tal-apparat splussiv użat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Cmarec qal li l-investigaturi identifikaw tliet kategoriji ewlenin ta' frammenti marbuta mal-bomba: frammenti tal-metall, tal-plastik u partikuli oħra.
B'referenza għal pjanċa tal-metall irkuprata mix-xena tad-delitt, huwa xehed li l-apparat kien mibni madwar pjanċa tal-metall ta' madwar 5 millimetri ħxuna.
L-espert spjega wkoll li apparat splussiv improvviżat ta' dan it-tip normalment ikun magħluq f'kontenitur, li jista' jintuża biex jaħbi l-bomba jew iżid il-ħsara kkawżata mill-isplużjoni.
Huwa ta bħala eżempju kontenitur tal-metall, li meta jisplodi jitfarrak f'biċċiet u jikkawża aktar ħsara.
Il-Qorti kompliet tisma' x-xhieda tal-espert tal-Europol, Mario Cmarec, dwar il-bomba użata fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Cmarec xehed li, skont l-analiżi forensika, l-apparat splussiv kien fih bejn 300 u 400 gramma ta' materjal splussiv
Il-prosekutur Godwin Cini rrefera għat-taqsima "expert opinion" tar-rapport forensiku ppreżentat mill-espert tal-Europol, Mario Cmarec.
Cmarec xehed li l-investigaturi ppruvaw jistabbilixxu x'tip ta' splussiv intuża fl-attakk.
Huwa spjega li l-esplużjoni kienet ikkawżata minn splussiv ta' qawwa għolja (high explosive), b'qawwa distruttiva ferm akbar minn splussivi kummerċjali jew dawk użati fil-logħob tan-nar.
Skont l-espert, diversi sejbiet forensiċi indikaw li x'aktarx intuża TNT.
Fost l-elementi li semma kien hemm depożiti estensivi ta' nugrufun (soot) fuq oġġetti li kienu fil-viċin jew f'kuntatt mal-apparat splussiv.
L-espert tal-Europol, Mario Cmarec, xehed li minkejja l-ħsarat estensivi kkawżati mill-isplużjoni u n-nar, l-investigaturi rnexxielhom jistabbilixxu l-post approssimattiv fejn kienet tqiegħdet il-bomba.
Cmarec spjega li, abbażi tal-ħsarat karatteristiċi fil-qiegħ tal-vettura u tal-mod kif il-frammenti tal-metall kienu ntefgħu 'l barra, l-investigaturi kkonkludew li l-isplużjoni oriġinat minn ġewwa l-karozza.
Permezz ta' mudell ta' rikostruzzjoni, l-esperti waslu għall-konklużjoni li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tas-sewwieq.
Il-prosekutur Godwin Cini talab lill-espert tal-Europol, Mario Cmarec, biex jispjega lill-ġurati r-rapport forensiku li ħejja dwar il-karozza li splodiet fil-Bidnija.
Cmarec xehed li l-investigaturi ġabru l-aktar frammenti u tifrik mix-xena tad-delitt, li setgħu jkunu ta' relevanza għall-investigazzjoni.
Huwa spjega li l-vettura mbagħad inżammet f'garaxx sigur, fejn saret analiżi forensika dettaljata.
Meta beda jispjega l-konklużjonijiet tar-rapport, Cmarec qal li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-investigazzjoni kien li jiġi stabbilit fejn kienet tqiegħdet il-bomba fil-vettura.
B'referenza għal dijagramma inkluża fir-rapport, huwa qal li l-karozza ġarrbet ħsarat estensivi kemm mill-isplużjoni kif ukoll min-nar qawwi li segwa, tant li ħafna mill-materjal li seta' kien fih evidenza marbuta mal-apparat splussiv ġie meqrud jew iddiżintegra.
L-espert tal-Europol, Mario Cmarec, xehed li wasal Malta f'Novembru tal-2017, madwar xahar wara l-isplużjoni tal-karozza li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Huwa spjega li kien inkarigat biex iwettaq investigazzjoni forensika fuq il-vettura wara l-isplużjoni, kif ukoll jeżamina l-evidenza kollha miġbura mix-xena tad-delitt.
Cmarec qal li, wara l-analiżi tiegħu, ħejja rapport bit-titlu: "Post-blast examination report. Vehicle explosion incident. Location: Bidnija, Malta."
L-ewwel xhud tal-lum huwa Mario Cmarec, espert tal-Europol fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Cmarec qed jagħti x-xhieda tiegħu permezz ta' video conferencing, hekk kif il-ġuri ta' Yorgen Fenech jidħol fil-15-il jum tiegħu.
L-għodwa t-tajba u merħba
Wara seduta li ffukat fuq l-investigazzjoni tal-pulizija dwar Melvin Theuma u x-xhieda tas-Supretendent Nicholas Vella, il-proċeduri jkomplu dalgħodu quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
Illum il-Qorti mistennija tkompli tisma' aktar xhieda hekk kif il-prosekuzzjoni tkompli tressaq il-provi tagħha quddiem il-ġurija.
Inwasslulkom l-aġġornamenti kollha, kif iseħħu, direttament mill-awla.