Raġel mill-Pietà evita sentenza effettiva ta’ priġunerija wara li ammetta sensiela ta’ reati ta’ frodi fuq ħames vittmi, fosthom il-kumpanija eCabs Operators Company Ltd.
Mark Mallia ġie kkundannat għal erba’ snin priġunerija, sospiżi għal erba’ snin, wara li nstab ħati fuq ammissjoni tiegħu stess.
Ir-reati twettqu bejn it-2 ta’ Frar 2022 u l-1 ta’ Marzu 2023 f’diversi lokalitajiet madwar Malta.
Il-prosekuzzjoni akkużat lil Mallia li ħaddem skema ta’ frodi billi għamel użu minn ismijiet u identitajiet foloz, ta stampa falza li kienu jeżistu negozji jew tranżazzjonijiet kummerċjali leġittimi u b’hekk qarraq bil-vittmi biex jagħtuh flus. Huwa kien akkużat ukoll li għamel użu illegali ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika b’rabta ma’ din l-iskema ta’ frodi.
Il-Qorti semgħet li l-frodi kkawżaw ħsarat finanzjarji li qabżu l-€5,000, u b’hekk ir-reati jaqgħu taħt l-artikoli aktar serji tal-Kodiċi Kriminali.
Fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2026, Mallia informa lill-Qorti li xtaq jirreġistra ammissjoni għall-akkużi prinċipali kollha miġjuba kontrih.
Il-Qorti aċċettat din l-ammissjoni biss wara li aċċertat ruħha li kienet saret volontarjament, mingħajr kundizzjonijiet u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi legali tagħha.
Wara l-ammissjoni, il-Qorti sabitu ħati fuq l-akkużi prinċipali filwaqt li lliberatu mill-akkużi alternattivi.
Qabel ma tat is-sentenza, il-Qorti kkunsidrat li Mallia kien ikkumpensa kompletament lill-vittmi kollha qabel ingħatat is-sentenza. Dokumentazzjoni ppreżentata fil-Qorti wriet li l-kumpens kien tħallas kollu u il- prosekuzzjoni kif ukoll il-vittmi kkonfermaw dan.
Il-Qorti qieset ukoll l-ammissjoni bikrija tal-ħtija, il-kooperazzjoni tiegħu mal-investigaturi u l-fedina penali tiegħu, li ġiet deskritta bħala kważi nadifa.
Id-difiża argumentat li l-piena kellha titnaqqas taħt il-minimu stabbilit mil-liġi minħabba li l-vittmi kienu ġew ikkumpensati.
Madankollu, il-Maġistrat Ann Marie Thake qalet li, għalkemm dan kien fattur mitiganti importanti, dan waħdu ma kienx jikkostitwixxi ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali meħtieġa mil-liġi biex tiġi imposta piena taħt il-minimu legali.
il-Qorti lliberat lil Mallia minn uħud mill-akkużi li kienu tressqu bħala akkużi alternattivi iżda sabitu ħati fuq il-kumplament tal-akkużi.
Huwa ġie kkundannat għal erba’ snin priġunerija, sospiżi għal erba’ snin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri, filwaqt li l-avukati Jose Herrera u Martina Herrera dehru għal Mallia. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Ann Marie Thake.