Koppja Rumena li x-xahar li għadda ngħatat sentenza ta' sentejn ħabs sospiżi għal erba' snin wara li ammettiet sensiela ta' serqiet minn fuq persuni fil-Belt Valletta reġgħet tressqet il-Qorti, akkużata li wettqet reati simili inqas minn ġimgħa wara li ngħatat il-libertà.
Sandu Marius, ta' 44 sena, u Lucica Ivanciv, ta' 43 sena, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi li fit-29 ta' Ġunju allegatament serqu żewġ persuni anzjani fil-Belt Valletta.
Il-koppja ma talbitx il-ħelsien mill-arrest.
Skont il-prosekuzzjoni, il-Pulizija rċeviet żewġ rapporti separati ta' pickpocketing li seħħew fl-istess wara nofsinhar fil-Belt. Wara li ġew analizzati filmati tas-CCTV, l-investigaturi kkonkludew li ż-żewġ serqiet allegatament twettqu mill-istess koppja.
Il-prosekuzzjoni sostniet li l-akkużati kienu jiftħu l-basktijiet tal-vittmi mingħajr ma dawn jintebħu, jieħdu flus kontanti u oġġetti oħra u jitilqu mill-post. F'wieħed mill-każijiet, il-karti bankarji misruqa allegatament intużaw ftit tal-ħin wara fi ħwienet fi Pjazza Tritoni.
Il-filmati tas-sigurtà ppermettew lill-Pulizija tagħraf lill-koppja, li kienet diġà magħrufa mill-investigazzjoni preċedenti, u nħareġ mandat ta' arrest.
Lucica Ivanciv ġiet arrestata fil-bini tal-Qrati fil-Belt waqt li kienet għadha mfittxija. Aktar tard, il-Pulizija marret fir-residenza tal-koppja f'San Ġwann, fejn arrestat ukoll lil Marius.
Waqt tfittxija fid-dar, il-Pulizija allegatament sabet diversi oġġetti marbuta mas-serqiet.
Ix-xahar li għadda, il-koppja kienet ammettiet ir-responsabbiltà għal erba' serqiet li seħħew bejn April u Mejju, wara investigazzjoni dwar 22 rapport ta' pickpocketing fil-Belt Valletta.
Dakinhar, il-Pulizija kienet spjegat li Marius kien juża mappa turistika biex jgħatti idejh waqt li jisraq lill-vittmi, qabel jgħaddi l-oġġetti misruqa lil Ivanciv mingħajr ma jiġbed attenzjoni.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Stephen Gulia u Julia Micallef Stafrace flimkien mal-Ispettur Jeffrey Rizzo. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit qed jidhru għall-akkużati.