'Il-Ġojja' kien f'kuntatt dirett mal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar

Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", kien f'kuntatt dirett mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fil-jiem ta' qabel l-arrest ta' Melvin Theuma, skont xhieda li ngħatat illum fil-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Is-Supretendent Nicholas Vella xehed li waqt l-investigazzjoni l-pulizija sabu komunikazzjoni bejn Brincat u Cutajar, wara li l-Europol identifikat numru tat-telefon li deher fil-call logs bħala dak tal-Kummissarju ta' dak iż-żmien.

Vella qal li messaġġ partikolari wasslu biex jinforma lill-maġistrat inkwerenti u jitlob lil Cutajar jattendi fid-Depot tal-Pulizija biex jagħti spjegazzjoni.

Skont ix-xhud, Cutajar qal lill-investigaturi li kien qed iżomm kuntatt ma' Brincat sabiex jikkonvinċi lil Melvin Theuma jitkellem mal-pulizija. Huwa qal ukoll li kien jaf li Theuma kellu recordings fil-pussess tiegħu u li Brincat kien ħabib intimu tiegħu.

Matul il-kontro-eżami, l-avukata Giannella de Marco qrat parti miċ-chats bejn Brincat u Cutajar, fejn Brincat ripetutament kien jitlob lill-Kummissarju jċempillu fil-5pm.

De Marco staqsiet lil Vella jekk jiftakarx li l-ewwel waħda minn dawn it-talbiet saret ġurnata qabel l-arrest ta' Theuma u Brincat. Vella wieġeb li jiftakar li kien hemm dawk iċ-chats, iżda ma jiftakarx id-data eżatta tagħhom.

L-avukata kompliet tirreferi għax-xhieda li Vella kien ta fl-inkjesta maġisterjali, fejn kien qal li ċ-chats ġew stampati u mgħoddija lis-servizzi sigrieti biex jiġu eżaminati.

Vella kkonferma li l-Europol kienet staqsiet dwar dawk il-komunikazzjonijiet u li l-pulizija pprovdiet l-informazzjoni kollha li kellha. Huwa qal ukoll li s-servizzi sigrieti tkellmu ma' Brincat u aktar tard għaddew il-konklużjonijiet tagħhom lill-pulizija, għalkemm ma żvelawx il-kontenut tal-konversazzjoni. Skont Vella, is-servizzi sigrieti kienu sodisfatti bl-ispjegazzjoni mogħtija minn Cutajar.

L-investigazzjoni fuq Melvin Theuma

Il-parti l-kbira tas-seduta kienet iddedikata għax-xhieda tas-Supretendent Nicholas Vella, li ddeskriva fid-dettall kif fl-2019 kien ingħata l-inkarigu biex jinvestiga lil Melvin Theuma fuq suspett ta' ħasil ta' flus, evażjoni tat-taxxa u logħob tal-azzard illegali.

Vella qal li qatta' kważi xahrejn jinvestiga lil Theuma qabel ma ġie arrestat f'Novembru tal-2019.

Huwa xehed li fit-13 ta' Novembru nnota li Theuma ma marx fil-post fejn kien is-soltu jopera kull nhar ta' Erbgħa u Sibt, filwaqt li l-għada skopra li kien beda jneħħi l-affarijiet tiegħu mill-post.

Wara l-arrest, Theuma qal lill-pulizija li kellu "kaxxa" li kienet dejjem miegħu. Aktar tard, fil-preżenza tiegħu u tal-avukat tiegħu, il-pulizija fetħu l-kaxxa, li fil-fatt kienet kaxxa tal-ġelat tal-plastik.

Fiha nstabu żewġ mobiles Samsung, recorder Philips, USB cable, tliet USB sticks u mazz dokumenti li kien jinkludi screenshots ta' chats ma' Yorgen Fenech kif ukoll ir-ritratt magħruf ta' Theuma ma' Keith Schembri f'Kastilja.

Vella spjega li l-apparat elettroniku ġie analizzat minn esperti, filwaqt li uffiċjali tal-Europol estrattaw id-data kollha li kien fih.

Aktar minn €790,000 fi flus kontanti

Ix-xhud ta wkoll dettalji dwar it-tfittxijiet li saru fuq il-proprjetajiet ta' Theuma.

Skont Vella, il-pulizija elevaw aktar minn €790,000 fi flus kontanti minn diversi proprjetajiet marbuta ma' Theuma u l-familja tiegħu.

Fosthom kien hemm €550,207.70 f'residenza fiż-Żurrieq, €112,304.40 f'proprjetà f'Ħal Qormi, €132,445 fil-pussess ta' omm is-sieħba tiegħu u €1,900.64 għand is-sieħba tiegħu.

Il-pulizija elevaw ukoll diversi vetturi, mobiles, tagħmir elettroniku u dokumentazzjoni relatata ma' proprjetajiet.

Matul il-kontro-eżami, Vella xehed li Theuma kellu 11-il proprjetà taħt il-kontroll dirett tiegħu u tliet proprjetajiet oħra rreġistrati f'isem membri tal-familja.

Mistoqsijiet dwar l-impjieg fantażma 

Id-difiża ffukat ukoll fuq l-allegat 'phantom job' ta' Theuma.

Vella qal li Theuma kien attenda intervista għall-impjieg u kien ġie fl-ewwel post, filwaqt li d-dokumentazzjoni kollha ntbagħtet lil Jobsplus u ġiet esebita fl-atti tal-każ.

Huwa rrakkonta wkoll il-verżjoni li ta Theuma lill-pulizija, li skontha Sandro Craus kien sejjaħlu Kastilja, fejn sab lil Keith Schembri fl-uffiċċju tiegħu u fejn, allegatament, Craus ħa r-ritratt magħruf ta' Theuma ma' Schembri.

Vella żied li, skont ix-xhieda tal-eks CEO Anthony Muscat lill-pulizija, Muscat kien irċieva telefonata mingħand Keith Schembri jistaqsih għaliex Theuma kien waqaf jirċievi s-salarju tiegħu. Muscat qal ukoll li kien Yorgen Fenech li l-ewwel infurmah li ċ-ċekkijiet kienu waqfu.

Xhieda oħra

Aktar tard xehdu diversi uffiċjali u esperti forensiċi li kkonfermaw rapporti, ritratti u dokumentazzjoni relatati mat-tfittxijiet fuq il-proprjetajiet ta' Melvin Theuma u l-evidenza elevata waqt l-investigazzjoni.

Fosthom kien hemm il-Kuntistabbli Clayton Gatt, li xehed dwar dokumenti li Theuma għadda lill-pulizija minn residenza f'Wied il-Għajn, kif ukoll diversi fotografi forensiċi u esperti tal-laboratorju forensiku li ppreżentaw ir-rapporti tagħhom lill-Qorti.

Il-ġuri jkompli għada quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

It-tim tal-prosekuzzjoni huwa mmexxi mill-avukati Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.

Fenech huwa rrappreżentat mill-avukati Gianelle Demarco, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-familja Caruana Galizia hija rrappreżentata mill-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.

Il-kawża qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

18:49

L-aħħar xhud li qed jinstema' llum huwa Graham Cassar Bonaci, li huwa stazzjonat fil-Laboratorju Forensiku.

Cassar Bonaci jixhed li żar l-indirizzi kollha marbuta mat-tfittxijiet li l-pulizija wettqu fuq il-proprjetajiet ta' Melvin Theuma, bħala parti mill-investigazzjoni.

Ix-xhieda tiegħu qed tiffoka fuq il-ħidma forensika mwettqa waqt dawn it-tfittxijiet.

Jaelle Borg
18:45

Filwaqt li l-proċeduri fil-Qorti għadhom għaddejjin, il-ħoss tal-marċi u l-briju tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta qed jibda jinstema' dejjem aktar mill-awla, u jagħti kuntrast mal-atmosfera serja tal-ġuri.

 

 

Jaelle Borg
18:33

Issa qed tixhed l-eks Pulizija Lara Garcia, li kienet inħatret bħala esperta tal-Qorti biex tiddokumenta evidenza fotografika.

Garcia tikkonferma li hija responsabbli għar-ritratti meħuda f'appartament f'Marsaskala, bħala parti mill-investigazzjoni.

Ix-xhieda tagħha tiffoka fuq il-konferma tar-rapport fotografiku u tal-immaġnijiet li ġew ippreżentati fil-proċeduri tal-Qorti.

Jaelle Borg
18:30

Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta' Christian Mintoff, li dak iż-żmien kien Scene of Crime Officer.

Mintoff xehed li fil-15 ta' Novembru 2019 kien inkarigat jieħu ritratti waqt tfittxija f'appartament fiż-Żurrieq.

Huwa qal li l-parti l-kbira tal-evidenza li ddokumenta kienet tikkonsisti fi flus kontanti, li ġew fotografati bħala parti mill-proċess forensiku tal-investigazzjoni.

Ix-xhud ikkonferma li r-ritratti li ppreżenta lill-Qorti kienu ttieħdu minnu waqt dik it-tfittxija.

Jaelle Borg
18:10

Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-Kuntistabbli Daniel Formosa, fotografu mal-Forensics Unit.

Formosa ppreżenta diversi ritratti li kien ħa tal-evidenza elevata mir-residenza tas-sieħeb ta' bint is-sieħba ta' Melvin Theuma, bħala parti mill-investigazzjoni.

Wara x-xhieda qasira tiegħu, telgħet tixhed is-Surġent Abigail Grech, li wkoll taħdem bħala fotografa forensika.

Grech xehed li fis-27 ta' April 2020 ħadet 155 ritratt ta' flus kontanti, ċertifikati, kuntratti u dokumenti elevati mill-pulizija.

Hija żiedet li ħadet ukoll 305 ritratti oħra tal-evidenza elevata mir-residenza ta' Melvin Theuma fiż-Żurrieq, bħala parti mid-dokumentazzjoni forensika tal-investigazzjoni.

 

Jaelle Borg
17:40

Wara l-waqfa, il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-Ispetturi Charlo Casha u Brendan Cini, it-tnejn stazzjonati fil-Laboratorju tax-Xjenza Forensika.

Iż-żewġ spetturi ġew mitluba jikkonfermaw taħt ġurament rapporti li kienu ppreżentaw waqt l-inkjesta maġisterjali.

Huma spjegaw li, dak iż-żmien, ir-rwol tagħhom kien li jiġbru u jiddokumentaw l-evidenza forensika mix-xena tad-delitt, u kkonfermaw li l-firem fuq ir-rapporti kienu tagħhom.

Wieħed mir-rapporti kien relatat ma' kampjuni tad-DNA meħuda permezz ta' mouth swabs mingħand Alfred u George Degiorgio.

Rapport ieħor kien jikkonċerna kunsinna ta' mobiles lill-Europol u lill-Netherlands Forensic Institute għall-analiżi forensika.

Jaelle Borg
16:51

L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa ta' 30 minuta fil-proċeduri.

Is-seduta terġa' tibda aktar tard wara nofsinhar, meta mistennija tkompli tinstema' x-xhieda fil-ġuri ta' Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
16:50

Wara li ntemmet ix-xhieda tas-Supretendent Nicholas Vella, tela' jixhed il-Kuntistabbli Clayton Gatt, mill-Major Crimes Unit.

Gatt spjega li fis-7 ta' Diċembru 2017, kmieni wara nofsinhar, ingħata struzzjonijiet biex jakkumpanja lil Melvin Theuma lejn ir-residenza tiegħu f'Wied il-Għajn, sabiex jiġbor xi dokumenti li kellhom jingħataw lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.

Ix-xhud qal li mar fir-residenza flimkien ma' Theuma u ma' żewġ membri tal-iskorta tiegħu.

Skont Gatt, hekk kif waslu, Theuma fetaħ ir-residenza u mexxiehom direttament lejn il-kċina.

Huwa xehed li Theuma mar minnufih lejn il-hood tal-kċina, u minn fuqha ħareġ tliet dokumenti, li mbagħad għaddiehom lill-pulizija.

Gatt qal li ffotografa d-dokumenti fuq il-post qabel ma ħarġu mir-residenza.

Qabel telaq, huwa ħa wkoll ritratt tal-faċċata tad-dar, u wara mar lura biex jgħaddi d-dokumenti kollha lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.

Jaelle Borg
16:34

L-eżami mill-ġdid tas-Supretendent Nicholas Vella kompla b'mistoqsijiet mill-prosekuzzjoni u mill-ġurati.

Vella xehed li l-pulizija kienu rċevew rapport mill-FIAU dwar Melvin Theuma f'Settembru tal-2018, iżda qal li ma kienx jaf jekk dik l-informazzjoni kinitx ġiet mgħoddija lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-prosekutur Godwin Cini staqsieh jekk kienx hu li ħa l-istqarrija ta' Theuma fil-21 ta' Novembru 2019, u Vella kkonferma li hekk kien, fil-10.41am.

Wieħed mill-ġurati staqsa lil Vella jekk kienx jaf li l-investigazzjoni fuq Theuma kienet parti minn strateġija biex jiġi solvut il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Nicholas Vella: "Theuma kien persuna ta' interess, iżda għalina l-istrateġija ma kinitx ovvja. Keith Arnaud kien qalilna biss li kien persuna ta' interess fil-każ."

Ġurat ieħor staqsa dwar il-'kaxxa tal-ġelat' li Theuma kien insista li tibqa' dejjem miegħu.

Vella wieġeb li l-pulizija bbażaw ruħhom fuq dak li qalilhom Theuma, li ma kien hemm xejn perikoluż fiha, qabel ma nfetħet skont il-proċeduri.

Mistoqsi wkoll dwar kif isiru tfittxijiet f'appartamenti, Vella spjega li kollox jiddependi minn x'qed tfittex il-pulizija.

Huwa qal li jekk l-investigaturi jkunu qed ifittxu apparat elettroniku moħbi, bħal USB, jistgħu jużaw tagħmir speċjalizzat li jinduna b'sinjali elettroniċi, anke jekk l-apparat ikun moħbi fil-ħitan.

Jaelle Borg
16:08

Matul il-kontro-eżami, l-avukata Giannella de Marco qrat fil-Qorti parti miċ-chats bejn Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Skont de Marco, f'diversi minn dawk il-messaġġi, Brincat kien ripetutament jitlob lil Cutajar biex iċemplulu fil-5.00pm.

L-avukata mbagħad staqsiet lis-Supretendent Nicholas Vella jekk jiftakarx li l-ewwel talba biex Cutajar iċempel lil Brincat fil-5.00pm saret ġurnata qabel l-arrest ta' Melvin Theuma u ta' Edgar Brincat.

Vella wieġeb li jiftakar li kien hemm dawk iċ-chats, iżda qal li ma jiftakarx eżatt meta kienu ntbagħtu.

Jaelle Borg
15:53

Kompla b'mistoqsijiet dwar iċ-chats bejn l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja".

L-avukata Giannella de Marco sostniet li, skont ix-xhieda preċedenti ta' Vella fl-inkjesta maġisterjali, l-Europol ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjoni li ta Cutajar dwar dawk il-messaġġi.

Vella wieġeb li l-Europol staqsiet dwar il-komunikazzjonijiet u l-pulizija pprovdiet l-informazzjoni kollha li kellha.

Huwa żied li s-servizzi sigrieti wkoll ġew infurmati bil-każ.

De Marco mbagħad qrat silta mix-xhieda preċedenti ta' Vella, fejn kien qal li iċ-chats bejn Cutajar u Brincat ġew stampati u mgħoddija lis-servizzi sigrieti, li wara marru jkellmu lil Brincat dwar il-każ.

Skont Vella, is-servizzi sigrieti aktar tard għaddew il-konklużjonijiet tagħhom lill-pulizija, iżda ma żvelawx x'kien intqal waqt il-laqgħa ma' Brincat.

Ix-xhud żied li, skont l-informazzjoni li ngħatat lill-pulizija, is-servizzi sigrieti kienu sodisfatti bl-ispjegazzjoni mogħtija minn Lawrence Cutajar.

Jaelle Borg
15:43

Il-kontro-eżami tas-Supretendent Nicholas Vella kompla b'mistoqsijiet dwar Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja".

Vella xehed li l-pulizija elevaw l-apparat elettroniku kollu ta' Brincat, inklużi apparati li kienu jappartjenu lil membri tal-familja tiegħu.

Huwa spjega li l-mobile ta' Brincat intbagħat lill-Europol għall-estrazzjoni tad-data, li mbagħad ingħatat lura lill-pulizija Maltija.

L-avukata Giannella de Marco staqsietu jekk Brincat kienx f'kuntatt mal-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien, Lawrence Cutajar, fil-jiem ta' qabel l-arrest tiegħu.

Vella wieġeb li l-Europol kienet staqsiet dwar numru tat-telefon li deher fil-call logs, u huwa kkonferma li kien jappartjeni lil Lawrence Cutajar.

Ix-xhud qal li messaġġ partikolari wasslu biex jinforma lill-maġistrat inkwerenti u jitlob lil Cutajar jattendi fid-Depot tal-Pulizija.

Skont Vella, Cutajar spjega li kien f'kuntatt ma' Edgar Brincat biex jikkonvinċi lil Melvin Theuma jkellem lill-pulizija.

Vella żied li, skont dak li qalilhom Cutajar, il-Kummissarju kien jaf li Theuma kellu ċerti recordings fil-pussess tiegħu, u kien jaf ukoll li Brincat kien ħabib intimu ta' Theuma.

 

Jaelle Borg
15:28

L-avukata Giannella de Marco staqsiet lil Vella min kien qed jirċievi aġġornamenti dwar l-investigazzjoni.

Vella wieġeb li kienu hu stess, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-eks Assistent Kummissarju Ian Abdilla.

Madankollu, Vella ċċara li Lawrence Cutajar u Ian Abdilla ma kinux ġew infurmati minn qabel bl-arrest ta' Melvin Theuma, minkejja li kienu fost dawk li kienu qed jinżammu aġġornati dwar l-investigazzjoni.

Jaelle Borg
15:13

Lura fl-awla fejn ser nkomplu bil-kontro eżami ta’ Vella 

Jaelle Borg
13:11

L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa għall-ikel.

Is-seduta terġa' tibda fit-3.00pm, meta mistenni jkompli l-kontro-eżami tas-Supretendent Nicholas Vella.

Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti diretti hekk kif terġa' tibda s-seduta

Jaelle Borg
13:10

Il-kontro-eżami tas-Supretendent Nicholas Vella kompla b'mistoqsijiet dwar l-allegat 'phantom job' ta' Melvin Theuma.

Vella qal li, skont id-dokumenti li ġew investigati mill-pulizija, Theuma kien attenda intervista għall-impjieg u kien ġie fl-ewwel post.

Huwa żied li d-dokumentazzjoni kollha relatata ma' dak il-proċess intbagħtet lil Jobsplus u ġiet esebita fl-atti tal-każ dwar il-'phantom job'.

L-avukata Giannella de Marco staqsiet ukoll jekk Keith Schembri kienx talab lill-eks CEO ta' kumpanija tal-Gvern, Anthony Muscat, biex jimpjega lil Theuma.

Vella ċċara li, skont ix-xhieda li ta Anthony Muscat lill-pulizija, dan kien irċieva telefonata mingħand Keith Schembrijistaqsih għaliex Theuma kien waqaf jirċievi s-salarju tiegħu.

Skont Vella, Muscat qal ukoll lill-investigaturi li kien Yorgen Fenech li l-ewwel infurmah li ċ-ċekkijiet tas-salarju ta' Theuma kienu waqfu.

Is-Supretendent Vella kien qed jirreferi għad-dikjarazzjonijiet li ngħataw lill-pulizija waqt l-investigazzjoni dwar il-'phantom job'.

Jaelle Borg
13:06

Matul il-kontro-eżami, l-avukata Giannella de Marco staqsiet lis-Supretendent Nicholas Vella jekk Melvin Theumakienx talab il-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu.

Vella kkonferma li Theuma kien għamel din it-talba, iżda qal li l-Kummissarju ma kienx preżenti meta nfetħet il-kaxxa tal-ġelat fil-kamra tal-interrogazzjoni.

Id-difiża mbagħad għaddiet biex tistaqsi dwar il-verżjoni li ta Theuma dwar l-allegat 'phantom job' mal-Gvern.

Vella rrakkonta lill-Qorti li, skont Theuma, Sandro Craus kien ċempillu u talbu jmur Kastilja. Meta wasal hemm, qal li ddaħħal fl-uffiċċju ta' Keith Schembri, fejn sab lil Schembri u lil Craus bilqiegħda madwar mejda.

Skont il-verżjoni ta' Theuma, kien Sandro Craus li ħa r-ritratt magħruf ta' Melvin Theuma ma' Keith Schembri f'Kastilja.

Is-Supretendent Vella kien qed jirrakkonta lill-Qorti dak li, skont ix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma kien qallu matul l-investigazzjoni.

 

Jaelle Borg
12:43

Matul il-kontro-eżami, l-avukata Giannella de Marco kompliet tistaqsi lis-Supretendent Nicholas Vella dwar diversi ammonti ta' flus li kienu suġġetti għal ordni ta' ffriżar u li aktar tard intalbet ir-rilaxx tagħhom.

De Marco semmiet talba li għamel Melvin Theuma biex jinħelsu €141,000, iżda Vella qal li din it-talba għadha ma ġietx deċiża.

Ix-xhud spjega li kien hemm diversi diskussjonijiet dwar jekk kellux jinħeles xi ammont ta' flus, peress li l-ammont imsemmi fil-maħfra presidenzjali ta' Theuma ma jaqbilx ma' rekords finanzjarji oħra.

Vella qal li, qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni, il-pulizija trid tlesti l-analiżi finanzjarja tagħha.

Sadanittant, huwa kkonferma li l-flus kollha elevati għadhom taħt il-kustodja tar-Reġistratur tal-Qorti u mhux fil-pussess ta' Melvin Theuma.

Jaelle Borg
12:05

Vella ġie mistoqsi dwar il-vetturi fil-pussess ta' Melvin Theuma.

Vella xehed li Theuma kellu żewġ taxis irreġistrati f'ismu, b'valur totali ta' madwar €41,000.

Madankollu, skont l-investigazzjoni, huwa kien ukoll fil-pussess ta' sitt vetturi oħra, fosthom Kia Sportage, Mercedes-Benz, Nissan Leaf, Toyota Passo u Jaguar.

Ix-xhud qal li dawn l-assi kollha kienu suġġetti għal ordni ta' ffriżar.

Aktar tard fil-proċeduri, il-Toyota Passo u n-Nissan Leaf ġew rilaxxati bil-kundizzjoni li ma setgħux jinbiegħu.

Vella żied li l-Toyota Passo kienet inxtrat minn Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja."

 

Jaelle Borg
11:59

Il-kontro-eżami tas-Supretendent Nicholas Vella kompla b'mistoqsijiet dwar il-proprjetajiet u n-netwerk ta' Melvin Theuma.

Vella xehed li, skont l-investigazzjoni tal-pulizija, Theuma kellu 11-il proprjetà taħt il-kontroll dirett tiegħu. Barra minn hekk, il-pulizija identifikaw tliet proprjetajiet oħra rreġistrati f'isem membri tal-familja tiegħu.

L-avukata Giannella de Marco staqsiet ukoll dwar bint is-sieħba ta' Theuma u jekk kinitx impjegata.

Vella kkonferma li ma kellhiex impjieg formali, iżda, skont l-investigazzjoni, kienet tgħin lil Theuma fil-bookkeeping tal-operat allegat ta' logħob tal-azzard illegali.

Ix-xhud żied li s-sieħeb tagħha kien ukoll jgħin fl-istess operat, billi jirċievi l-imħatri u jiġbor flus dovuti mingħand il-klijenti, skont l-investigazzjoni tal-pulizija.

Jaelle Borg
11:31

Beda l-kontro-eżami tas-Supretendent Nicholas Vella mill-avukata Giannella de Marco, li ffukat fuq l-istorja tax-xogħol u l-assi ta' Melvin Theuma.

Vella xehed li Theuma kien inizjalment irreġistrat bħala xufier tat-taxi, iżda meta ngħata l-allegat 'phantom job' mal-Gvern, ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala xufier ġiet terminata.

Madankollu, Vella ċċara li dan ma jfissirx li Theuma waqaf jaħdem bħala xufier tat-taxi.

Ix-xhud qal ukoll li Theuma ddikjara dħul ta' madwar €250,000 fuq medda ta' 12-il sena, ekwivalenti għal madwar €22,000 fis-sena.

Meta mistoqsi dwar il-proprjetajiet tiegħu, Vella spjega li, fiż-żmien tal-arrest, Theuma kellu żewġ konvenji dwar airspace u konvenju separat għal appartament f'San Ġwann.

Skont ix-xhud, Theuma kien ħallas depożitu ta' €14,980 fuq il-konvenji tal-airspace u €15,900 fuq il-konvenju tal-appartament.

Vella żied li l-pulizija sabu 21 dokument relatat ma' diversi proprjetajiet fil-pussess ta' Theuma, iżda ċċara li dan ma kienx ifisser li dawk il-proprjetajiet kollha kienu tiegħu fiż-żmien tal-arrest.

Jaelle Borg
11:28

Qabel intemm l-eżami tiegħu, is-Supretendent Nicholas Vella xehed li, matul l-investigazzjonijiet, il-pulizija sabu diversi chats bejn Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", u l-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien, Lawrence Cutajar.

Madankollu, Vella ċċara li ma kienx involut fl-investigazzjonijiet dwar allegati tnixxijiet ta' informazzjoni mill-Korp tal-Pulizija, peress li l-inkarigu tiegħu kien limitat għall-investigazzjonijiet relatati ma' Melvin Theuma.

B'dan intemm l-eżami prinċipali tax-xhud. Inkomplu bil-kontro eżami 

Jaelle Borg
10:44

Vella xehed li l-pulizija fetħu investigazzjoni separata dwar l-allegat 'phantom job' li Melvin Theuma kellu mal-Gvern.

Huwa spjega li b'rabta ma' din l-investigazzjoni ħames persuni tressqu l-Qorti, fosthom Yorgen Fenech u Keith Schembri.

Madankollu, il-każ spiċċa b'sentenza ta' liberazzjoni, wara li Melvin Theuma rrifjuta jixhed, u b'hekk il-Qorti qieset li ma kienx hemm biżżejjed evidenza ammissibbli biex issostni l-akkużi.

Vella żied li l-prosekuzzjoni appellat minn dik is-sentenza, u l-proċeduri għadhom pendenti.

Jaelle Borg
10:38

Vella qal li l-pulizija komplew bit-tfittxijiet f'diversi proprjetajiet marbuta ma' Melvin Theuma.

Matul dawn it-tfittxijiet, il-pulizija sabu u elevaw żewġ vetturi – Toyota u Mercedes – fiż-Żurrieq, kif ukoll Jaguar minn garaxx f'Ħal Safi. Ġew elevati wkoll mobile phone, tagħmir elettroniku u diversi oġġetti personali.

Vella qal li f'proprjetà f'Ħal Qormi li kienet tappartjeni lil bint is-sieħba ta' Theuma, il-pulizija sabu €112,304.40 fi flus kontanti.

Fi proprjetà oħra ta' Theuma fiż-Żurrieq, il-pulizija elevaw €550,207.70, inkluż ammont ta' flus f'munita barranija.

Barra minn hekk, is-sieħba ta' Theuma kienet fil-pussess ta' €1,900.64, filwaqt li ommha nstabet b'€132,445 fi flus kontanti.

B'kollox, mit-tfittxijiet fuq dawn il-proprjetajiet ġew elevati aktar minn €790,000 fi flus kontanti, skont ix-xhieda tas-Supretendent Vella.

Jaelle Borg
10:26

Vella xehed li l-oġġetti elevati mill-kaxxa ta' Melvin Theuma ġew sussegwentement eżaminati minn esperti u mqiegħda f'boroż tal-evidenza separati.

Huwa qal ukoll li uffiċjali tal-Europol niżżlu u analizzaw id-data li nstabet fuq l-apparat elettroniku elevat waqt it-tfittxijiet.

Vella kompla jispjega li l-għada tal-arrest ta' Theuma, huwa interrogaw lis-sieħba tiegħu, lil bintha u lis-sieħeb ta' bintha, bil-ħsieb li jitressqu t-tlieta li huma l-Qorti bħala parti mill-investigazzjoni

Jaelle Borg
10:13

Is-Supretendent Nicholas Vella xehed li, wara li Melvin Theuma sab rappreżentanza legali mill-avukat Matthew Brincat, assistit minn Kathleen Grima, il-pulizija fetħu l-kaxxa li Theuma kien insista li tibqa' dejjem miegħu.

Vella qal li l-ftuħ tal-kaxxa sar fil-preżenza ta' Theuma u ġie ffilmjat.

Il-ġurati ntwerew il-filmat tal-mument li fih il-kaxxa nħarġet mill-borża tal-evidenza u nfetħet mill-pulizija.

Fil-filmat jidher li mill-borża nħarġet kaxxa tal-plastik tal-ġelat, li fiha nstabu:

żewġ mobiles Samsung;

recorder Philips;

cable USB;

tliet USB, tnejn ħomor u waħda sewda.

Il-pulizija sabu wkoll mazz karti marbuta b'lastiku. Meta nfetħu, dawn irriżultaw li kienu jinkludu stampi stampati ta' screenshots ta' chats ma' Yorgen Fenech, kif ukoll ir-ritratt magħruf ta' Melvin Theuma ma' Keith Schembri f'Kastilja.

 

Jaelle Borg
10:10

Is-Supretendent Nicholas Vella xehed li, wara l-arrest tiegħu, Melvin Theuma kien qed isib diffikultà biex isib avukat.

Huwa spjega wkoll li, peress li kemm Theuma kif ukoll is-sieħba tiegħu kienu miżmuma mill-pulizija, il-korp informa lis-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal sabiex jittieħdu l-arranġamenti meħtieġa għall-ulied minuri tagħhom, li ma kien hemm ħadd biex jiġborhom mill-iskola.

Fost il-persuni arrestati dakinhar kien hemm ukoll Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja".

Vella qal li l-investigazzjoni kienet uriet li Brincat u Theuma kienu jikkomunikaw ta' spiss, u għalhekk il-pulizija wettqu tfittxija fil-proprjetà tiegħu. Madankollu, skont ix-xhud, dik it-tfittxija ma wasslet għal ebda evidenza ta' valur għall-investigazzjoni.

Ix-xhud kompla jgħid li l-pulizija komplew bl-investigazzjonijiet u identifikaw aktar postijiet ta' interess. Fil-jiem ta' wara l-arrest ta' Theuma, saru aktar tfittxijiet f'diversi proprjetajiet tiegħu, inklużi dawk li kienu qed jinkrew lil terzi jew lil membri tal-familja tiegħu.

Jaelle Borg
09:58

Is-Supretendent Nicholas Vella kompla jispjega l-operazzjoni tal-pulizija wara l-arrest ta' Melvin Theuma.

Huwa xehed li, waqt li Theuma kien taħt arrest, il-pulizija daħlu fir-residenza tiegħu u arrestaw ukoll xi membri tal-familja tiegħu.

Vella qal li Theuma qabel li l-kaxxa li kien insista li tibqa' dejjem miegħu tinġarr miegħu kull fejn imur, iżda taħt il-kustodja tal-pulizija.

Ix-xhud żied li nħatar espert tal-Qorti biex jiġbor u jippreserva l-apparati elettroniċi ta' Theuma.

Il-pulizija wettqu wkoll tfittxija separata f'proprjetà ta' Theuma f'Marsaskala, fejn elevaw diversi apparati elettroniċi, fosthom mobiles.

Matul tfittxija f'garaxx, il-pulizija sabu wkoll dak li Vella ddeskriva bħala evidenza marbuta ma' logħob tal-azzard illegali u ħasil ta' flus.

Jaelle Borg
09:55

Wara li Melvin Theuma ġie arrestat, talab biex ikellem avukat.

Skont Vella, Theuma semma l-ismijiet ta' Jason Azzopardi, Simon Busuttil u Karol Aquilina, u qal li xtaq l-assistenza ta' avukat marbut mal-Partit Nazzjonalista, u mhux wieħed min-naħa tal-Gvern.

Jaelle Borg
09:46

Vella xehed dwar l-arrest ta' Melvin Theuma f'Novembru tal-2019 fuq suspett ta' ħasil ta' flus, evażjoni tat-taxxa u tħaddim ta' logħob tal-lottu illegali.

Vella qal li, waqt l-arrest, Theuma ġibed l-attenzjoni għal kaxxa li kellu miegħu.

Melvin Theuma: "Ma' ġenbi għandi kaxxa. Kull fejn immur jien, din tiġi miegħi."

Ix-xhud kompla jgħid li, wara l-arrest, Theuma talab biex ikellem avukat.

Skont Vella, Theuma semma l-avukati Jason Azzopardi, Simon Busuttil u Karol Aquilina, u qal li xtaq l-assistenza ta' avukat marbut mal-Partit Nazzjonalista u mhux wieħed min-naħa tal-Gvern.

Jaelle Borg
09:30

Is-Supretendent Nicholas Vella xehed li waqt is-sorveljanza fuq Melvin Theuma, innota moviment mhux tas-soltu ftit jiem qabel l-arrest tiegħu.

Vella qal li fit-13 ta' Novembru 2019 osserva li Theuma ma marx fil-post fejn kien is-soltu jopera, xi ħaġa li qallu dehret mhux tas-soltu peress li normalment kien ikun hemm kull nhar ta' Erbgħa u Sibt.

Huwa kompla jixhed li l-għada filgħodu, il-Ħamis, skopra li Theuma kien beda jagħmel arranġamenti biex iċaqlaq l-affarijiet mill-post minn fejn allegatament kien jopera.

Ix-xhud kompla jispjega li dan kien qajjem aktar suspett waqt l-investigazzjoni li kienet għaddejja fuqu.

 

Jaelle Borg
09:22

Is-Supretendent Nicholas Vella kompla bix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurija.

Vella qal li fl-2018 telaq mill-Għassa tal-Mosta u ġie trasferit fit-taqsima tal-Investigazzjoni tal-Ħasil tal-Flus (Anti-Money Laundering Unit).

Huwa xehed li fid-9 ta' Settembru 2019, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud talbu biex jibda investigazzjoni relatata ma' Melvin Theuma.

Vella spjega li qabel dak iż-żmien qatt ma kien investiga lil Theuma, iżda Arnaud tah informazzjoni inizjali dwar l-interess tal-pulizija fih b'rabta mal-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Skont Vella, l-inkarigu tiegħu kien li jinvestiga lil Theuma fuq allegazzjonijiet ta' evażjoni tat-taxxa, logħob tal-azzard illegali u ħasil tal-flus. Għal dan il-għan, huwa qal li ġabar informazzjoni minn diversi entitajiet, fosthom dwar il-kontijiet bankarji ta' Theuma u d-dħul li kien qed jiddikjara.

Vella żied li qatta' kważi xahrejn jinvestiga l-każ u, fi tmiem l-investigazzjoni, ħass li kellu biżżejjed informazzjoni biex jipproċedi bl-arrest ta' Theuma u ta' persuni oħra li setgħu kienu involuti.

Jaelle Borg
09:15

L-għodwa t-tajba u merħba għall-kopertura diretta tagħna tal-14-il jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Wara seduta mimlija tensjoni lbieraħ, iddominata mix-xhieda ta' George u Alfred Degiorgio, il-proċeduri jkomplu dalgħodu quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

Illum mistenni jkompli jixhed is-Supretendent Nicholas Vella, li beda jagħti x-xhieda tiegħu tard ilbieraħ dwar l-ewwel intervent tal-pulizija fuq il-post tal-isplużjoni fil-Bidnija u l-bidu tal-investigazzjoni.

Inwasslulkom l-aġġornamenti kollha, kif iseħħu, direttament mill-awla.

Jaelle Borg

 

More in Qrati u Pulizija