Tliet snin ħabs għal Emanuel Borg wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ qtil fuq martu

Il-ġurija sabet lil Emanuel Borg ħati tal-ewwel kap tal-akkuża ta’ attentat ta’ qtil, filwaqt li aċċettat li aġixxa taħt iċ-ċirkostanza skużabbli ta’ passjoni f’daqqa u aġitazzjoni mentali, kif ukoll b’waqfien volontarju mill-att. Il-Qorti kkundannatu għal tliet snin priġunerija wara li qieset ukoll il-kondotta nadifa tiegħu u l-fatt li kien first-time offender

 

Il-ġurija sabet lil Emanuel Borg ħati tal-ewwel kap tal-akkuża, jiġifieri attentat ta’ qtil, filwaqt li aċċettat li l-każ kien jaqa’ taħt iċ-ċirkostanza skużabbli ta’ passjoni f’daqqa u aġitazzjoni mentali, kif ukoll li kien hemm waqfien volontarju mill-att. Min-naħa l-oħra, il-ġurati sabuh mhux ħati tat-tieni kap tal-akkuża relatat mal-ġrieħi gravi.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset ukoll il-kondotta nadifa tal-akkużat u l-fatt li kien qed jaffaċċja l-ġustizzja għall-ewwel darba, qabel ikkundannatu għal tliet snin priġunerija.

Il-każ kien jirrigwarda allegat attentat ta’ qtil fuq martu, Maria Dolores Borg, li seħħ fid-dar tal-koppja fil-Mellieħa. Skont il-prosekuzzjoni, l-akkużat kien attakka lil martu b’martell waqt li kienet rieqda wara argument dwar flus. Min-naħa tagħha, id-difiża sostniet li l-ġrieħi seħħew waqt taqbida bejn il-koppja fuq il-martell, bil-Borg jixhed li martu kienet qabdet il-martell u li t-tnejn spiċċaw jiġbdu fuqu qabel ma hija sofriet il-ġrieħi.

Matul il-ġuri nstemgħu xhieda mediċi, forensiċi, familjari u psikjatriċi. L-esperti mediċi spjegaw li l-vittma kienet sofriet diversi ksur f’rasha u f’wiċċha kawża ta’ diversi daqqiet b’oġġett iebes u tqil, filwaqt li ġie ċċertifikat li meta ddaħħlet l-Isptar Mater Dei kienet tinsab f’periklu ta’ mewt. Il-ġurati semgħu wkoll dwar l-istorja ta’ saħħa mentali tal-akkużat, li kien ilu snin ibati bid-dipressjoni u kien taħt kura medika.

Filwaqt li kkundannat lil Borg għal tliet snin ħabs, il-Qorti astjeniet milli tieħu konjizzjoni tat-talba tal-prosekuzzjoni magħmula skont diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali, peress li l-vittma, Maria Dolores Borg, mietet matul il-pendenza ta’ dawn il-proċeduri b’kawża li ma kinitx relatata mar-reat inkwistjoni.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni biex Emanuel Borg iħallas €9,178.97, li jirrappreżentaw l-ispejjeż tal-periti skont il-liġi.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Lennox Vella qed jirrappreżentaw lill-akkużat.

More in Qrati u Pulizija