Il-ġurati jibdew jiddeliberaw fil-ġuri ta' Emanuel Borg akkużat li pprova joqtol lil martu

Wara ġimgħa ta' xhieda mediċi, forensiċi u familjari, kif ukoll ix-xhieda tal-akkużat innifsu, il-ġurati rtiraw biex jiddeċiedu jekk Emanuel Borg huwiex ħati jew le

Il-ġurati fil-ġuri ta' Emanuel Borg, ir-raġel ta' 68 sena akkużat li pprova joqtol lil martu billi allegatament sawwatha b'martell fid-dar tagħhom fil-Mellieħa fl-2019, irtiraw biex jiddeliberaw wara li l-Imħallef temm l-indirizz tiegħu lill-ġurija.

Borg qed jiffaċċja akkużi ta' attentat ta' qtil u li kkawża ġrieħi gravi lil martu, Maria Dolores Borg. Huwa wieġeb mhux ħati.

Matul il-ġimgħa, il-prosekuzzjoni sostniet li l-każ beda wara argument dwar €300. Skont il-verżjoni tagħha, Borg daħal fil-kamra tas-sodda fejn martu kienet rieqda u laqatha diversi drabi b'martell f'rasha u f'wiċċha.

Il-ġurati semgħu wkoll kif kien l-akkużat stess li ċempel għall-ambulanza u kif, meta waslet il-Pulizija, allegatament talab diversi drabi biex jiġi arrestat.

L-ewwel uffiċjali li waslu fuq il-post xehdu li sabu lill-vittma f'kundizzjoni kritika, filwaqt li esperti forensiċi qalu li mir-razzett elevaw żewġ imrietel, wieħed mill-kċina u ieħor li nstab fil-pixxina.

Il-Qorti semgħet ukoll li bint il-koppja kienet naddfet ammont kbir ta' demm mill-kċina qabel waslu l-investigaturi sabiex uliedha ma jarawx ix-xena, filwaqt li fil-kamra tas-sodda, fejn allegatament seħħ l-attakk, instabet biss qatra waħda demm.

Esperti mediċi spjegaw li l-vittma sofriet diversi ksur fil-kranju u fil-wiċċ u li meta ddaħħlet l-Isptar Mater Dei kienet tinsab f'periklu ta' mewt.

Matul il-ġuri xehdu wkoll membri tal-familja u psikjatri li taw rendikont dwar il-kundizzjoni mentali tal-akkużat u l-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi li sofriet il-vittma wara l-inċident.

Min-naħa tiegħu, Emanuel Borg ċaħad li attakka lil martu waqt li kienet rieqda. Huwa qal lill-ġurati li kollox seħħ waqt taqbida fuq martell wara argument, u sostna li martu weġġgħet lilha nnifisha waqt li t-tnejn kienu qed jiġbdu fuq l-istess martell.

Borg qal li hekk kif ra d-demm ippanikkja u ċempel immedjatament għall-ambulanza.

Wara li nstemgħu x-xhieda kollha u l-Imħallef ta d-direzzjonijiet legali lill-ġurati, dawn issa rtiraw biex jiddeliberaw u jaslu għal verdett dwar jekk Borg huwiex ħati jew le tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta f'isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li Emanuel Borg qed jiġi difiż mill-avukati Arthur Azzopardi u Lennox Vella.

More in Qrati u Pulizija