Vince Muscat jgħid li Alfred Degiorgio qallu li kien jiltaqa' ma' Chris Cardona biex jikseb informazzjoni dwar l-investigazzjoni

"Il-Koħħu" jgħid li wara l-qtil wassal diversi drabi lil Alfred Degiorgio għal laqgħat ma' Chris Cardona, filwaqt li tenna wkoll l-allegazzjoni li fl-2015 George Degiorgio kien qallu li l-eks ministru ried "jeħles" minn Daphne Caruana Galizia. Cardona dejjem ċaħad kull allegazzjoni ta' involviment fil-qtil

L-allegazzjonijiet li Vince Muscat, magħruf bħala "Il-Koħħu", għamel fil-konfront tal-eks ministru Chris Cardona komplew jiddominaw il-11-il jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda estensiva tiegħu quddiem il-ġurija, Muscat qal li, skont dak li kien qallu Alfred Degiorgio, dan kien jiltaqa' mal-eks ministru u issa president ta’ Birkirkara FC, Chris Cardona biex jikseb informazzjoni dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja wara l-qtil.

Muscat xehed li, wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, huwa wassal lil Alfred Degiorgio diversi drabi f'postijiet fejn, skont hu, kien mistenni jiltaqa' ma' Cardona. F'okkażjoni minnhom, qal, mar miegħu f'bar fis-Siġġiewi fejn qalulu li l-eks ministru kien ikun ta' spiss.

Madankollu, meta waslu, Cardona ma kienx hemm.

Meta mistoqsi għaliex Alfred Degiorgio kien qed ifittex lil Cardona, Muscat wieġeb li ma kienx jaf biċ-ċertezza, iżda skont dak li kien qallu Alfred, kien qed jipprova jikseb informazzjoni dwar l-andament tal-investigazzjoni. 

Muscat kompla jgħid li Alfred Degiorgio kien qallu wkoll li dik l-informazzjoni kienet tasal għand Chris Cardona permezz tal-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta.

Dawn l-allegazzjonijiet ġew wara oħrajn li Muscat kien għamel aktar kmieni fl-istess seduta. Huwa xehed li lura fl-2015 George Degiorgio kien qallu li "Chris Cardona jridna neħilsu minn Daphne Caruana Galizia", filwaqt li sostna li dak kien l-ewwel pjan biex tinqatel il-ġurnalista.

Skont Muscat, dakinhar kien intlaħaq ftehim fuq ħlas ta' €150,000 li kellu jinqasam bejn erba' persuni. Huwa qal li George Degiorgio kien semmielu lill-avukat David Gatt bħala persuna li allegatament kellha twassal il-messaġġi u d-depożitu, iżda sostna li l-flus qatt ma waslu u l-pjan waqaf.

Muscat irrakkonta wkoll kif hu u George Degiorgio marru diversi drabi l-Bidnija biex josservaw id-dar ta' Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li Jamie Vella kien uriehom fejn kienet toqgħod u li l-pjan oriġinali kien li jwaqqfu l-vettura tagħha b'vann u joqtluha b'arma tan-nar.

Aktar tard, qal Muscat, xhur qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Alfred Degiorgio qallu li kellhom "biċċa xogħol ġdida". Huwa spjega kif daħal fix-xena Melvin Theuma, li, skont hu, kien il-middleman bejn dawk involuti fil-qtil u l-persuna li allegatament kienet qabbditu.

Muscat xehed li hu, George Degiorgio u Alfred Degiorgio qablu fuq depożitu ta' €30,000 u ħlas finali ta' €150,000. Huwa qal li xtraw erba' mobiles Nokia, tlieta għall-użu tagħhom u wieħed għal Melvin Theuma.

Skont Muscat, Theuma aktar tard qalilhom biex jistennew sakemm tgħaddi l-elezzjoni ġenerali qabel ikomplu bil-pjan.

Wara l-elezzjoni, qal, il-pjan reġa' beda. Muscat irrakkonta kif komplew josservaw il-movimenti ta' Daphne Caruana Galizia, fosthom meta kienet tmur kafetterija fin-Naxxar fejn kienet toqgħod waħedha taħdem fuq il-laptop tagħha. Huwa qal ukoll li kienu nnotaw il-karozza tal-housekeeper tal-familja u bnew stampa tar-rutina tagħha.

Muscat xehed ukoll dwar attentat ieħor li, skont hu, kien ippjanat waqt in-Notte Bianca tal-2017. Qal li ċċaqalqu l-bomba minn garaxx f'Santa Venera għax emmnu li Daphne Caruana Galizia kienet il-Belt Valletta u riedu jwaħħluha mal-vettura tagħha waqt li kienet tattendi l-attivitajiet.

Madankollu, ma rnexxielhomx isibu l-karozza u l-pjan falla.

Ix-xhud kompla jagħti rendikont dettaljat tal-avvenimenti li, skont hu, wasslu għall-qtil tas-16 ta' Ottubru 2017.

Huwa qal li George Degiorgio ċempillu u qallu li l-vettura ta' Daphne Caruana Galizia kienet ipparkjata barra r-residenza tagħha. Skont Muscat, huwa ġabar il-bomba minn garaxx f'Santa Venera, ħadha f'garaxx fin-Naxxar u wara mar il-Bidnija, fejn iltaqa' ma' Alfred Degiorgio.

Muscat qal li aktar tard George Degiorgio wassalhom lura lejn il-Bidnija u li Alfred Degiorgio qiegħed il-bomba fil-vettura.

Dwar il-jum tal-qtil, Muscat xehed li hu u Alfred Degiorgio osservaw lil Daphne Caruana Galizia toħroġ mid-dar, terġa' tidħol għal ftit minuti u mbagħad terġa' titlaq. Huwa qal li hekk kif bdiet issuq, Alfred ċempel lil George Degiorgio biex jattiva l-bomba permezz ta' SMS.

Muscat qal li għall-ewwel ħasbu li l-bomba ma kinitx ħadmet għax raw biss duħħan abjad. Huwa żied li waqaf jixrob kafè u jiekol pastizz fir-Rabat, fejn ra l-aħbar tal-isplużjoni fuq it-televiżjoni.

"Ħassejtni ma niflaħx," qal Muscat, filwaqt li żied li qatta' madwar siegħa fil-Ġonna Howard qrib l-Imdina.
Ix-xhud qal ukoll li George Degiorgio kien responsabbli biex jibgħat l-SMS li attiva l-bomba, iżda allega li qabel kellu jżid il-kreditu fuq il-mobile tiegħu.

Aktar tard fis-seduta, Muscat qal li hu u l-aħwa Degiorgio kienu ilhom jafu ġimagħtejn jew tliet ġimgħat qabel li kienet se ssir rejd tal-pulizija fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Skont hu, dak iż-żmien intuża biex jitneħħew affarijiet li setgħu jinkriminawhom.

Muscat sostna wkoll li Melvin Theuma deher li kellu l-istess informazzjoni dwar ir-rejd minn qabel. Huwa xehed li Theuma kien mar fit-tinda tal-patata u qal lil Alfred Degiorgio li l-informazzjoni li kellu dwar ir-rejd kienet taqbel ma' dik li kien irċieva hu.

F'punt ieħor tax-xhieda tiegħu, Muscat qal li George Degiorgio beda jgħid li huma kien ħaqqhom ħafna aktar flus milli kienu tħallsu u saħansitra semma s-somma ta' €3 miljuni.

Muscat xehed ukoll dwar il-perjodu li għamel il-ħabs, fejn qal li Alfred Degiorgio kien iżomm kuntatt ma' Melvin Theuma permezz ta' mobile moħbi u li kien wissieh biex ma jafdax lil Theuma.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.

Yorgen Fenech qed jiġi rappreżentat mill-avukati Charles Mercieca, Giannella DeMarco u Gianluca Caruana Curran.

L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.
Il-ġuri jkompli għada bix-xhieda ta' Vince Muscat.

Segwi x'ġara fil-jiem li għaddew: 

L-ewwel jum: L-Imħallef Edwina Grima tindirizza lill-ġurati għall-ewwel darba

It-tienii jum: Tintemm ir-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni fil-ġuri ta' Yorgen Fenech

It-tielet jum: L-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kienet 'staġnat' sa April 2018, jixhed Keith Arnaud

Ir-raba' jum: "Semmi isimhom fir-recordings": Il-parir li l-Ġojja ta lil Theuma

Il-ħames jum: Skont l-istqarrija ta' Fenech: Joseph Muscat allegatament qallu biex ma jinkwetax għax Melvin Theuma kien se jiġi arrestat

Is-sitt jum: Id-difiża tpoġġi lil Keith Schembri fiċ-ċentru tal-kontro-eżami ta' Keith Arnaud

Is-seba' jum: Il-ġurati jiffukaw il-mistoqsijiet lejn Arnaud fuq Keith Schembri; jixhdu esperti forensiċi

It-tmien jum: Il-ġurati jaraw ritratti mill-awtopsja ta' Daphne Caruana Galizia hekk kif tkompli x-xhieda forensika fil-ġuri ta' Yorgen Fenech

Id-disa' jum: "Partijiet mill-kranju nstabu fil-karrozza" – It-tabib forensiku jiddeskrivi l-qawwa devastanti tal-isplużjoni

L-għaxar jum: Id-difiża ddawwar il-kontro-eżami fuq Keith Schembri hekk kif il-Qorti tiddiskuti l-emails ta' Daphne Caruana Galizia

18:08

Tintemm is-seduta għal-lum

B'hekk tintemm is-seduta tal-lum fil-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnata kienet iddominata mix-xhieda estensiva ta' Vince Muscat ("Il-Koħħu"), li ta rendikont dettaljat tal-allegat ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-qtil, kif ukoll ta' dak li sostna li seħħ qabel u wara l-attentat.

Matul il-ġurnata nstemgħu wkoll diversi allegazzjonijiet dwar persuni oħra, kollha bħala parti mix-xhieda ta' Muscat quddiem il-ġurija.

Il-ġuri jkompli għada, meta mistenni jkompli l-kontro-eżami ta' Vince Muscat.

Grazzi talli segwejtu l-aġġornamenti diretti tagħna matul il-ġurnata.

Jaelle Borg
18:06

Jisemma Eks Imħallef

Vince Muscat qal li darba kienet saret referenza għal flus li allegatament kellhom jitħallsu lil diversi persuni.

Ix-xhud sostna li kien sema' jissemmew diversi ismijiet ta' persuni li allegatament kellhom jieħdu xi ħlas, u qal li fosthom kien issemma wkoll eks Imħallef, li, skont Muscat, dak iż-żmien kien għadu jokkupa l-kariga ta' Imħallef.

Muscat ma semmiex l-isem ta' din il-persuna, u l-prosekuzzjoni lanqas ma għamlitlu mistoqsijiet ulterjuri dwar din id-dikjarazzjoni.

Muscat kompla jgħid li, waqt li kien il-ħabs, Alfred Degiorgio allegatament kien iżomm kuntatt ma' Melvin Theuma permezz ta' mobile moħbi.

Huwa qal li Alfred Degiorgio kien wissieh biex ma jafdax lil Theuma, għax, skont hu, seta' jirrekordjah.

Ix-xhud żied li l-aħwa Degiorgio kienu qalulu li ħuhom Mario Degiorgio kien qed iservi ta' kuntatt bejniethom u Melvin Theuma.

Meta mistoqsi mill-Imħallef Edwina Grima jekk Theuma qattx tah flus personalment, Muscat wieġeb li lilu qatt ma tah flus direttament.

Huwa spjega wkoll li, wara l-arrest tiegħu, xi persuni kienu qed jiġbrulu l-flus biex jgħinuh, fosthom Lorry Pace, is-sid tal-garaxx f'Santa Venera, għalkemm qal li martu aktar tard waqfet tiġbor il-flus.

Muscat żied li, minkejja dan, Melvin Theuma kien jagħti xi ammont ta' flus.

Jaelle Borg
17:56

Vince Muscat kompla jgħid li, skont dak li kien qallu Alfred Degiorgio, dan ried jiltaqa' ma' Chris Cardona wara l-qtil għax ma kienx qed jirnexxilu jagħmel kuntatt miegħu.

Muscat qal li ma jafx eżatt għaliex Alfred Degiorgio ried ikellmu, iżda sostna li, skont dak li kien qallu Alfred, kien qed ifittex informazzjoni dwar l-investigazzjoni.

Skont ix-xhud, dan seħħ wara li allegatament kien sar żball fl-użu tal-mobiles mill-aħwa Degiorgio waqt l-attivazzjoni tal-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

 

Jaelle Borg
17:52

Jerġa jisemma Chris Cardona

Vince Muscat ftakar li, wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, huwa wassal lil Alfred Degiorgio f'bar fis-Siġġiewi fejn, skont hu, kienu sejrin ifittxu lil Chris Cardona, għax kien ikun imur hemm.

Muscat qal li, meta waslu fuq il-post, Chris Cardona ma kienx hemm.

Jaelle Borg
17:48

Vince Muscat kompla jirrakkonta dak li seħħ fil-jum tar-rejd tal-pulizija, fl-4 ta' Diċembru 2017.

Huwa qal li għall-ħabta tal-5.00 a.m. Alfred Degiorgio mar għalih u flimkien marru fit-tinda tal-patata fil-Marsa, minkejja li, skont ix-xhieda tiegħu, kienu ilhom jafu li kienet mistennija azzjoni tal-pulizija.

Meta l-prosekutur Godwin Cini staqsieh għaliex mar fuq il-post jekk kien jaf li kien se jsir ir-rejd, Muscat wieġeb li ma kienx jistenna li jiġi arrestat.

Skont Muscat, George Degiorgio kien dejjem jgħid li l-pulizija kienu se jarrestaw lil Alfred Degiorgio, u mhux lilu.

Ix-xhud qal li l-pulizija eventwalment wettqu r-rejd fit-tinda tal-patata u arrestaw diversi persuni, fosthom lilu.

Jaelle Borg
17:39

Vince Muscat kompla bix-xhieda tiegħu u qal li, f'okkażjoni minnhom, huwa wassal lil Alfred Degiorgio għal laqgħa ma' persuna magħrufa bħala "Toni l-Iblaħ", li Muscat iddeskriva bħala assoċjat ta' Chris Cardona.

Skont Muscat, il-laqgħa damet madwar nofs siegħa u, meta Alfred Degiorgio rritorna, deher imħasseb. Ix-xhud qal li ma staqsiehx dwar xiex kienet il-laqgħa, iżda Alfred qallu li kien se jerġa' jiltaqa' mal-istess persuna.

Muscat kompla jgħid li, wara li allegatament saru jafu li kienet se ssir rejd tal-pulizija, George Degiorgio beda jgħid li hu, Alfred u Muscat kienu ħaqqhom ħafna aktar flus milli kienu tħallsu għall-qtil.

Skont ix-xhud, George Degiorgio semma s-somma ta' €3 miljuni, u kien jgħid: "X'inhuma €150,000?"

Jaelle Borg
17:37

Vince Muscat kompla jgħid li, skont ix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma wkoll deher li kellu informazzjoni minn qabel dwar ir-rejd tal-pulizija.

Muscat qal li Theuma mar fit-tinda tal-patata fil-Marsa u qal lil Alfred Degiorgio: "L-informazzjoni li tajtni dwar il-pulizija li se jiġu hawn fl-4 ta' Diċembru taqbel ma' dik li rċevejt jien."

Jaelle Borg
17:29

Vince Muscat xehed li, skont hu, George Degiorgio kien jaf minn qabel li l-pulizija kienu se jagħmlu rejd biex jarrestawh.

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Muscat qal li darba, waqt li kien fit-tinda tal-patata fil-Marsa, Alfred Degiorgio qallu li l-pulizija kienu se jagħmlu rejd fuq il-post biex jarrestaw lil ħuh George.

Skont Muscat, kien jaf bir-rejd madwar ġimagħtejn jew tliet ġimgħat qabel ma seħħ, u qal li dak iż-żmien intuża biex jitneħħew affarijiet li setgħu jinkriminawhom.

Muscat kompla jgħid li kien staqsa lil Alfred Degiorgio x'se jiġri minnu jekk George jiġi arrestat, u li Alfred kien wieġbu li ħuh "ma kien għamel xejn."

Ix-xhud żied li, minn dak il-mument, beda jinnota lill-aħwa Degiorgio jitkellmu bejniethom aktar ta' spiss, u dan qajjem is-suspett tiegħu.

Jaelle Borg
17:27

Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Vince Muscat dwar dak li seħħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Meta mistoqsi jekk ħassx rimors, Muscat wieġeb: "Jien ħassejt, iżda għal ħaddieħor ma nistax nitkellem."

Dwar Melvin Theuma, Muscat qal li Alfred Degiorgio kien qallu biex jarmi l-burner phone tiegħu. Żied li Theuma kien stedinhom għal ikla il-Belt iżda, skont hu, Alfred Degiorgio kien wieġbu li kien għadu kmieni wisq għal laqgħa bħal dik.

Muscat xehed ukoll dwar il-ħlas tal-bqija tal-flus. Skont hu, darba wassal lil Alfred Degiorgio f'żona qrib il-boathouses ta' Marsaskala. Huwa qal li daħal f'bar żgħir filwaqt li Alfred telaq bil-karozza u rritorna aktar tard b'pakketti ta' flus imgeżwra.

Muscat qal li ħa madwar €40,000 bħala s-sehem tiegħu.

 

Jaelle Borg
17:20

Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Vince Muscat dwar il-burner phones li, skont ix-xhieda tiegħu, intużaw fil-komplott.

Muscat ikkonferma li George Degiorgio kien responsabbli biex jibgħat l-SMS li kellu jattiva l-bomba.

Madankollu, skont ix-xhud, il-mobile ta' George Degiorgio spiċċalu l-kreditu, u għalhekk ċempel lil persuna jisimha Miguel biex iżidlu l-kreditu qabel seta' jibgħat il-messaġġ.

Jaelle Borg
17:12

Vince Muscat kompla bix-xhieda tiegħu billi rrakkonta x'sar filgħodu tas-16 ta' Ottubru 2017.

Skont Muscat, dakinhar mar id-dar ta' Alfred Degiorgio, u minn hemm it-tnejn marru fil-post minn fejn kienu qed josservaw ir-residenza ta' Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li, għall-ħabta tal-10.00 a.m. jew il-11.00 a.m., Alfred Degiorgio rċieva telefonata mingħand George Degiorgio, li staqsieh għaliex kienu għadhom qed jistennew.

Muscat xehed li, aktar tard, raw lil Daphne Caruana Galizia toħroġ mid-dar u tersaq lejn il-karozza tagħha, iżda reġgħet daħlet lura qisha kienet insejt xi ħaġa. Ftit minuti wara reġgħet ħarġet u telqet bil-vettura.

Skont ix-xhud, hekk kif bdiet issuq, Alfred Degiorgio ċempel lil George Degiorgio u qallu biex jattiva l-bomba.

Muscat qal li inizjalment ħasbu li l-apparat ma kienx ħadem, għax, skont hu, raw biss duħħan abjad u ma semgħu l-ebda splużjoni. Minħabba f'hekk, qal, telqu minn fuq il-post.

Huwa kompla jgħid li waqaf jiekol pastizz u jixrob kafè fir-Rabat, fejn ra l-aħbar tal-isplużjoni fuq it-televiżjoni.

"Ħassejtni ma niflaħx" xehed Muscat, filwaqt li żied li wara qatta' madwar, barra l-Imdina, fejn qal li ħass rimors.

Jaelle Borg
16:57

Wara l-pawża, Vince Muscat kompla bix-xhieda tiegħu u rrakkonta l-ġrajjiet li, skont hu, wasslu biex il-bomba titqiegħed fil-vettura ta' Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal li, għall-ħabta tad-9.00 p.m. ta' filgħaxija, George Degiorgio ċempillu u qallu li l-karozza ta' Daphne Caruana Galizia kienet ipparkjata barra r-residenza tagħha, u talbu jġib il-bomba mill-garaxx ta' Santa Venera għal dak fin-Naxxar.

Ix-xhud spjega li l-ewwel kellu jmur fit-tinda tal-patata fil-Marsa biex jiġbor iċ-ċavetta tal-garaxx, imbagħad mar Santa Venera biex jieħu l-bomba, wassalha fil-garaxx fin-Naxxar u wara telaq lejn il-Bidnija. Qal li ma xtaqx jagħmel dan kollu waħdu, iżda ħass li ma kellux għażla.

Meta wasal il-Bidnija, qal li sab lil Alfred Degiorgio, imbagħad saqu lejn l-Imġarr fejn ħalla l-karozza tiegħu. Skont Muscat, Alfred Degiorgio mbagħad ħadu lura lejn il-garaxx fin-Naxxar biex jiġbru l-bomba.

Minn hemm, qal, George Degiorgio wassalhom lura l-Bidnija, fejn waslu għall-ħabta tal-11.30 p.m.

Muscat inizjalment xehed li George Degiorgio telaq lejn id-dar għax kellu jqum kmieni l-għada biex joħroġ il-baħar, iżda aktar tard spjega li George Degiorgio reġa' mar jiġbor lilu u lil Alfred Degiorgio wara li, skont ix-xhieda tiegħu, Alfred kien qiegħed il-bomba fil-karozza ta' Daphne Caruana Galizia.

Jaelle Borg
16:04

Il- qorti tieħu pawża ta’ nofsiegħa

Jaelle Borg
16:03

Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Vince Muscat dwar l-avukat David Gatt.

Muscat xehed li Gatt kien ikun ta' spiss fit-tinda tal-patata fil-Marsa u li kultant kien jagħmel sinjal b'sebgħu, filwaqt li x-xhud urieh fil-Qorti billi għolla s-subajgħ l-kbir.

Muscat qal li darba staqsa lil George Degiorgio xi kien ifisser dak il-ġest.

Skont ix-xhud, George Degiorgio wieġbu li David Gatt kien qed jirreferi għal Keith Schembri, u mhux għal Chris Cardona.

Jaelle Borg
15:58

Vince Muscat kompla bix-xhieda tiegħu dwar l-apparat splussiv li, skont hu, intuża fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li mal-bomba kien marbut flixkun żgħir tal-ilma mimli bil-petrol, li, skont ix-xhud, kien maħsub biex iżid il-ħsara kkawżata mill-isplużjoni.

F'dan il-punt, l-Imħallef Edwina Grima intervjeniet u staqsiet lil Muscat fejn, skont il-pjan, kellha titqiegħed il-bomba.

Muscat wieġeb li l-intenzjoni kienet li titqiegħed taħt is-seat tas-sewwieq tal-vettura.

Jaelle Borg
15:55

Vince Muscat kompla jagħti dettalji dwar l-apparat splussiv li, skont ix-xhieda tiegħu, intuża fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li l-bomba kienet twila madwar ħames pulzieri u kienet tinkludi SIM card, żewġ wajers u swiċċ.

Meta mistoqsi min għallimhom kif kellha tintuża, Muscat xehed li fil-garaxx fin-Naxxar kienu marru wkoll Robert Agius u Jamie Vella, fejn, skont hu, Robert Agius wera lil Alfred Degiorgio kif jaħdem l-apparat u kif kellu jintuża.

Muscat żied li, f'okkażjoni minnhom, marru jixtru charger biex jiċċekkjaw il-livell tal-batterija tal-apparat, għalkemm sostna li din kienet dejjem tkun iċċarġjata kompletament

Jaelle Borg
15:51

Waqt li kompla jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Vince Muscat ta aktar dettalji dwar il-bomba li, skont ix-xhieda tiegħu, intużat fil-qtil.

Muscat qal li George Degiorgio kien infurmah li l-apparat splussiv kien wasal Malta u li kellhom jiġbruh minn taħt dgħajsa ankrata ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa.

Skont Muscat, hu u Alfred Degiorgio marru fuq il-post, ħadu l-bomba u ttrasportawha lejn il-garaxx fin-Naxxar.

Ix-xhud qal li, biex ma jiġbdux attenzjoni, qiegħdu l-apparat f'kaxxa taż-żraben tat-trabi, li mbagħad tpoġġiet fil-kompartiment tar-rota tal-ispare fil-bagoll tal-karozza.

Jaelle Borg
15:49

Vince Muscat xehed li, skont dak li kien jaf hu, l-apparat splussiv kien iddaħħal Malta minn barra bil-catamaran.

Meta mistoqsi x'diskussjonijiet kienu saru fit-tinda tal-patata dwar il-bombi, Muscat qal li ma jistax jiftakar fid-dettall, filwaqt li rrimarka li kien issemma wkoll kompjuter.

Il-prosekutur staqsieh ukoll jekk kienx jaf x'informazzjoni kienet se tippubblika Daphne Caruana Galizia.

Muscat wieġeb li ma kienx jaf, u spjega li qatt ma staqsa għax, fi kliemu, "ma kienx jinteressani."

Jaelle Borg
15:43

Meta mistoqsi sa fejn kien jaf hu minn fejn kienu ġejjin l-ordni u l-flus għall-qtil, Vince Muscat inizjalment semma lil Melvin Theuma, iżda minnufih iċċara li dak kollu li kien jaf kien ġej minn dak li kien jgħidlu Alfred Degiorgio, u mhux minn Theuma direttament.

Muscat kompla jgħid li George Degiorgio kien jippreferi juża apparat splussiv minflok arma tan-nar, għax kien iqis li sparatura setgħet tiġbed l-attenzjoni tal-pulizija jekk dawn ikunu għaddejjin mill-inħawi.

Skont ix-xhud, għalhekk allegatament ġabu tliet bombi mingħand Robert Agius u Jamie Vella.

F'mument li qanqal daħk fl-awla, Muscat żbalja meta semma "Robert Abela" minflok Robert Agius, u kkoreġa ruħu minnufih

Jaelle Borg
15:39

Kompla jispjega li, wara l-laqgħat li Alfred Degiorgio kien jgħidlu li kellu ma' Chris Cardona, ma kienx jingħata informazzjoni dwar il-movimenti ta' Daphne Caruana Galizia.

Madankollu, Muscat xehed li, skont dak li kien qallu Alfred Degiorgio, waqt waħda minn dawn il-laqgħat Chris Cardona rċieva messaġġ u allegatament qal: "Hawn  grupp ieħor jrid joqtolha €150,000 se jieħdu." Muscat sostna li Alfred Degiorgio kien wieġbu: "Dak għall-istess wieħed."

Muscat qal ukoll li Alfred Degiorgio kien qallu li l-informazzjoni dwar Daphne Caruana Galizia kienet tasal għand Chris Cardona permezz tal-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta.

Jaelle Borg
15:31

Qal li, ftit jiem wara, Robert Agius u Jamie Vella allegatament ġabulhom materjal splussiv.

Ix-xhud sostna wkoll li l-vettura ta' Daphne Caruana Galizia normalment ma kinitx titħalla barra, ħlief dakinhar li, skont hu, kienet barra.

Meta mistoqsi minn fejn kienu jiksbu informazzjoni dwar il-movimenti u l-postijiet li kienet iżżur Daphne Caruana Galizia, Muscat wieġeb li l-informazzjoni kienet tiġi mingħand Melvin Theuma.

Muscat kompla jgħid li hu kien wassal lil Alfred Degiorgio fl-akwati ta' Kastilja, fejn dan kien qallu li kien se jiltaqa' ma' Chris Cardona biex jagħtih informazzjoni dwar Daphne Caruana Galizia.

"Wassaltu tliet darbiet, jista' jkun iżjed u jista' jkun inqas," qal Muscat, filwaqt li insista li qatt ma ra lil ħadd b'għajnejh waqt dawk il-vjaġġi.

 

Jaelle Borg
15:25

Vince Muscat kompla jagħti dettalji dwar l-ewwel allegat pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Muscat qal li hu u Alfred Degiorgio ħbew l-ixkejjer tagħhom, filwaqt li Alfred reġa' bena l-parti tal-ħajt tas-sejjieħ li kienu neħħew aktar kmieni.

Skont Muscat, Alfred Degiorgio kien diġà pprepara l-arma u kellu l-mira fuq Daphne Caruana Galizia, hekk kif din kienet tidher taħdem fuq il-kompjuter tagħha.

Ix-xhud qal li dan kollu seħħ għall-ħabta tal-11.00 p.m. u nofsillejl, wara li George Degiorgio kien wassalhom fuq il-post.

Muscat xehed li għall-attentat kien hemm AK-47 u vettura ppreparata, filwaqt li qal li ma jistax jiftakar b'ċertezza jekk kellhomx ukoll pistola oħra.

Huwa sostna li kienu jinsabu ftit metri biss 'il bogħod mir-residenza.

Muscat qal li normalment George Degiorgio kien imur jiġborhom wara li jlestu, iżda dak il-lejl, skont dak li qallu Alfred Degiorgio, George beda "iġib l-iskużi" u l-pjan spiċċa ġie abbandunat.

Skont ix-xhud, George Degiorgio eventwalment mar għalihom u, sa fejn jiftakar hu, wara marru lejn garaxx fin-Naxxar.

 

Jaelle Borg
15:13

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Vince Muscat qal li, skont hu, kien sar ħafna tħejjija għall-ewwel allegat pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia fl-2017.

Muscat xehed li kienu ġabu l-armi mingħand l-aħwa Agius "tal-Maksar", u qal li waħda minnhom kienet arma ġdida mgħammra b'teleskopju.

Huwa sostna wkoll li kienu neħħew parti minn ħajt tas-sejjieħ wara r-residenza tal-familja Caruana Galizia bħala parti mill-preparamenti għall-attakk.

Skont Muscat, il-pjan kien li Alfred Degiorgio iwettaq l-isparatura.

Jaelle Borg
15:04

Vince Muscat xehed li Melvin Theuma kien qallu lilu u lill-aħwa Degiorgio li Daphne Caruana Galizia kienet se tikxef "xi ħaġa kbira."

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Muscat qal li Theuma kien wissiehom li, jekk il-ġurnalista tippubblika dik l-informazzjoni qabel tinqatel, il-persuna li kienet qabbditu jorganizza l-qtil kienet se twaqqaf kollox.

Din hija xhieda mogħtija minn Vince Muscat quddiem il-ġurija.

Jaelle Borg
15:02

Ftit wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-prosekuzzjoni għamlet l-ewwel użu mill-possibbiltà li tirreferi għax-xhieda preċedenti ta' Vince Muscat.

Il-prosekutur Godwin Cini staqsa lil Muscat jekk id-depożitu ta' €30,000 kienx tħallas qabel jew wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Muscat wieġeb li, sa fejn jiftakar hu, il-flus ingħataw ftit qabel l-elezzjoni.

Cini mbagħad irrimarka li, fix-xhieda li Muscat kien ta waqt il-kumpilazzjoni tal-provi, kien qal li d-depożitu tħallas wara l-elezzjoni.

Muscat wieġeb li ma jistax ikun ċert dwar iż-żmien eżatt, iżda qal li hu jaħseb li seħħ qabel l-elezzjoni

Jaelle Borg
14:46

L-Imħallef Edwina Grima tat id-digriet tagħha dwar il-punt proċedurali mqajjem qabel il-pawża ta' nofsinhar.

Hija laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni, u ddeċidiet li m'hemm xejn fil-liġi li jipprojbixxi lill-prosekuzzjoni tagħmel referenza għax-xhieda mogħtija fl-istadju tal-kumpilazzjoni tal-provi.

Madankollu, l-Imħallef spjegat li dan jista' jsir biss meta x-xhud jgħid li ma jiftakarx avveniment jew dettall partikolari.

Wara d-deċiżjoni, il-proċeduri komplew bix-xhieda ta' Vince Muscat.

Jaelle Borg
14:45

Merħba lura mill-Awla 22.

Il-partijiet reġgħu ħadu posthom fil-Qorti u l-proċeduri mistennija jerġgħu jibdew fi ftit minuti.

Nistennew ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-punt proċedurali mqajjem qabel il-pawża, qabel tkompli x-xhieda ta' Vince Muscat, magħruf bħala "Il-Koħħu".

Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti hekk kif iseħħu.

Jaelle Borg
12:51

Il-proċeduri ġew aġġornati għall-pawża ta' nofsinhar, dan kważi wara li għamilna nofsiegħa nistennew mingħajr ma nafu xħa jiġri.

Is-seduta terġa' tibda fis-2:30pm, meta l-Qorti mistennija tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-punt proċedurali u tkompli tisma' x-xhieda.

Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti hekk kif jerġgħu jibdew il-proċeduri.

Jaelle Borg
12:18

Il-ġurati ngħataw istruzzjonijiet joħorġu mill-awla hekk kif il-prosekuzzjoni u d-difiża bdew jargumentaw dwar il-mod kif għandha tkompli x-xhieda ta' Vince Muscat, magħruf bħala "Il-Koħħu".

Il-prosekutur Godwin Cini talab lill-Qorti tippermetti li, waqt ix-xhieda tiegħu, Muscat ikun jista' jiġi mfakkar f'dak li kien qal qabel fil-kumpilazzjoni tal-provi, billi ssir referenza għax-xhieda preċedenti tiegħu hekk kif jiġu diskussi l-avvenimenti.

Min-naħa tagħha, id-difiża oġġezzjonat u sostniet li Muscat għandu jagħti x-xhieda tiegħu mingħajr interruzzjonijiet, u li kwalunkwe allegata kontradizzjoni għandha tiġi indirizzata biss fi tmiem ix-xhieda tiegħu.

Id-difiża rrimarkat ukoll li Muscat huwa xhud tal-prosekuzzjoni, u għalhekk il-proċedura għandha ssegwi dak il-prinċipju.

Il-Qorti se tiddeċiedi dwar il-kwistjoni qabel tkompli x-xhieda.

Jaelle Borg
11:44

Vince Muscat xehed li, wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Melvin Theuma qalilhom li l-pjan seta' jerġa' jitkompla.

Skont Muscat, hu u l-allegati kompliċi komplew josservaw il-movimenti ta' Daphne Caruana Galizia.

Ix-xhud qal li kienu nnotaw li l-familja kellha housekeeper li kienet tmur darba fil-ġimgħa b'Toyota Vitz ħamra.

Muscat żied li Alfred Degiorgio kien jagħmel ħafna mis-sorveljanza, peress li kien joqgħod qrib, f'San Pawl il-Baħar.

Huwa rrakkonta wkoll li, f'okkażjoni minnhom, osservaw lil Daphne Caruana Galizia f'kafetterija fin-Naxxar, wara li, skont hu, Melvin Theuma qalilhom li kienet iżżur dak il-post ta' spiss.

Muscat xehed li dakinhar xtrat pakkett sigaretti, poġġiet waħedha fuq mejda u fetħet il-laptop tagħha.

Jaelle Borg
11:30

Il-prosekutur Godwin Cini staqsa lil Vince Muscat jekk, minbarra d-depożitu ta' €30,000, kienx sar xi ħlas ieħor minn Melvin Theuma.

Muscat wieġeb li, qabel ma ngħata d-depożitu, Theuma kien ta lil Alfred Degiorgio madwar €1,000.

Skont ix-xhud, Theuma kien qal lil Degiorgio biex "jixtri xarba" b'dawk il-flus.

Jaelle Borg
11:28

Vince Muscat kompla jirrakkonta l-avvenimenti li, skont ix-xhieda tiegħu, seħħew qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal li, f'laqgħa oħra, reġa' wassal lil Alfred Degiorgio għall-istess żona fejn kien qed jiltaqa' ma' Melvin Theuma.

Meta Alfred Degiorgio rritorna, skont Muscat, kellu miegħu l-flus tad-depożitu ta' €30,000, li kienu f'boroż tas-sigaretti.

Ix-xhud kompla jgħid li madwar ġimgħa wara, Melvin Theuma reġa' kkuntattja lil Alfred Degiorgio u qallu biex jieqfu b'kollox sakemm tgħaddi l-elezzjoni ġenerali, u li wara jerġgħu jkomplu bil-pjan.

Meta l-prosekutur Godwin Cini staqsieh jekk sa dak iż-żmien kienx jaf għaliex, skont Theuma, kien hemm min ried "jeħles" minn Daphne Caruana Galizia, Muscat wieġeb li Alfred Degiorgio kien qallu biss li kien minħabba "xi ħaġa importanti", mingħajr ma ngħata aktar dettalji.

Jaelle Borg
11:21

Il-pjan tal-qtil tal-2017

Vince Muscat kompla bix-xhieda tiegħu u qal li, wara li l-ewwel allegat pjan ma mexiex 'il quddiem, għadda ż-żmien sakemm, xi xahar qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Alfred Degiorgio, magħruf bħala "il-Fulu", avviċinah u qallu li "għandna biċċa xogħol ġdida."

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Muscat spjega li kien ilu jaf lil Melvin Theuma għal ħafna snin, u qal li kien jaħdem fil-betting tat-tiġrijiet taż-żwiemel u kien ukoll taxi driver.

Meta mistoqsi x'kien jaf personalment dwar Theuma, Muscat irrakkonta li darba hu u Alfred Degiorgio marru jfittxuh Ħamrun, iżda ma sabuhx. Aktar tard, qal, Alfred Degiorgio qallu li kien tkellem miegħu.

Muscat kompla jgħid li f'okkażjoni oħra wassal lil Alfred Degiorgio qrib il-knisja tal-Imsida biex jiltaqa' ma' Melvin Theuma, għalkemm sostna li hu stess dak il-ħin għadu ma kienx iltaqa' ma' Theuma.

Skont Muscat, Alfred Degiorgio qallu li Melvin Theuma ried "jeħles mis-Sinjura Galizia."

Ix-xhud qal li mbagħad hu, George Degiorgio u Alfred Degiorgio ftehmu fuq depożitu ta' €30,000 u ħlas finali ta' €150,000 għax-xogħol.

Muscat xehed ukoll li xtraw erba' mobiles Nokia bażiċi, li sejħilhom "cheap phones". Tlieta kienu maħsuba għall-użu tagħhom, filwaqt li r-raba' wieħed ingħata lil Melvin Theuma.

Huwa qal li, wara li ntlaħaq il-ftehim dwar il-prezz, reġa' wassal lil Alfred Degiorgio qrib il-Busy Bee, wara l-knisja tal-Imsida, biex jiltaqa' ma' Melvin Theuma u jara jekk jaċċettax is-somma miftiehma.

Meta Alfred Degiorgio rritorna, skont Muscat, qallu li Melvin Theuma ried l-ewwel jivverifika mas-"ta' fuqu" jekk il-ftehim kienx aċċettabbli.

Jaelle Borg
11:13

Vince Muscat kompla bix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurija u qal li d-depożitu miftiehem qatt ma tħallas, u għalhekk, skont hu, il-pjan ma mexiex 'il quddiem f'dak l-istadju.

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Muscat qal li George Degiorgio kien qallu li "kien kollu kliem fil-vojt"min-naħa ta' Chris Cardona.

Ix-xhud sostna li George Degiorgio kien kontinwament jagħmel pressjoni fuq l-avukat David Gatt dwar id-depożitu, iżda dejjem kien jingħata l-istess risposta, jiġifieri li Cardona kien ikun imsiefer.

Meta mistoqsi jekk hu qattx tkellem direttament ma' David Gatt dwar il-flus, Muscat wieġeb le, u qal li dejjem kien ikun George Degiorgio li jkellem lil Gatt quddiemu u jitolbu jsegwi ma' Cardona dwar id-depożitu.

Muscat qal li, wara dan, ma sar xejn aktar, ħlief li marru tliet darbiet fiż-żona fejn kienet toqgħod Daphne Caruana Galizia.

Jaelle Borg
11:07

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Vince Muscat kompla jirrakkonta kif, skont ix-xhieda tiegħu, hu u George Degiorgio marru diversi drabi l-Bidnija biex josservaw il-movimenti ta' Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal li għamlu bejn jumejn u tlett ijiem "għassa", fejn kienu jqattgħu madwar sagħtejn jew tliet sigħat kuljum fiż-żona, iżda sostna li matul dak iż-żmien qatt ma raw lil Daphne Caruana Galizia.

Huwa kompla jgħid li, f'okkażjoni minnhom, George Degiorgio qallu biex jidħlu fid-daħla tar-residenza tal-familja Caruana Galizia.

Skont Muscat, meta ħares minn mal-grada ra BMW "maħmuġa, qisha abbandunata", filwaqt li qal li nnota wkoll tabella mwaħħla mal-grada. Wara dan, qal, telqu minn fuq il-post.

Meta mistoqsi dwar ir-rwol ta' Jamie Vella, Muscat xehed li dan kien involut fil-pjan oriġinali.

Skont ix-xhud, il-pjan kien li meta Daphne Caruana Galizia toħroġ mid-dar u tibda nieżla t-triq, il-vann kellu jwaqqaf il-vettura tagħha, idaħħluha fil-vann u Jamie Vella jisparalha b'machine gun.

Din hija xhieda mogħtija minn Vince Muscat quddiem il-ġurija.

Jaelle Borg
11:03

Min hu Michael Cassar?

Michael Cassar huwa eks Kummissarju tal-Pulizija li serva fil-kariga bejn l-2014 u l-2016, wara karriera twila fil-Korp tal-Pulizija, fejn okkupa diversi karigi għolja, fosthom bħala kap tal-Vice Squad u tas-Servizz tas-Sigurtà. Huwa rriżenja fl-2016 għal raġunijiet ta' saħħa. 

L-isem tiegħu mhux ġdid fil-kitbiet ta' Daphne Caruana Galizia. F'artiklu ppubblikat fl-2010, il-ġurnalista ddefendiet lil Cassar wara li, skont hi, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera semmietu bi żball waqt kawża ta' libell. Caruana Galizia kitbet li kienet iżżommu f'ġieħ kbir u qalet li qatt ma kien hu l-pulizija li bagħat xorb fuq il-mejda tagħha f'ristorant, kif kien allegat fil-Qorti. Hija saħansitra kitbet li "dejjem naċċetta drink mingħand Michael Cassar", u faħħret il-ħidma tiegħu kontra l-kriminalità, inkluż il-każijiet ta' bombi. 

Illum, l-isem ta' Michael Cassar issemma waqt ix-xhieda ta' Vince Muscat, li allega li George Degiorgio kien semmielu lil Cassar bħala persuna involuta fil-pjan. Din tibqa' allegazzjoni li saret fil-Qorti waqt ix-xhieda ta' Muscat u mhux fatt

 

Jaelle Borg
10:57

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Vince Muscat kompla jagħti x-xhieda tiegħu dwar kif, skont hu, żviluppa l-allegat pjan għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal li George Degiorgio kien qallu li kellhom jiftiehmu fuq il-prezz għax-xogħol, u li eventwalment ftehmu fuq €150,000, li kellhom jinqasmu bejn erba' persuni involuti.

Meta mistoqsi min kienu dawn il-persuni, Muscat qal li George Degiorgio kien semmielu Michael Cassar, li dak iż-żmien kien fil-Korp tal-Pulizija.

Ix-xhud kompla jgħid li George Degiorgio kien qallu wkoll li l-avukat David Gatt kien se jkollu r-rwol li jwasslilhom messaġġi u l-ħlas tad-depożitu, filwaqt li spjega li Gatt kien, sa fejn kien jaf hu, l-avukat ta' George Degiorgio.

Muscat qal li hu personalment ma tantx kien jaf lil David Gatt.

Huwa xehed li, hekk kif beda jgħaddi ż-żmien, id-depożitu ta' €50,000 qatt ma wasal, u għalhekk, skont hu, ma setgħux javvanzaw bil-pjan sakemm ma jirċevux il-flus. Żied li George Degiorgio kien qallu li kellhom ikellmu lil David Gatt dwar dan.

Muscat qal ukoll li, wara li kien intlaħaq il-ftehim dwar il-ħlas, staqsa lil George Degiorgio jekk kienx jaf fejn kienet toqgħod Daphne Caruana Galizia. Skont ix-xhud, George ma kienx jaf, iżda Jamie Vella kien qalilhom li kienet toqgħod il-Bidnija.

Jaelle Borg
10:49

Vince Muscat: "George qalli li Chris Cardona ried jeħles minn Daphne Caruana Galizia" : L-ewwel pjan ta' qtil fl-2015

Il-prosekutur Godwin Cini kompla jistaqsi lil Vince Muscat dwar kif kien jaf lil Jamie Vella u x'kien qalulu George Degiorgio meta allegatament avviċinah dwar il-qtil.

Muscat qal li Jamie Vella ma kienx ilu jaf ħafna, u li kien jiltaqa' miegħu meta dan kien jiġi fit-tinda tal-patata fil-Marsa.

Meta mistoqsi x'kien qallu George Degiorgio, Muscat xehed li dan kien talbu jwasslu Portomaso, ħdejn ir-roundabout, fejn kien qallu li kien se jiltaqa' ma' Chris Cardona, iżda kien spjegalu li dak iż-żmien Cardona kien għadu ma kien jaf xejn dwar il-pjan.

Muscat qal li mar fil-post, iżda ma ra lil ħadd. Aktar tard, qal, George Degiorgio ċempillu u qallu li ma kienx hemm għalfejn jibqa' jistennih għax "kienet se tiġbor il-mara."

Ix-xhud kompla jgħid li l-għada, meta reġa' mar fit-tinda tal-patata, George Degiorgio qallu: "Chris Cardona jridna neħilsu minn Daphne Caruana Galizia."

 

Jaelle Borg
10:43

Taħt mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Vince Muscat beda bix-xhieda tiegħu billi fakkar li fil-proċeduri kontrih huwa ammetta l-ħtija u ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs.

Cini mbagħad talbu jispjega, pass pass, x'kien l-involviment tiegħu fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Muscat irrakkonta li, matul l-2015, waqt li kien fit-"tinda tal-patata" fil-Marsa, fejn qal li kien jiltaqa' regolarment, George Degiorgio, magħruf bħala "iċ-Ċiniż", qallu li kellu "biċċa xogħol" għalih. Dan kien l-ewwel pjan ta' qtil.

Ix-xhud qal li kien ilu jaf lil George Degiorgio u li kienu jiltaqgħu kważi kuljum fit-tinda tal-patata biex jieħdu te u jqattgħu ftit ħin flimkien.

Skont Muscat, George Degiorgio qallu wkoll li fix-xogħol kienu se jkunu involuti George u Alfred Degiorgio, kif ukoll Jamie Vella.

Meta mistoqsi mill-prosekutur dwar f'liema xahar tal-2015 seħħet din il-konverżazzjoni, Muscat wieġeb li ma jiftakarx.

Jaelle Borg
10:34

Min hu Vince Muscat?

Vincent Muscat, magħruf bħala "Il-Koħħu", huwa wieħed mit-tliet persuni li ammettew jew instabu ħatja li kienu involuti fl-eżekuzzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Fl-2021 huwa ammetta l-ħtija għall-involviment tiegħu fil-qtil u ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs wara li ħa maħfra l-presidenzjali. Aktar tard sar xhud ewlieni għall-prosekuzzjoni f'numru ta' proċeduri marbuta mal-każ.

Muscat kien diġa xehed fid-dettall dwar il-pjanar tal-qtil, il-preparamenti li saru qabel l-attakk u r-rwoli ta' persuni oħra involuti fl-operazzjoni. Ix-xhieda tiegħu wasslet ukoll għal żviluppi f'investigazzjonijiet oħra marbuta mal-każ.

Jaelle Borg
10:33

Il-proċeduri reġgħu bdew u l-Qorti issa se tisma' x-xhieda ta' Vince Muscat, magħruf bħala "Il-Koħħu".

Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti hekk kif tkompli x-xhieda tiegħu.

 

 

 

Jaelle Borg
10:07

Il-Qorti ħadet pawża qasira sakemm jasal ix-xhud li jmiss.

Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti hekk kif terġa' tibda s-seduta

Jaelle Borg
10:05

Il-ġurati għamlu sensiela ta' mistoqsijiet lill-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada, u bdew billi talbuh jispjega għaliex kien meħtieġ li jiġi kklonat il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

Bajada fakkar li l-apparat tal-ġurnalista kien inqered kważi kompletament fl-isplużjoni, u għalhekk il-klonazzjoni kienet l-uniku mod biex tiġi rkuprata d-data li kien għad fadal.

Il-ġurati mbagħad staqsewh għaliex il-mobile nieqes ta' Keith Schembri ma ġiex ikklonat.

"Il-pulizija qatt ma talbuni nagħmel dan," wieġeb Bajada.

Il-ġurati staqsew ukoll jekk hemmx limitu ta' żmien biex isir il-proċess tal-klonazzjoni ta' mobile.

Bajada wieġeb li idealment dan għandu jsir fi żmien 48 siegħa.

Wara dawn il-mistoqsijiet, l-Imħallef Edwina Grima aġġornat is-seduta għal pawża qasira.

Jaelle Borg
09:56

Id-difiża staqsiet lill-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada jekk ritratt li juri lil Chris Cardona mal-aħwa Degiorgio waqt pool party kienx ittieħed qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Bajada wieġeb li ma setax jiftakar eżatt il-kronoloġija tal-avvenimenti.

Id-difiża mbagħad talbet li s-seduta tiġi sospiża temporanjament sabiex tkun tista' tippreżenta l-verżjoni sħiħa u mhux maqtugħa tar-ritratt, filwaqt li sostniet li l-immaġni li ntweriet kienet maqtugħa u li fil-verżjoni oriġinali jidher ukoll mejda.

Bajada ċaħad din l-allegazzjoni u qal li dan mhux korrett.

Id-difiża qalet li se tirriżerva aktar mistoqsijiet fil-kontro-eżami għal stadju aktar tard tal-ġuri.

 

Jaelle Borg
09:47

Matul il-kontro-eżami, id-difiża għamlet referenza għall-emails estratti mill-kontijiet ta' Daphne Caruana Galizia li kienu jsemmu lil Keith Schembri u Chris Cardona.

L-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada qal li, skont l-analiżi li saret, Keith Schembri ssemma f'madwar 237 email, filwaqt li Chris Cardona deher f'madwar 274 email li ġew estratti mill-kontijiet tal-ġurnalista maqtula.

 

Jaelle Borg
09:43

Il-kontro-eżami tal-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada kompla b'referenza għal żewġ mobiles ta' Keith Schembri li kienu ġew elevati u analizzati bħala parti mill-investigazzjonijiet.

Bajada spjega li dawn iż-żewġ apparati kien fihom numri tat-telefon attribwiti lil Johann Cremona u Kenneth Camilleri.

L-avukata Gianella De Marco rrimarkat li, fil-lista tal-kuntatti ta' Keith Schembri, in-numru ta' Kenneth Camilleri kien issejvjat taħt il-laqam "Ir-Rukkell", filwaqt li dak ta' Johann Cremona kien issejvjat bħala "Ix-Xlukkajr".

Wara li vverifika n-numri tat-telefon assoċjati ma' dawn il-laqmijiet, Dr Bajada kkonferma li kienu jikkorrispondu għall-persuni msemmija.

 

Jaelle Borg
09:15

Merħba għall-11-il jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Aħna qegħdin fl-Awla 22 u se nkunu qed insegwu l-proċeduri mill-qrib matul il-ġurnata.

Bħalissa qed jkompli l-kontro-eżami tal-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada, wara li s-seduta tal-Ġimgħa kienet iddominata minn evidenza diġitali u dibattitu legali dwar l-emails estratti mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

Segwuna matul il-ġurnata għal aġġornamenti diretti minn ġewwa l-awla.

Jaelle Borg

 

 

More in Qrati u Pulizija