Il-kontro-eżami tal-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada ħa żvolta ġdida nhar il-Ġimgħa hekk kif id-difiża ffukat fuq id-data estratta mill-apparati tal-eks chief of staff ta' Kastilja Keith Schembri u talbet li jiġu ppreżentati r-rekords tat-telefonati u l-call profiles tiegħu.
Matul l-għaxar jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech, l-avukata Gianella De Marco talbet lill-espert jippreżenta d-data estratta mill-mowbajls ta' Schembri fl-2020.
Bajada spjega li kienu nħolqu forensic clones tad-data bħala parti minn diversi inkjesti, fosthom dik magħrufa bħala "DaphneLeaks", u li l-informazzjoni kienet ġiet estratta minn żewġ iPhones li kull wieħed kellu żewġ SIM cards.
Id-difiża talbet ukoll il-call profiles relatati ma' Schembri u aktar tard għamlet referenza wkoll għal tliet numri tat-telefon attribwiti lill-eks uffiċjal tas-sigurtà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Camilleri.
Il-Qorti semgħet li l-investigaturi kellhom 15-il call profile differenti relatati ma' diversi apparati ċellulari.
Aktar tard, id-difiża daret ukoll fuq Edgar Brincat, filwaqt li Bajada spjega li kienu saru żewġ estrazzjonijiet separati ta' data taħt żewġ inkjesti differenti, fosthom waħda relatata ma' allegat ħasil ta' flus immexxija mill-Maġistrat Anthony Vella.
Bajada qal ukoll li kien involut fl-analiżi tad-data estratta mill-mobile ta' Melvin Theuma bħala parti mill-inkjesta "DaphneLeaks", filwaqt li ġew eżaminati wkoll apparati elettroniċi elevati mingħand l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Qabel beda l-kontro-eżami tad-difiża, il-prosekutur Godwin Cini staqsa lil Bajada jekk qatt intużax software aktar reċenti biex tiġi estratta aktar data mill-mobile ta' Yorgen Fenech. L-espert wieġeb li l-estrazzjoni kienet saret fl-2020 bis-software disponibbli dak iż-żmien u li minn dakinhar ma saritx estrazzjoni oħra.
Dibattitu dwar l-emails
Parti sostanzjali mis-seduta kienet iddedikata għal dibattitu legali dwar l-emails estratti mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.
Godwin Cini spjega li l-prosekuzzjoni kienet se tagħmel referenza għall-verżjonijiet redatti tal-emails bħala parti mill-provi tagħha.
Madankollu, id-difiża oġġezzjonat u sostniet li, jekk il-prosekuzzjoni kienet se tibbaża parti mill-każ tagħha fuq seba' emails biex tipprova tistabbilixxi motiv, il-ġurati kellhom jaraw ukoll il-verżjonijiet oriġinali u l-bqija tal-emails rilevanti.
L-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li, jekk Dr Martin Bajada jikkonferma l-validità tar-rapport tiegħu li sar qabel l-emails ġew redatti, il-ġurati jistgħu jingħataw ukoll il-verżjoni oriġinali tagħhom.
Hija osservat ukoll li, jekk il-prosekuzzjoni ma tressaqx xhud li jista' jivverifika l-kontenut tal-emails, il-ġurati għandhom jiġu mgħarrfa b'dan meta jiġu biex jevalwaw din il-parti tal-evidenza.
Matul ix-xhieda tiegħu, Bajada qal li r-rwol tiegħu kien limitat biex jirrevedi l-emails ħalli jiġu redatti riferimenti għal persuni oħra u li llum ma jiftakarx il-kontenut tagħhom.
L-espert tal-FBI dwar il-burner phones
Aktar kmieni fis-seduta, xehed ukoll l-espert tal-FBI Richard Fenner, li spjega kif analizza d-data tat-telekomunikazzjoni relatata mal-qtil.
Fenner qal li l-analiżi tiegħu wasslitu biex jidentifika ż-żewġ numri tat-telefon li, skont il-konklużjonijiet tiegħu, intużaw biex tiġi attivata l-bomba, kif ukoll tliet burner phones li kienu jiċċaqilqu flimkien lejn l-istess żoni qabel il-qtil.
Il-ġuri jkompli nhar it-Tnejn.
B'dan tagħlaq is-seduta tal-lum wara ġurnata ffukata kważi kompletament fuq l-evidenza diġitali u l-analiżi forensika tal-apparati elettroniċi.
Il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-espert tal-FBI Richard Fenner u tal-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada, li taw dettalji dwar l-analiżi tat-telefowns, id-data estratta mill-apparati u l-investigazzjoni diġitali li segwiet il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-ġuri jkompli nhar it-Tnejn filgħodu, u bħas-soltu aħna nkunu hawn biex inwasslulkom kull żvilupp direttament mill-Awla 22.
Sa dakinhar, grazzi talli segwejtuna.
B'dan intemmet ix-xhieda tal-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada, filwaqt li l-ġurati bdew joħorġu mill-awla.
Qabel intemmet is-seduta, l-Imħallef Edwina Grima appellat lid-difiża biex tiġi ppreparata bil-mistoqsijiet tagħha għas-seduta li jmiss, filwaqt li enfasizzat ir-responsabbiltà kbira li għandha l-ġurija f'dan il-każ.
Min-naħa tagħha, l-avukata Gianella De Marco sostniet li jekk il-prosekuzzjoni qed tipprova tistabbilixxi motiv billi tibbaża ruħha fuq seba' emails speċifiċi li se jiġu ppreżentati fil-Qorti, allura, fl-interess tal-ġustizzja, għandhom jitressqu wkoll il-bqija tal-emails rilevanti.
Matul il-kontro-eżami, l-avukata Gianella De Marco staqsiet lill-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada kemm-il darba Keith Schembri u Chris Cardona ssemmew fl-emails estratti mill-apparati ta' Daphne Caruana Galizia.
Bajada wieġeb li l-materjal analizzat huwa enormi u jkopri aktar minn 29,000 paġna, u għalhekk ma setax jagħti ċifra preċiża minnufih.
Huwa qal li, jekk jingħata aktar ħin, ikun lest jirrevedi l-materjal biex jindika kemm-il darba jissemmew iż-żewġ ismijiet.
B'reazzjoni, l-avukata De Marco qalet li, jekk ikun aktar faċli għall-espert, id-difiża tista' ssib dawn ir-referenzi hi stess, u żiedet li nhar it-Tnejn jistgħu jippreżentawhom fuq l-iskrin quddiem il-Qorti.
L-avukata Gianella De Marco mbagħad bidlet il-linja tal-kontro-eżami u bdiet tistaqsi lill-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada dwar Edgar Brincat.
Bajada spjega li kienu saru żewġ estrazzjonijiet separati ta' data, bħala parti minn żewġ inkjesti maġisterjali differenti, fosthom inkjesta dwar allegat ħasil ta' flus immexxija mill-Maġistrat Anthony Vella.
Il-Qorti semgħet ukoll li espert ieħor, Keith Cutajar, mistenni jixhed aktar 'il quddiem dwar l-estrazzjonijiet ta' data li saru sussegwentement.
Matul il-kontro-eżami, id-difiża talbet ukoll li jiġu ppreżentati l-call profiles tal-qattiel ammess Alfred Degiorgio.
Matul il-kontro-eżami, l-avukata Gianella De Marco għamlet referenza għal żewġ numri tat-telefon – wieħed attribwit lil Johann Cremona, assoċjat fin-negozju ta' Yorgen Fenech, u ieħor attribwit lil Kenneth Camilleri.
Id-difiża staqsiet lill-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada jekk dawn in-numri kinux marbuta mal-lista tal-kuntatti jew mad-direttorju tat-telefon ta' Keith Schembri.
Aktar tard, il-Qorti staqsiet lil Bajada jekk kienx involut fl-estrazzjoni tad-data mill-mobile ta' Melvin Theuma.
L-espert ikkonferma li kien analizza dik id-data bħala parti mill-inkjesta separata "DaphneLeaks", u żied li, fl-istess inkjesta, kienu ġew elevati u eżaminati wkoll diversi apparati elettroniċi li kienu ġew issekwestrati mingħand l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Fil-kontro-eżami tiegħu, Dr Martin Bajada spjega li l-call profiles relatati ma' Keith Schembri ġew estratti biss bħala parti mill-inkjesta separata magħrufa bħala "Daphne Leaks", immexxija mill-Maġistrat ta' dak iż-żmien, illum Imħallef, Doreen Clarke.
L-avukata Gianella De Marco għamlet ukoll referenza għal tliet numri tat-telefon attribwiti lil Keith Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Qorti semgħet li, b'kollox, l-investigaturi ġabru 15-il call profile differenti, relatati ma' diversi apparati ċellulari li ġew analizzati matul l-investigazzjonijiet.
L-avukata Gianella De Marco bdiet il-kontro-eżami tal-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada billi talbitu jippreżenta r-rekords tat-telefonati estratti mill-apparati ta' Keith Schembri fl-2020.
Bajada spjega li, taħt diversi inkjesti – fosthom l-inkjesta magħrufa bħala "Daphne Leaks" – kienu nħolqu forensic clones tad-data li kienet tinsab fuq l-apparati.
Huwa qal li d-data kienet ġiet estratta minn żewġ iPhones li kienu jappartjenu lil Schembri, u li kull wieħed minnhom kien juża żewġ SIM cards differenti.
Matul il-kontro-eżami, De Marco talbet ukoll li jiġu ppreżentati l-call profiles ta' Keith Schembri, hekk kif kompliet teżamina l-evidenza diġitali fil-kawża
Kompla d-dibattitu fil-Qorti dwar l-użu tal-emails ta' Daphne Caruana Galizia bħala evidenza fil-ġuri.
Id-difiża reġgħet oġġezzjonat għall-mod kif il-prosekuzzjoni qed tippreżenta dawn l-emails, filwaqt li l-Imħallef Edwina Grima rrimarkat li l-kontenut tal-emails ma jkunx rilevanti jekk ma jissejjaħx xhud li jkun jista' jikkonfermah.
L-Imħallef osservat ukoll li l-prosekuzzjoni għandha tressaq xhieda li jistgħu jivverifikaw il-kontenut tal-emails, u mhux persuna bħal Dr Martin Bajada, li qal li ma kienx jaf jew ma jiftakarx il-kontenut tagħhom.
Min-naħa tagħha, l-avukata Giannella De Marco sostniet li l-prosekuzzjoni kellha snin twal biex issib xhieda li jistgħu jivvalidaw il-kontenut tal-emails.
Fl-aħħar, l-Imħallef Grima ddeċidiet li, jekk ma jkun hemm l-ebda xhud li jikkonferma l-kontenut tal-emails, il-ġurati se jiġu infurmati b'dan meta jiġu biex jevalwaw din il-parti tal-evidenza.
L-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada ċċara li r-rwol tiegħu kien limitat biex jgħaddi b'mod ġenerali mill-emails ta' Daphne Caruana Galizia ħalli jiġu redatti riferimenti jew informazzjoni relatata ma' persuni oħra.
Huwa qal lill-Qorti li llum ma jiftakarx il-kontenut tal-emails, filwaqt li spjega li l-ħidma tiegħu kienet tiffoka fuq il-proċess ta' redazzjoni u mhux fuq l-analiżi fid-dettall tal-kontenut tagħhom.
Is-seduta daret fuq dibattitu legali dwar kif għandhom jiġu ppreżentati lill-ġurati l-emails estratti mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.
Id-difiża sostniet li ma kinitx infurmata li kien hemm numru ta' emails li fihom il-messaġġ kien miktub kollu fis-suġġett (subject line), u mhux fil-korp tal-email.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-fokus tagħha se jkun fuq il-verżjonijiet redatti tal-emails. Madankollu, id-difiża oġġezzjonat u argumentat li, jekk il-prosekuzzjoni se tagħmel referenza għal dawn l-emails, il-ġurati għandhom jarawhom fil-verżjoni oriġinali u sħiħa tagħhom, kif ġew estratti mill-apparat.
L-avukat Charles Mercieca sostna wkoll li, peress li l-awturi tal-emails mhumiex qed jixhdu biex jikkonfermaw il-kontenut tagħhom, il-messaġġi ma jistgħux jitqiesu bħala prova tal-fatti li jkun fihom, iżda biss bħala evidenza li saret komunikazzjoni f'data u ħin partikolari.
Huwa talab ukoll li, jekk l-awturi tal-emails ma jissejħux bħala xhieda, il-Qorti tagħti direzzjonijiet lill-ġurati dwar kif għandhom jevalwaw din il-prova.
L-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li, jekk l-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada jikkonferma l-validità tar-rapport tiegħu li sar qabel l-emails ġew redatti, il-ġurati jkunu jistgħu jingħataw ukoll il-verżjonijiet oriġinali u sħaħ tal-emails.
L-Imħallef żiedet li, jekk ikun meħtieġ, l-awturi tal-emails jistgħu wkoll jissejħu biex jixhdu fil-kawża.
Il-prosekutur Godwin Cini temm il-mistoqsijiet tiegħu dwar jekk intużax software aktar reċenti biex tiġi estratta aktar data mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
L-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada spjega li l-estrazzjoni tad-data saret fl-2020, bl-użu tas-software li kien disponibbli dak iż-żmien, u qal li minn dak iż-żmien 'l hawn ma ntużax software ieħor biex issir estrazzjoni ġdida tad-data.
Bajada mbagħad dar għall-analiżi tal-mobile ta' Daphne Caruana Galizia u qal li fih instab volum estensiv ta' emails.
Huwa spjega li kien ingħata struzzjonijiet biex jippreserva l-kontenut tal-emails, filwaqt li jitneħħew il-footers li jiġu awtomatikament miżjuda mal-messaġġi. Żied li ħafna mill-emails kienu jidhru vojta, peress li l-messaġġ innifsu kien inkiteb kollu fis-suġġett tal-email.
Il-proċeduri reġgħu bdew fl-Awla 22 wara l-waqfa ta' nofsinhar.
Yorgen Fenech reġa' ddaħħal fl-awla, filwaqt li l-ġurati, il-prosekuzzjoni u t-timijiet tad-difiża reġgħu ħadu posthom.
Mistenni jkompli jixhed l-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada, li qed jippreżenta l-analiżi tiegħu dwar l-evidenza diġitali miġbura matul l-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
B'dan tintemm is-seduta ta' filgħodu tal-għaxar jum tal-ġuri.
Il-proċeduri ġew aġġornati sas-3.00pm, meta l-Qorti terġa' tiltaqa' biex tkompli tisma' x-xhieda.
Aħna nerġgħu nkunu magħkom waranofsinhar b'aktar aġġornamenti diretti mill-Awla 22.
Dr Martin Bajada qal lill-ġurati li l-investigaturi kellhom jimxu b'kawtela kbira waqt l-analiżi tal-mobile ta' Daphne Caruana Galizia minħabba li kienet ġurnalista.
Huwa spjega li kienu konxji li l-apparat kien fih mhux biss informazzjoni personali, iżda wkoll snin ta' komunikazzjoni ma' sorsi kunfidenzjali li kienu kkuntattjawha fil-ħidma ġurnalistika tagħha.
"L-istorja, iva. Is-sorsi, le," qal Bajada, filwaqt li enfasizza li l-għan tal-investigazzjoni qatt ma kien li jiġu identifikati jew żvelati s-sorsi tal-ġurnalista.
Huwa qal li t-tim forensiku pprova jħares il-kunfidenzjalità ġurnalistika filwaqt li jidentifika kwalunkwe linja ta' investigazzjoni li setgħet toħroġ mix-xogħol ippubblikat minn Caruana Galizia.
Bajada spjega li, wara li analizzaw il-kontenut tal-mobile, l-esperti indikaw lill-maġistrat inkwerenti persuni li, tal-anqas teoretikament, seta' kellhom motiv marbut mar-rapporti u l-investigazzjonijiet tal-ġurnalista.
Huwa żied li wara li l-mobile ġie kklonat u d-data disponibbli ġiet estratta, il-materjal intbagħat għand Europol għal analiżi indipendenti.
Skont Bajada, ir-rapport ta' Europol kien fil-biċċa l-kbira tiegħu jikkoinċidi mal-konklużjonijiet tal-esperti Maltin. Filwaqt li l-investigaturi Ewropej identifikaw seba' individwi ta' interess, it-tim Malti kien ħejja lista usa' ta' persuni li setgħu jkunu relevanti għall-investigazzjoni.
Dr Martin Bajada qal lill-ġurati li l-investigazzjoni ħadet żvolta ġdida fl-2020 wara li bdew jidhru sensiela ta' tnixxijiet ta' informazzjoni fil-media.
Huwa spjega li parti minn din l-informazzjoni kienet ġejja minn data estratta minn mowbajls, filwaqt li dettalji oħra spiċċaw ippubblikati f'rapporti tal-aħbarijiet.
Skont Bajada, dawn it-tnixxijiet wasslu biex infetħet inkjesta separata, magħrufa bħala "DaphneLeaks", li qal li għadha għaddejja f'dik li hija parti mill-investigazzjoni.
L-espert irrakkonta wkoll li, wara rapporti fil-media li allegaw li l-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien, Lawrence Cutajar, seta' ltaqa' ma' Edgar "Il-Ġojja" Brincat, il-maġistrat inkwerenti ordna lill-esperti jeżaminaw il-vetturi użati minn Cutajar.
L-għan kien li jiġi stabbilit jekk il-vetturi kienx fihom data tal-GPS li setgħet tikkonferma l-movimenti tagħhom.
Madankollu, Bajada qal lill-Qorti li l-ebda waħda mill-vetturi ma kien fiha biżżejjed data ta' lokalizzazzjoni biex l-investigaturi jkunu jistgħu jirrikostruwixxu l-vjaġġi li saru.
Dr Martin Bajada kompla jippreżenta rapport ieħor lill-ġurati, li jiddokumenta l-ħidma tal-esperti jum b'jum waqt l-analiżi tal-kontenut tal-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.
Huwa spjega li x-xogħol tqassam bejn erba' esperti, b'kull wieħed jingħata qasam differenti tal-investigazzjoni.
Espert wieħed kien inkarigat mill-analiżi tal-emails, ieħor mid-data ta' WhatsApp, filwaqt li l-bqija tal-kontenut tqassam fost il-membri l-oħra tat-tim.
Bajada qal lill-Qorti li l-esperti kienu qed jaħdmu kontra l-ħin, hekk kif il-perjodi li fihom il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jżommu d-data kienu qed jiskadu, u kien importanti li l-informazzjoni tinġabar qabel tintilef.
Huwa żied li inizjalment it-tim kien magħmul minn sitt esperti, filwaqt li l-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia kien se jinħatar biex jissorvelja l-ħidma tagħhom.
Madankollu, Bajada qal li aktar tard kemm Valenzia kif ukoll espert ieħor irtiraw mill-inkjesta għal raġunijiet personali.
Dr Martin Bajada qal lill-ġurati li l-mobile ta' Daphne Caruana Galizia nstab biss wara li l-vettura meqruda tneħħiet mix-xena tar-reat.
Huwa spjega li, ladarba nstab it-telefon, l-investigaturi indunaw li s-SIM card kienet tant bil-ħsara li ma setgħetx titneħħa jew tiġi analizzata direttament.
Minflok, ittieħdet id-deċiżjoni li jsir kopja tal-apparat, proċess li, skont Bajada, ħa ċertu żmien biex jitlesta.
L-espert qal li kważi d-data kollha setgħet tiġi rkuprata, bl-eċċezzjoni ta' parti mid-data ta' WhatsApp, li kienet għadha ma saritx backup tagħha u kienet maħżuna fuq l-SD card tat-telefon.
Bajada spjega li din l-SD card kienet ġarrbet ħsara tant estensiva li ma setgħetx tiġi rkuprata.
Huwa żied li aktar tard intbagħtet għand il-Netherlands Forensic Institute (NFI), fejn l-esperti ppruvaw jistabbilizzaw il-kundizzjoni tagħha u jsalvaw kemm jista' jkun mill-informazzjoni li kien għad fadal.
L-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada kompla bix-xhieda tiegħu billi spjega fid-dettall kif saret l-investigazzjoni teknika fuq id-data tat-telekomunikazzjoni.
Huwa qal li normalment l-investigaturi jistgħu jiksbu sa 12-il xahar ta' rekords tat-telefonati u sitt xhur ta' data tal-internet. Madankollu, fil-każ tal-mobile ta' Daphne Caruana Galizia, id-data teknika relatata mal-anteni kienet tmur lura biss xahar, minħabba l-volum kbir ta' informazzjoni li jiġi ġġenerat u l-fatt li l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni ma jżommuhiex għal perjodi itwal.
Bajada spjega wkoll li t-telefowns użati mis-suspettati kienu burner phones bażiċi, li setgħu biss jagħmlu telefonati u jibagħtu SMS. Skont hu, dawn it-tip ta' apparati ħafna drabi jintużaw minn persuni li jkunu jridu jnaqqsu t-traċċi diġitali tagħhom, peress li jiġġeneraw ħafna inqas informazzjoni minn smartphones.
Huwa żied li l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jżommu rekords tat-telefonati u tal-SMS mibgħuta, iżda mhux il-kontenut tal-messaġġi, li jista' jinkiseb biss jekk ikun disponibbli l-apparat innifsu.
B'referenza għal dak li sejjaħ il-messaġġ tal-bomba, Bajada spjega li SMS l-ewwel jgħaddi mill-antenna li sservi lit-telefon li jkun se jirċevih.
L-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada beda jgħaddi lill-ġurati mir-rapporti li ħejja matul l-inkjesta maġisterjali dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Huwa qal li nħatar bħala espert fis-17 ta' Ottubru 2017, l-għada tal-assassinju, u baqa' involut fl-investigazzjoni tul il-kors kollu tal-inkjesta.
Bajada spjega li, hekk kif kien mistenni li tinġabar ammont kbir ta' evidenza diġitali, twaqqaf tim ta' erba' speċjalisti biex janalizzaw il-materjal.
Huwa qal li ngħata uffiċċju ġewwa l-binja tal-Qrati, mgħammar bil-hardware u s-software meħtieġa biex isiru l-analiżijiet forensiċi.
Skont Bajada, sat-tielet jum tal-inkjesta t-tim tiegħu kien diġà beda jaħdem id f'id mal-FBI.
Huwa spjega li l-FBI wettaq analiżijiet tekniċi relatati mal-anteni tat-telefown ċellulari, filwaqt li t-tim tiegħu kkollabora mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f'Malta biex jinġabru d-data meħtieġa għall-investigazzjoni.
Bajada enfasizza li kull talba għal data kienet tiġi awtorizzata mill-maġistrat inkwerenti, filwaqt li l-analiżi tal-informazzjoni kienet issir b'kollaborazzjoni mal-investigaturi tal-FBI mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Il-proċeduri reġgħu bdew wara waqfa qasira
Ix-xhud li jmiss huwa Dr Martin Bajada, espert tal-Qorti, li mistenni jixhed dwar il-ħidma tiegħu bħala parti mill-investigazzjoni fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-proċeduri ġew sospiżi għal pawża qasira sal-11.00am.
Nerġgħu nkunu magħkom hekk kif is-seduta tkompli b'aktar xhieda u aġġornamenti diretti mill-Awla 22.
Fennern compares burner phone data with the data taken from Alfred Degiorgio’s personal mobile phone.
“The phones, for want of a better term, were burner phones used to carry out this bombing,” he tells the court.
He shifts to Alfred Degiorgio’s personal phone.
Fennern says the location data from 15 October placed Alfred Degiorgio’s phone in the same area as the burner phones, being around St Paul’s Bay.
On 16 October, the phone was active between 2:04am and 4:46am before dropping off the network. The phone does not reconnect until after 3pm, when it again resurfaces in the St Paul’s Bay area.
Shortly after reconnecting, the phone receives a text message from George Degiorgio.
Fennern notes to the court that the activity on Alfred Degiorgio’s phone is consistent with the movement and network data which was already examined.
Richard Fenner kompla jgħaddi lill-Qorti minn paġni estensivi tar-rapport tiegħu, li jinkludi dettalji dwar sejħiet, il-ħinijiet tagħhom, it-tul tagħhom, il-konnessjonijiet mat-torrijiet taċ-ċellulari u l-postijiet minn fejn it-tliet burner phones kienu qed jikkonnettjaw man-network.
Meta wasal għall-parti tar-rapport dwar il-lokalizzazzjoni tal-apparati, Fenner spjega li n-network tat-telekomunikazzjoni jirreġistra b'mod regolari l-pożizzjoni ta' kull telefon billi jidentifika ma' liema cell sector ikun konness.
Ir-rapport jinkludi numru kbir ta' mapep tal-kopertura tan-network, analiżi tat-torrijiet taċ-ċellulari, sector overlays u azimuth calculations, li ntużaw biex jiġu stabbiliti l-movimenti tat-telefowns matul l-investigazzjoni.
Fenner spjega li l-azimuth calculations huma kalkoli li jintużaw biex tiġi ddeterminata d-direzzjoni preċiża ta' oġġett minn punt ta' osservazzjoni, u kienu fost l-għodod użati biex jiġu analizzati l-movimenti tat-telefowns suspettati.
L-espert tal-FBI Richard Fenner ippreżenta l-konklużjonijiet tal-analiżi tiegħu dwar id-data taċ-ċellulari.
Huwa qal li kien konvint li seta' jidentifika ż-żewġ numri tat-telefon li ntużaw biex tiġi attivata l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Fenner żied li identifika wkoll tliet numri oħra li, skont l-analiżi tiegħu, kienu suspettati li kienu marbuta mar-reat.
L-espert spjega li dawn it-tliet telefowns dehru jiċċaqilqu flimkien lejn l-istess żoni, mudell ta' moviment li, skont hu, kien sinifikanti għall-investigazzjoni.
Richard Fenner kompla jispjega kif analizza l-konnessjonijiet ma' cell tower li jinsab qrib il-post tal-qtil bejn it-2.58pm u t-3.16pm, il-perjodu li fih seħħ l-attakk.
Huwa qal li matul dawk it-18-il minuta identifika 53 numru tat-telefon differenti li kienu konnessi ma' dak it-torri.
Fenner spjega li sal-23 ta' Ottubru 2017, in-numri kollha baqgħu attivi ħlief wieħed, li kien waqaf jintuża. Dan ġibed l-attenzjoni tal-investigaturi.
Meta analizza dak in-numru aktar fid-dettall, sab li kien ġie attivat fuq in-network tliet darbiet biss: darba f'Jannar, darba f'Awwissu u t-tielet darba proprju fil-jum tal-qtil f'Ottubru.
Skont l-espert tal-FBI, dan kien fattur li qajjem suspett qawwi matul l-investigazzjoni.
L-ewwel xhud tal-ġurnata huwa Richard Fenner, espert tal-FBI fl-analiżi tad-data taċ-ċellulari, li ġie Malta biex jixhed fil-ġuri.
Fenner beda jispjega x-xogħol li wettaq bħala parti mill-investigazzjoni. Huwa qal li l-ewwel pass kien li jiltaqa' mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f'Malta biex jifhem kif hija mibnija n-network ċellulari u kif huma mqassma t-torrijiet taċ-ċellulari madwar il-pajjiż.
Ix-xhud spjega wkoll li kull cell tower għandu numru uniku ta' identifikazzjoni u jipprovdi kopertura ta' 360 grad, fatt li huwa kruċjali biex jiġu analizzati l-movimenti ta' mobiles matul investigazzjoni.
Merħba għall-għaxar jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Aħna qegħdin fl-Awla 22 u se nkunu qed insegwu l-proċeduri mill-qrib matul il-ġurnata.
Segwuna għal aġġornamenti diretti hekk kif jixhdu aktar xhieda quddiem il-ġurija.