Raġel miċħud il-ħelsien mill-arrest wara li allegatament hedded lil martu u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 53 sena nżamm arrestat wara li ċaħad akkużi li hedded lil martu, kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Qorti u naqas milli josserva l-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu

Ir-Ragel tressaq il-Qorti b’rabta ma’ allegat inċident li seħħ għall-ħabta tas-2:30am tal-Ħamis fir-residenza tal-koppja f’Bormla.

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-pulizija ssejħet fuq il-post wara rapport li sar mill-mara, li talbet assistenza urġenti wara argument ma’ żewġha.

Skont il-prosekuzzjoni, l-akkużat allegatament ipprova jibda jkollu x’jaqsam sesswalment magħha iżda waqaf minnufih meta hija rrifjutat. Il-mara mbagħad ippruvat titlaq mid-dar, iżda allegatament huwa żammha milli tagħmel dan u ħadilha l-mobile. Eventwalment irnexxielha tieħu lura t-telefown u ċċempel lill-pulizija.

Il-Qorti semgħet li fil-ħin tal-allegat inċident kienet diġà fis-seħħ ordni ta’ protezzjoni favur il-mara, maħruġa fl-2021. Meta waslu l-pulizija fuq il-post sabu lill-akkużat fil-pussess ta’ sett ċwievet, li huwa għaddielhom mingħajr reżistenza.

Hu ġie akkużat li kkaġuna lill-mara tibża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li heddidha u insultaha, li kiser l-ordni ta’ protezzjoni u li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu taħt digriet preċedenti ta’ ħelsien mill-arrest.

Fit-talba għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża argumentat li l-kwerelanta kienet daħħlet lill-akkużat fid-dar tagħha minn jeddha minkejja li kienet fis-seħħ l-ordni ta’ protezzjoni, u sostniet li għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni valida biex jiġi miċħud il-ħelsien mill-arrest.

Intqal ukoll li hu bħalissa jinsab bla xogħol minħabba ġrieħi li sofra.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li enfasizzat l-allegat ksur tal-ordni ta’ protezzjoni u tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jibqa’ miżmum taħt arrest sakemm ikomplu l-proċeduri.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina.

L-avukati Marion Camilleri, Fleur Abela u Franco Debono dehru għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija