"Partijiet mill-kranju nstabu fil-karrozza" – It-tabib forensiku jiddeskrivi l-qawwa devastanti tal-isplużjoni
Il-Qorti semgħet kif il-bomba splodiet taħt is-seat tax-xufier, filwaqt li komplew jinstemgħu xhieda dwar l-evidenza forensika, it-tfittxijiet u l-investigazzjoni wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
minn Jaelle Borg
Il-qawwa tal-isplużjoni li qatlet lil Daphne Caruana Galizia kienet tant kbira li partijiet mill-kranju tagħha nstabu fil-karrozza, xehed illum it-tabib tal-mediċina forensika Mario Scerri quddiem il-ġurija fil-ġuri ta' Yorgen Fenech.
Scerri, li wettaq l-eżami forensiku tal-ġisem bħala parti mill-inkjesta maġisterjali, qal li meta wasal fuq il-post sab vettura kompletament meqruda, bis-saqaf minfuħ 'il fuq, il-ħġieġ kollu mkisser u l-bibien tan-naħa tal-lemin imbuttati 'l barra bil-forza tal-isplużjoni.
Huwa spjega li partijiet mill-ġisem tal-vittma kienu għadhom fil-vettura, filwaqt li oħrajn instabu mifruxa madwar ix-xena tar-reat. Il-katavru tneħħa b'attenzjoni u tqiegħed f'body bag qabel ittieħed fil-kamra mortwarja għall-awtopsja.
It-tabib qal li l-identità ta' Daphne Caruana Galizia ġiet ikkonfermata permezz ta' test tad-DNA wara li tqabblu kampjuni meħuda mingħand binha, Paul Caruana Galizia.
Matul ix-xhieda tiegħu, Scerri ta deskrizzjoni dettaljata tal-ġrieħi li nstabu waqt l-awtopsja u spjega li l-aktar ħsara estensiva kienet fil-parti t'isfel tal-ġisem minħabba li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tax-xufier.
Huwa rrimarka li dan il-każ kien differenti minn investigazzjonijiet oħra ta' karozzi bomba li kien involut fihom, fejn l-isplussiv normalment kien jitqiegħed fuq barra jew taħt il-vettura. F'dan il-każ, qal, il-ħsara kienet konsistenti mal-fatt li l-bomba kienet tinsab ġewwa l-karozza.
Il-konklużjoni tiegħu kienet li l-isplużjoni seħħet fil-livell tal-pala tas-saqajn tal-vittma, filwaqt li l-kawża tal-mewt kienet taħlita ta' blast injuries u hypovolemic shock, jiġifieri telf massiv ta' demm.
Aktar kmieni fis-seduta, il-Qorti kompliet tisma' x-xhieda ta' diversi uffiċjali tal-forensika.
Daniel Debattista spjega kif l-investigaturi użaw ballistic trajectory rods biex jidentifikaw il-punt minn fejn oriġinat l-isplużjoni. Skont l-analiżi tagħhom, il-vireg iltaqgħu taħt is-seat tax-xufier, u dan ikkonferma li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tas-sewwieq.
Is-Surġent Clinton Vella qal li l-investigaturi krew Peugeot 108 identika għal dik ta' Daphne Caruana Galizia sabiex iqabbluha mal-fdalijiet tal-vettura u jidentifikaw kwalunkwe komponent barrani li seta' kien jagħmel parti mill-bomba.
Huwa żied li l-mobile ta' Daphne Caruana Galizia nstab qrib waħda mir-roti tal-karozza u ntbagħat għand il-Netherlands Forensic Institute għall-preservazzjoni u l-analiżi tiegħu qabel reġa' ntbagħat Malta flimkien mar-rapport tal-esperti.
Il-Qorti semgħet ukoll dwar sensiela ta' tfittxijiet forensiċi li saru f'Diċembru 2017.
Uffiċjali tas-Scene of Crime Officers (SOCO) xehdu dwar tfittxijiet f'garaxx f'Ħaż-Żebbuġ, appartament f'San Pawl il-Baħar u farmhouse fil-Mosta, fejn ġew elevati diversi oġġetti, fosthom pistola, mowbajls, walkie-talkies, apparat GPS, karti tal-bank u tagħmir elettroniku ieħor.
Fil-kontro-eżami, l-avukata Gianella De Marco ffukat fuq il-postijiet fejn instabu armi tan-nar u fuq il-persuni li kienu preżenti waqt dawn it-tfittxijiet.
Aktar tard xehed Emmanuel Saliba, eks Surġent tas-CID taħt Keith Arnaud, li spjega kif l-investigaturi ġabru u analizzaw filmati tas-CCTV minn diversi lokalitajiet, fosthom il-Port il-Kbir, biex jibnu kronoloġija tal-movimenti ta' dgħajsa li kienet ta' interess għall-investigazzjoni.
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-kuntistabbli Charles Azzopardi Refalo, wieħed mill-ewwel pulizija li waslu fuq il-post tal-isplużjoni. Huwa rrakkonta kif Matthew Caruana Galizia qallu li ommu kienet fil-karozza u qal li, "bħala sinjal ta' rispett", baxxa rasu qabel lemaħ il-konsegwenzi tal-isplużjoni.
Warajh xehed Frederick Sammut, illum Chief Rescue Officer fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li qal li meta wasal il-karozza kienet għadha taqbad u mill-ewwel induna li ma kien fadal xejn li seta' jsir biex tiġi salvata l-vittma.
Il-Maġġur Matthew Sant u żewġ għaddasa tal-Forzi Armati, Mario Chant u Ivan Falzon, iddeskrivew ukoll operazzjoni ta' tfittxija taħt il-baħar fiż-żona tal-Marsa li damet madwar ġimgħa. Huma qalu li fl-ewwel jum biss ġew irkuprati sitt mowbajls – wieħed Samsung u ħamsa Nokia – li mbagħad ġew mgħoddija lit-tim tal-forensika għal aktar analiżi.
L-aħħar xhud tal-ġurnata kien Dr Daniel Vella, speċjalista fil-kimika, li spjega kif ġew analizzati r-residwi tal-isplussiv miġbura mix-xena tal-qtil. Huwa qal li kampjuni nġabru fis-17 u t-18 ta' Ottubru 2017, b'uħud jiġu analizzati f'Malta u oħrajn jintbagħtu għand il-Netherlands Forensic Institute.
Il-ġuri jkompli għada quddiem il-ġurija b'aktar xhieda relatata mal-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

U b'dan jagħlaq id-disa' jum tal-ġuri
Wara ġurnata oħra mimlija xhieda forensika u teknika, il-proċeduri tal-lum ġew fi tmiemhom.
Illum il-Qorti semgħet fost l-oħrajn lit-tabib tal-mediċina forensika, esperti tal-forensika, u għaddasa tal-Forzi Armati, li kollha taw xhieda dwar il-ġbir tal-evidenza u l-ewwel interventi wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-ġuri jkompli għada filgħodu, u bħas-soltu aħna nkunu qed insegwu kull żvilupp u nwasslulkom l-aġġornamenti kollha direttament mill-Awla 22.
L-aħħar xhud tas-seduta tal-lum kien Dr Daniel Vella, speċjalista fil-kimika, li kien inħatar biex janalizza r-residwi tal-isplussiv użat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Huwa spjega lill-Qorti li wara kull splużjoni normalment jibqgħu traċċi żgħar mill-materjal splussiv li ma jisplodix, u li dawn jistgħu jiġu analizzati mill-esperti.
Dr Vella qal li mar fuq il-post tal-isplużjoni fis-17 u t-18 ta' Ottubru 2017, fejn inġabru diversi kampjuni għall-analiżi.
Skont ix-xhud, parti mill-kampjuni ġew analizzati f'Malta, filwaqt li oħrajn ittieħdu mill-esperti tal-Netherlands Forensic Institute għal aktar eżamijiet.
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta' Ivan Falzon, għaddas ieħor tal-Forzi Armati ta' Malta.
Falzon ikkonferma li s-sitt mowbajls irkuprati waqt it-tfittxija taħt il-baħar ġew mgħoddija lit-tim tal-forensika sabiex jiġu eżaminati bħala parti mill-investigazzjoni.
Il-proċeduri komplew bix-xhieda ta' Mario Chant, għaddas tal-Forzi Armati ta' Malta u t-tielet membru tat-tim tal-għaddasa li tela' jixhed illum.
Ix-xhud kompla jispjega kif saret l-operazzjoni ta' tfittxija fil-qiegħ tal-baħar fiż-żona tal-Marsa, li damet għaddejja għal madwar ġimgħa.
Huwa qal li fl-ewwel jum tat-tfittxija ġew irkuprati sitt mowbajls – wieħed tat-tip Samsung u ħamsa tat-tip Nokia – li mbagħad ġew mgħoddija lill-investigaturi bħala parti mill-evidenza.
Il-Qorti tieħu pawża qasira
Il-proċeduri reġgħu ġew sospiżi għal pawża ta' madwar 30 minuta.
Nerġgħu nkunu magħkom b'aktar aġġornamenti hekk kif is-seduta tkompli mill-Awla 22.
Il-Maġġur Matthew Sant qal lill-Qorti li matul l-operazzjoni ta' tfittxija taħt il-baħar fiż-żona tal-Marsa nstabu sitt mowbajls, li mbagħad ġew mgħoddija lit-tim tal-forensika għal aktar eżamijiet.
Fil-kontro-eżami, l-avukata Gianella De Marco staqsiet lix-xhud jekk jiftakarx lil liema uffiċjali tal-forensika għadda l-mowbajls. Sant wieġeb li ma jiftakarx l-ismijiet tagħhom.
Huwa żied li l-operazzjoni ta' tfittxija damet għaddejja għal madwar ġimgħa.
Il-Qorti mbagħad semgħet ix-xhieda tal-Maġġur Matthew Sant, li fl-2017 kien l-uffiċjal kmandant tal-Bomb Disposal Unit tal-Forzi Armati ta' Malta.
Sant spjega li t-taqsima tal-Explosive Ordnance Disposal (EOD) hija l-unika unità f'Malta responsabbli minn investigazzjonijiet relatati ma' splużjonijiet kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.
Huwa qal li f'Diċembru 2017 it-tim tiegħu ġie infurmat li kienet se ssir operazzjoni ta' tfittxija taħt il-baħar fiż-żona tat-tinda tal-patata fil-Marsa, u ġie mwissi li seta' kien hemm apparat splussiv improvviżat (IEDs).
Wara li l-Pulizija u l-Forzi Armati temmew ir-rejd fuq il-post, it-tim tal-EOD beda t-tfittxija taħt il-baħar.
Sant spjega li l-għaddasa nqasmu f'żewġ timijiet ta' tnejn u li l-operazzjoni kienet partikolarment diffiċli minħabba l-viżibbiltà limitata. Huwa qal li t-tfittxija saret b'mod metikoluż, fejn l-għaddasa kellhom jiskennjaw il-qiegħ tal-baħar pied b'pied fit-tfittxija ta' kwalunkwe evidenza.
Il-Qorti mbagħad semgħet ix-xhieda ta' Frederick Sammut, illum Chief Rescue Officer fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li fl-2017 kien Station Officer fl-istazzjon tax-Xemxija.
Sammut irrakkonta li meta wasal fuq il-post sab il-vettura għadha taqbad bin-nar.
Huwa qal li mill-ewwel induna li kien hemm ġisem fil-karozza u li, f'dak il-mument, kien jidher ċar li ma seta' jsir xejn biex tiġi salvata l-persuna.
Ix-xhud żied li ftit wara waslet fire engine u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili bdew l-operazzjoni biex jitfu n-nar.
Fit-tmiem tax-xhieda tiegħu, it-tabib tal-mediċina forensika Mario Scerri qal li l-konklużjonijiet tiegħu kienu li l-isplużjoni seħħet fil-livell tal-pali tas-saqajn tal-vittma.
Huwa spjega wkoll li l-kawża tal-mewt kienet taħlita ta' ġrieħi kkawżati mill-isplużjoni (blast injuries) u hypovolemic shock, jiġifieri telf massiv ta' demm li wassal għall-mewt.
It-tabib tal-mediċina forensika Mario Scerri kompla bix-xhieda tiegħu, fejn spjega li l-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-vettura u ċ-ċwievet ukoll instabu f'distanza mill-karozza minħabba l-qawwa tal-isplużjoni.
Huwa qal ukoll li partijiet minn tessuti umani nstabu mifruxa fit-triq, filwaqt li l-katavru ttieħed fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei għal aktar eżamijiet forensiċi.
Ix-xhud kompla jagħti deskrizzjoni dettaljata tal-ġrieħi li nstabu waqt l-eżami forensiku, u qal li l-aktar ħsara estensiva kienet fil-parti t'isfel tal-ġisem, minħabba li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tax-xufier.
It-tabib forensiku Mario Scerri qal lill-ġurati li l-identità tal-vittma ġiet ikkonfermata permezz ta' paragun tad-DNA.
Huwa spjega li dan sar billi tqabbel kampjun tad-DNA meħud minn wieħed minn ulied Daphne Caruana Galizia, Paul, ma' kampjuni meħuda mill-ġisem tal-vittma, u b'hekk ġiet ikkonfermata formalment l-identità tagħha.
It-tabib tal-mediċina forensika Mario Scerri qal lill-Qorti li kien inħatar biex iwettaq l-eżami forensiku fuq il-ġisem ta' Daphne Caruana Galizia bħala parti mill-inkjesta maġisterjali.
Huwa spjega li mar darbtejn fuq il-post tar-reat minħabba li matul l-investigazzjoni nbidel il-maġistrat inkwerenti, bil-Maġistrat Anthony Vella jieħu f'idejh l-inkjesta mingħand il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.
Scerri qal li, malli wasal fuq il-post, osserva vettura bi ħsarat estensivi u maħruqa. Qal li s-saqaf kien intefaħ 'il fuq tant li l-karozza dehret "qisha ballun."
Huwa żied li l-ħġieġ kollu kien imkisser u l-bibien tan-naħa tal-lemin kienu nfethu 'l barra bil-forza tal-isplużjoni.
Ix-xhud spjega wkoll li fil-vettura kien għad hemm partijiet mill-ġisem tal-vittma li kienu maħruqa. Il-katavru tneħħa b'attenzjoni mill-karozza u tqiegħed f'body bag, filwaqt li partijiet oħra tal-ġisem instabu mifruxa f'distanza mill-vettura minħabba l-qawwa tal-isplużjoni.
Il-proċeduri reġgħu bdew bix-xhieda ta' Mario Scerri, tabib speċjalizzat fil-mediċina forensika.
Scerri mistenni jixhed dwar ir-rwol tiegħu fl-investigazzjoni wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, b'mod partikolari l-eżamijiet forensiċi li saru bħala parti mill-inkjesta.
Lura f’Awla 22
Erġajna lura fl-Awla 22 wara l-waqfa ta' nofsinhar.
Il-proċeduri għadhom ma bdewx, iżda mistennija jerġgħu jibdew fi ftit minuti. Hekk kif terġa' tibda s-seduta, inwasslulkom l-aġġornamenti kollha minnufih.
Il-Qorti tieqaf sat-3.00pm
B'dan tintemm is-seduta ta' filgħodu tad-disa' jum tal-ġuri.
Il-proċeduri se jerġgħu jibdew fit-3.00pm, meta mistennija jkomplu jixhdu aktar uffiċjali u esperti involuti fl-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Aħna nerġgħu nkunu magħkom aktar tard waranofsinhar b'aġġornamenti diretti mill-Awla 22.
Il-Qorti mbagħad semgħet ix-xhieda ta' Emmanuel Saliba, li fl-2017 kien Surġent tas-CID taħt il-kmand ta' Keith Arnaud.
Saliba qal li wara l-qtil beda l-proċess biex tinġabar kull evidenza possibbli miż-żona tal-Bidnija, fosthom filmati tas-CCTV u materjal ieħor li seta' jgħin fl-investigazzjoni.
Huwa spjega li l-investigaturi ffukaw ukoll fuq iż-żona tal-Port il-Kbir, fejn analizzaw filmati tal-akkwati biex isegwu l-movimenti ta' dgħajsa li kienet ta' interess għall-każ.
Skont ix-xhud, minn din l-analiżi nħadmet timeline li turi li d-dgħajsa ħarġet mill-Port il-Kbir filgħodu u, aktar tard wara nofsinhar, reġgħet daħlet lejn iż-żona tat-tinda tal-patata.
Il-Qorti mbagħad semgħet ix-xhieda ta' Patrick Farrugia, li qal li fl-1 ta' Diċembru 2017 kien inkarigat iwettaq tfittxija f'appartament f'San Pawl il-Baħar bħala parti mill-investigazzjoni.
Farrugia ppreżenta r-rapport tiegħu lill-Qorti, li jiddokumenta l-oġġetti kollha li ġew elevati mill-appartament waqt it-tfittxija.
Il-Qorti kompliet tisma' x-xhieda ta' Jesmond Cassar, Jonathan Attard u Gloria Alamango, li kienu nħatru bħala esperti tal-ballistika.
Ix-xhieda spjegaw li kienu ġew inkarigati jeżaminaw pistola u diversi skrataċ li kienu ġew elevati matul l-investigazzjoni.
Huma kkonfermaw, fost affarijiet oħra, il-mudell u n-numru tas-serje tal-pistola, kif ukoll li din kienet f'kundizzjoni li setgħet tintuża biex tispara.
Ma ngħatawx aktar dettalji dwar ir-riżultati tal-eżamijiet tagħhom
L-uffiċjal tal-forensika Clinton Vella reġa' ġie msejjaħ biex jixhed quddiem il-Qorti.
Huwa qal li fil-15 ta' Jannar 2019 irċieva numru ta' eżibiti mill-Qorti, fosthom żewġ trombi, sabiex fuqhom isiru testijiet ġodda għall-marki tas-swaba'.
Vella spjega li filwaqt li fuq ix-xena tar-reat normalment jintuża trab speċjali biex jiġu żviluppati l-impronti, jeżistu wkoll metodi oħra bbażati fuq sustanzi kimiċi li jistgħu jsiru f'ambjent aktar ikkontrollat.
Huwa żied li minkejja dawn it-testijiet addizzjonali, ma ġiet żviluppata l-ebda marka tas-swaba' fuq l-oġġetti eżaminati.
Wara pawża ta' madwar nofs siegħa, il-proċeduri reġgħu bdew bix-xhieda tal-uffiċjal tal-forensika Daniel Formosa.
Formosa qal lill-Qorti li kien involut f'tfittxijiet li saru f'Ħaż-Żebbuġ, fejn ippreżenta r-rapport forensiku tiegħu flimkien ma' ritratti tal-oġġetti li ġew elevati waqt l-operazzjoni.
Huwa spjega li waqt it-tfittxija kien preżenti wkoll ċertu Sandro Cilia.
Skont ix-xhud, mit-tfittxija fil-post ma nstab xejn li kien ta' interess għall-investigazzjoni. Żied li saret ukoll tfittxija fil-vettura ta' Cilia, iżda lanqas minn hemm ma ġiet elevata evidenza ta' rilevanza għall-każ.
L-uffiċjali tas-SOCO Arthur Borg u Antoine Fenech komplew bix-xhieda tagħhom, u qalu li fil-5 u s-6 ta' Diċembru 2017 wettqu tfittxijiet f'sit fil-Mosta fil-preżenza ta' Jamie Vella, li dak iż-żmien kien taħt kustodja tal-Pulizija.
Huma spjegaw li s-sit kien jintuża biex jinħażnu skips u trakkijiet taż-żibel, u kien jinkludi wkoll garaxx u binja abbandunata.
Skont ix-xhieda tagħhom, minn dan il-post ġew elevati aktar minn 300 eżibit bħala parti mill-investigazzjoni.
L-uffiċjali tas-Scene of Crime Officers (SOCO) Arthur Borg u Antoine Fenech qalu lill-ġurati li fl-4 ta' Diċembru 2017 inħatru biex iwettqu tfittxija forensika f'garaxx f'Ħaż-Żebbuġ.
Huma spjegaw li l-inkarigu tagħhom kien li jfittxu apparat elettroniku u tagħmir ieħor li seta' jkun ta' rilevanza għall-investigazzjoni.
Matul ix-xhieda, il-ġurati ntwerew aktar minn 200 ritratt li jiddokumentaw it-tfittxija.
Fost l-oġġetti elevati kien hemm karti tal-Visa, biljett tal-Air Malta bl-isem ta' Adrian Agius, kif ukoll binokli li minnhom ittieħed kampjun tad-DNA.
L-uffiċjali xehdu wkoll dwar tfittxija oħra li saret f'appartament f'San Pawl il-Baħar fil-preżenza ta' Alfred Degiorgio, li dak iż-żmien kien taħt kustodja tal-Pulizija.
Minn dak l-appartament ġew elevati diversi oġġetti, fosthom tagħmir ta' komunikazzjoni u apparat GPS użat fuq il-baħar.
L-uffiċjali tas-SOCO Darren Debattista u Michelle Camilleri bdew jixhdu dwar tfittxijiet li saru bħala parti mill-investigazzjoni tal-qtil.
Huma qalu li fl-4 ta' Diċembru 2017, għall-ħabta tat-3.00am, marru fil-potato shed, fejn elevaw marki tas-swaba' u ġabru diversi mobiles.
Il-Qorti semgħet ukoll li membri tal-Forzi Armati għamlu tfittxijiet taħt l-ilma fl-istess żona u sabu aktar mobiles.
L-uffiċjali eżaminaw ukoll BMW li kienet ipparkjata qrib il-Marsa Regatta Club u għamlu tfittxija fuq cabin cruiser jisimha Maya. Fuq id-dgħajsa nstabu SIM cards u ponot tas-sigaretti.
B'kollox, mill-potato shed fil-Marsa nġabru 39 eżibit.
Is-Surġent Clinton Vella qal lill-ġurati li l-mobile ta' Daphne Caruana Galizia nstab qrib waħda mir-roti tal-vettura meqruda wara l-isplużjoni.
Huwa spjega li l-apparat intbagħat għand il-Netherlands Forensic Institute (NFI) sabiex l-esperti jkunu jistgħu jippreservaw u janalizzaw il-komponenti tiegħu.
Skont Vella, il-mobile ntbagħat lura Malta fix-xahar ta' wara flimkien mar-rapport forensiku li ġie ppreparat mill-esperti Olandiżi.
Is-Surġent tal-Pulizija Clinton Vella spjega lill-ġurati li, bħala parti mill-investigazzjoni, il-Pulizija kriet Peugeot 108 identika għal dik li kienet qed issuq Daphne Caruana Galizia.
Huwa qal li l-għan kien li l-esperti jkunu jistgħu jqabblu l-vettura intatta mal-fdalijiet tal-karozza sploduta u jidentifikaw kwalunkwe oġġett jew komponent li ma kienx jagħmel parti mill-vettura oriġinali.
"Pereżempju, jekk insibu wajer blu ta' ċertu daqs u ħxuna fil-karozza sploduta iżda ma jkunx jeżisti fil-vettura li krejna, dak jiġi kklassifikat bħala oġġett barrani u possibbilment parti mill-apparat splussiv," spjega Vella lill-ġurati.
L-uffiċjal tal-forensika Daniel Debattista spjega lill-ġurati kif l-investigaturi użaw ballistic trajectory rods biex jistabbilixxu minn fejn oriġinat l-isplużjoni.
Huwa qal li dawn il-vireg iddaħħlu mit-toqob fil-fdalijiet tal-vettura sabiex jiġi traċċat id-direzzjoni tal-forza tal-isplużjoni. Il-punt fejn il-vireg iltaqgħu indika s-sors tal-blast.
"Il-vireg iltaqgħu taħt is-seat tax-xufier," qal Debattista, filwaqt li spjega li dan ikkonferma li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tas-sewwieq.
Ix-xhud żied li l-handbrake instab imtellgħa, u qal li dan jissuġġerixxi li nqala' 'l fuq bil-forza tal-isplużjoni. Huwa rrimarka wkoll li t-toqba fil-parti ta' taħt tal-vettura kienet infetħet 'il barra, fatt ieħor li, skont l-analiżi forensika, jindika li l-bomba kienet tinsab ġewwa l-karozza.
Il-Qorti mbagħad semgħet ix-xhieda ta' Darren Debattista, uffiċjal tal-forensika, li qal li fil-jiem ta' wara l-qtil kien inkarigat mill-eżami tal-vettura Peugeot ta' Daphne Caruana Galizia wara li din ittieħdet f'kumpless tal-Pulizija.
Huwa spjega li x-xogħol sar flimkien ma' diversi esperti oħra, fosthom membri tal-Explosive Ordnance Disposal (EOD)tal-Forzi Armati ta' Malta. Matul l-eżami ttieħdu ritratti dettaljati tal-vettura u nġabru diversi kampjuni permezz ta' swabbing biex jiġu analizzati għal traċċi ta' sustanzi kimiċi.
Matul ix-xhieda, il-ġurati ntwerew ir-ritratti meħuda waqt dan il-proċess.
L-ewwel xhud tas-seduta tal-lum kien Arthur Borg, uffiċjal tal-forensika, li qal lill-Qorti li l-għada tal-qtil kien inkarigat mill-eżibiti miġbura mix-xena tar-reat.
Huwa spjega li dwar dawn il-provi kienu infurmati wkoll l-esperti Olandiżi li kienu qed jassistu fl-investigazzjoni. Ix-xhieda tiegħu, iżda, ġiet sospiża temporanjament peress li aktar tard se jkun qed jixhed dwar dokumenti relatati mal-każ.
Warajh xehed Patrick Grech, li fis-17 ta' Ottubru 2017 kien inħatar bħala accident officer. Grech qal li r-rwol tiegħu kien li jiżgura t-traċċabilità tal-eżibiti tul l-investigazzjoni, inkluż waqt it-trasferiment tagħhom bejn l-esperti Maltin u dawk barranin.
L-għodwa t-tajba!
Merħba għad-disa' jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Wara ġurnata li rat lill-ġurati jiġu ppreżentati b'evidenza forensika estensiva u jinstemgħu diversi xhieda dwar ix-xena tal-qtil, il-proċeduri mistennija jerġgħu jibdew dalgħodu fl-Awla 22.
Jiena se nkunu qed insegwi kull żvilupp mill-Qorti u nwasslilkom l-aġġornamenti kollha..
Ibqgħu segwuna.