In-nirien inxterdu kmieni nhar l-Erbgħa fil-garaxx tal-appartament, b’riżultat li l-blokka ġiet evakwata.
Meta waslu fuq il-post, il-pulizija sabu lill-imputat, Jesmond Portelli. Skont ix-xhieda tal-pulizija, huwa deher qed jidħaq.
Meta staqsewh x’kien ġara, Portelli qalilhom li kien qed jipparkja l-vann tiegħu meta, f’daqqa waħda, ħa n-nar. Hu imbagħad ħareġ jiġri ’l barra mill-garaxx.
Dak il-ħin ma sar l-ebda arrest.
Madankollu, hekk kif il-pulizija bdew jieħdu stqarrijiet mingħand ir-residenti, is-suspett waqa’ fuqu.
Waħda mill-ġirien qalet li kienet fis-sodda meta l-kelb tagħha beda jinbaħ. Hija qalet li għarfet leħen Portelli u semgħetu jgħid: “L-aħħar darba li tfejt d-dawl tal-komun. Illum naħraq kollox.”
Il-prosekuzzjoni sostniet li din ma kinitx l-ewwel darba li għamel theddid simili.
Diversi residenti qalu li Portelli kien ilu jgħid li se “jaħraq kollox” u li kien tlewwem magħhom bosta drabi.
Wara li semgħet lil dawn ix-xhieda, il-pulizija arrestat lil Portelli.
Il-qorti semgħet ukoll li n-nar allegatament beda mill-vettura ta’ Portelli stess, li nqerdet fin-nirien. Intqal li l-vettura la kienet taħt polza ta’ assigurazzjoni u lanqas kellha liċenzja.
In-nirien ikkawżaw ħsarat estensivi fil-garaxxijiet u fil-partijiet komuni tal-blokka residenzjali, li fiha jgħixu madwar 35 familja, b’aktar minn 120 resident.
Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, Portelli wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża argumentat li l-verżjoni tal-prosekuzzjoni “ma tagħmilx sens”, u staqsiet għaliex Portelli kellu jagħżel li jagħti n-nar lill-vettura tiegħu stess.
Sostniet ukoll li “hemm xi ħaġa li mhix qed tinkwadra”.
Il-prosekuzzjoni, min-naħa tagħha, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest. Hija qalet li l-fedina penali tal-imputat hija waħda mtappna sew u fakkret li l-aħħar kundanna tiegħu kienet biss tliet xhur ilu.
F’dik il-kawża, Portelli kien ammetta li ħarab lill-pulizija u saq b’veloċità ta’ madwar 140 kilometru fis-siegħa, waqt li kellu sitt darbiet iżjed mil-limitu legali tal-alkoħol f’ġismu.
Huwa kien ġie mmultat €6,500 u skwalifikat mis-sewqan għal sena.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li jeżisti riskju reali ta’ intralċ tal-provi, partikolarment minħabba li aktar minn xhud wieħed sostna li għarfu bħala l-persuna li allegatament tat in-nar minn leħnu.
Id-difiża qalet li, jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, Portelli kien se jmur joqgħod ma’ missieru fil-Gudja.
Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tal-akkużi u r-riskju ta’ intralċ tax-xhieda. Hija ordnat ukoll lill-prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda tagħha kemm jista’ jkun malajr.
Dwar il-każ se tinfetaħ ukoll inkjesta maġisterjali.
L-Avukat Roberto Montalto deher għall-imputat, filwaqt li l-Avukat Joseph Camilleri Azarov u l-Ispettur Charlon Borg mexxew il-prosekuzzjoni.