Raġel ta' 29 sena ġie kkundannat għal seba' snin u tliet xhur ħabs wara li ammetta li kellu fil-pussess tiegħu madwar 9 kilos kannabis f'ċirkostanzi li, skont il-prosekuzzjoni, kienu jindikaw li d-droga kienet maħsuba għat-traffikar.
Josef Majri nstab ħati wkoll li saq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr assigurazzjoni.
Il-każ imur lura għal Ottubru tal-2019, meta l-Iskwadra tad-Droga kienet qed tinvestiga allegat traffikar ta' kannabis. Wara informazzjoni li waslet għand il-pulizija, Majri tqiegħed taħt sorveljanza hekk kif kien suspettat li kien involut fil-bejgħ tad-droga.
L-investigaturi segwewh waqt li kien qed isuq Toyota Vitz lejn ix-Xgħajra. Huma osservawh jidħol f'kumpless ta' garaxxijiet u joħroġ ftit tal-ħin wara.
Meta twaqqfet il-vettura, il-pulizija sabu żewġ pakketti kbar b'sustanza suspettata li kienet kannabis fuq in-naħa tal-passiġġier. Instabu wkoll flus kontanti, mowbajl u ċavetta.
Majri qal lill-pulizija li ċ-ċavetta kienet ta' garaxx fl-istess kumpless. Wara tfittxija fil-garaxx, instabu tliet pakketti oħra ppreparati bl-istess mod.
B'kollox, il-pulizija elevaw 3 kilos kannabis mill-karozza u 6 kilos oħra mill-garaxx, għal total ta' 9 kilos.
L-analiżi forensika kkonfermat li s-sustanza kienet kannabis, b'valur fit-triq stmat għal madwar €171,000.
Il-Qorti semgħet ukoll li l-vettura kienet irreġistrata f'isem il-ħabiba tiegħu u li Majri ma kellux liċenzja tas-sewqan meta seħħew il-fatti.
L-Avukat Ġenerali u d-difiża ressqu ftehim dwar il-piena, fejn intalab li, jekk Majri jammetti l-akkużi, jingħata piena ta' seba' snin u tliet xhur ħabs u multa ta' €18,000.
F'seduta li saret fl-10 ta' Ġunju 2026, Majri ammetta l-akkużi kollha. Il-Qorti tatu ħin biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu qabel ikkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset li għalkemm l-ammissjoni saret wara l-ħruġ tal-att ta' akkuża, xorta kienet saret qabel beda l-ġuri quddiem il-ġurati. Qieset ukoll il-kwantità sostanzjali tad-droga involuta u l-ġurisprudenza f'każijiet simili.
Minbarra s-sentenza ta' priġunerija u l-multa, Majri ġie ordnat iħallas €3,390.77 fi spejjeż tal-Qorti u tal-esperti.
Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-oġġetti kollha użati fit-twettiq tar-reati favur il-Gvern ta' Malta u skwalifikatu milli jżomm jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar.
Majri kien reċentement ġie kkundannat ukoll għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li hedded prosekutur mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li kien jinsab barra bil-libertà proviżorja.