Ħames uffiċjali tal-Pulizija meħlusa minn akkużi marbuta ma' importazzjoni ta' karozzi mill-Ġappun

Il-Qorti kkonkludiet li l-uffiċjali kienu qed isegwu proċedura amministrattiva mhux miktuba miftiehma bejn il-Pulizija u Transport Malta, u mhux b'intenzjoni kriminali

Ħames uffiċjali tal-Pulizija li kienu jagħmlu parti mill-Iskwadra tal-Vetturi Misruqa (Stolen Vehicle Squad – SVS) ġew illiberati mill-akkużi kriminali kollha marbuta ma' allegati irregolaritajiet fil-proċess ta' importazzjoni ta' karozzi użati mill-Ġappun.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Kevan Azzopardi kkonkluda li l-uffiċjali kienu qed japplikaw sistema amministrattiva difettuża u mhux dokumentata li kienet ilha tintuża bejn il-Pulizija u Transport Malta.

L-uffiċjali Christopher Long, Raymond Bonnici, David Debattista, Martin John Mifsud u George Farrugia kienu akkużati li ffirmaw dokumenti uffiċjali ta' spezzjoni tal-vetturi (VEH005) qabel il-vetturi kienu waslu Malta. Konsegwentement kienu qed jiffaċċjaw akkużi ta' falsifikazzjoni ta' dokumenti, dikjarazzjonijiet foloz u nuqqas fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

L-investigazzjoni bdiet fl-2022 wara li Transport Malta sabet irregolaritajiet fil-qari tal-kilometraġġ ta' mijiet ta' vetturi importati mill-Ġappun. L-awtorità qabblet id-data tagħha ma' dik tas-sistema Ġappuniża JEVIC u sabet 476 vetturab'kilometraġġ allegatament imbagħbas.

Matul l-investigazzjoni ma nstabet l-ebda prova li torbot lill-uffiċjali mal-manipulazzjoni tal-kilometraġġ. Madankollu, l-investigaturi ffukaw fuq il-fatt li l-formoli VEH005 kienu qed jiġu ffirmati qabel il-vetturi kienu formalment irreġistrati bħala waslu Malta.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Arthur Azzopardi, argumentat li d-data ta' "wasla" li kienet tidher fid-dokumenti ta' Transport Malta ma kinitx tirrifletti d-data reali meta l-vettura daħlet Malta, iżda kienet tiddaħħal awtomatikament meta titħallas it-taxxa tar-reġistrazzjoni.

Xhieda oħra, fosthom eks uffiċjali ta' Transport Malta, ikkonfermaw li ċertifikati tat-test tal-vetturi u dokumenti tad-Dwana kienu juru li l-karozzi kienu diġà jinsabu Malta ġimgħat qabel id-data indikata fis-sistema.

Il-Qorti semgħet ukoll li l-uffiċjali tal-SVS kienu jaħdmu taħt pressjoni konsiderevoli, b'mijiet ta' vetturi li kellhom jiġu pproċessati fi żmien qasir, filwaqt li ma kien jeżisti l-ebda Standard Operating Procedure (SOP) jew linji gwida bil-miktub dwar il-proċess.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Azzopardi qal li l-formola VEH005 kienet dokument wieħed li fih kienu nġabru diversi stadji amministrattivi mingħajr salvagwardji adegwati.

Huwa kkonkluda li l-ewwel firma u timbru fuq il-formola kienu jsiru skont proċedura miftiehma bejn il-Pulizija u Transport Malta, u li ma kien hemm la intenzjoni kriminali u lanqas għarfien li kien qed jitwettaq xi reat.

Minħabba f'din il-konklużjoni, waqgħet ukoll l-akkuża li l-uffiċjali naqsu milli jipprevjenu reat, u l-ħames uffiċjali ġew illiberati mill-akkużi kollha miġjuba kontrihom.

More in Qrati u Pulizija