Il-ġurati jaraw ritratti mill-awtopsja ta' Daphne Caruana Galizia hekk kif tkompli x-xhieda forensika fil-ġuri ta' Yorgen Fenech

Filwaqt li xhud ddeskriva l-aħħar sekondi qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, il-ġurija semgħet ukoll xhieda minn esperti forensiċi u residenti li nnutaw vetturi suspettużi fil-ġimgħat ta' qabel l-attentat

18:32

Wara ġurnata twila ta' xhieda u evidenza forensika, il-proċeduri tal-lum intemmu. Nerġgħu nkunu magħkom għada fid-9.00am hekk kif ikompli l-ġuri ta' Yorgen Fenech mill-Awla 22. Grazzi talli segwejtu dawn l-aġġornamenti!

Jaelle Borg
18:29

Il-proċeduri reġgħu komplew bil-preżentazzjoni ta' aktar ritratti forensiċi relatati mal-vettura ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurati ntwerew ritratti tal-intern tal-karozza u tal-ħsarat estensivi kkawżati mill-isplużjoni, kif ukoll ritratti li juru l-proċess tat-tneħħija tal-vettura mix-xena tar-reat.

F'wieħed mir-ritratti, il-karozza tidher tittella' b'krejn, filwaqt li jidher ukoll toqba fil-parti ta' taħt tagħha.

Ritratt ieħor juri l-veġetazzjoni maħruqa taħt il-vettura. Skont ix-xhud, kien proprju f'dik iż-żona, qrib ir-rota ta' wara tal-karozza, li nstab il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

Jaelle Borg
18:21

Wara l-preżentazzjoni tar-ritratti forensiċi, is-seduta għaddiet għall-parti aktar formali tal-evidenza.

L-Ispettur Kevin Manicolo beda jaqra n-numri ta' referenza li bihom kull ritratt u kull oġġett elevat mix-xena ġew ikkatalogati, issiġillati u dokumentati bħala parti mill-investigazzjoni.

 

Jaelle Borg
18:07

Il-Qorti kompliet turi lill-ġurati sensiela oħra ta' ritratti forensiċi, fosthom immaġnijiet tal-ġisem wara li tqiegħed fil-body bag u ritratti meħuda waqt l-awtopsja.

Ir-ritratti juru d-diversi partijiet tal-ġisem kif ġew dokumentati matul l-eżami forensiku. L-immaġnijiet kienu ta' natura estremament grafika u diffiċli biex wieħed iħares lejhom.

Minkejja dan, il-ġurati ma wrew l-ebda reazzjoni viżibbli waqt li kienu qed jiġu ppreżentati dawn ir-ritratti fil-Qorti.

Jaelle Borg
17:28

Twissija: L-aġġornament li ġej fih deskrizzjonijiet u riferimenti grafiċi relatati max-xena tal-qtil.

Matul ix-xhieda tal-Ispettur Kevin Manicolo, il-ġurati ntwerew aktar ritratti ta' natura ferm grafika meħuda waqt l-investigazzjoni fuq ix-xena tal-qtil.

Fosthom kien hemm ritratt li juri kif il-ġisem ta' Daphne Caruana Galizia tneħħa mill-vettura u tqiegħed fuq lożor abjad, flimkien mal-parti tas-sieq li nstabet barra l-karozza.

Intwera wkoll ritratt ieħor li juri l-ġisem wara li tqiegħed f'body bag bħala parti mill-proċeduri forensiċi.

 

Jaelle Borg
16:19

Twissija: L-aġġornament li ġej fih deskrizzjonijiet grafiċi relatati max-xena tal-qtil.

L-Ispettur tas-SOCO Kevin Manicolo kompla bix-xhieda tiegħu billi ta deskrizzjoni dettaljata tal-ġrieħi li sofriet Daphne Caruana Galizia kawża tal-isplużjoni.

Huwa qal lill-ġurija li naħa waħda tal-ġisem kienet sofriet ħruq estensiv. Spjega wkoll li r-ras u l-parti ta' fuq tal-ġisem instabu bejn is-seat tal-passiġġier u l-bieba ta' dik in-naħa tal-vettura, filwaqt li l-parti t'isfel tal-ġisem instabet bejn is-seat tax-xufier u l-isteering wheel.

Manicolo żied li s-sieq tax-xellug kienet nieqsa, filwaqt li s-sieq tal-lemin kienet għadha fil-vettura, għalkemm parti mis-sieq ma kinitx instabet.

 

Jaelle Borg
15:59

Il-ġurati komplew jaraw ritratti ta' diversi oġġetti elevati waqt l-investigazzjoni fuq il-post.

Fosthom kien hemm ritratt ta' barbed wire ma' ħajt tas-sejjieħ li fuqu kien hemm biċċa drapp, li dehret li kienet inqabdet minn xi lbies. Intwerew ukoll ritratti ta'  sigarett, skart uman flimkien ma' tissues, kif ukoll rapport dwar ġebel li nstab mal-art ħdejn il-ħajt tas-sejjieħ.

Aktar tard xehed ukoll l-Ispettur tas-SOCO Kevin Manicolo, li kkonferma l-verżjoni mogħtija aktar kmieni mill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit dwar l-ewwel intervent fuq ix-xena.

Manicolo ddeskriva kif kien organizzat ix-xogħol tat-tim forensiku, u spjega li r-responsabbiltajiet tqassmu bejn il-membri tat-tim, b'uħud jieħdu ħsieb il-fotografija tax-xena, oħrajn id-dokumentazzjoni amministrattiva u oħrajn il-ġbir tal-evidenza.

Jaelle Borg
15:21

Il-Kuntistabbli Clinton Vella spjega li t-tim tas-SOCO ħa kull prekawzjoni meħtieġa biex ix-xena tar-reat tinżamm kemm jista' jkun intatta għall-investigazzjoni.

Huwa qal li l-esperti daħlu fiż-żona biss wara li din ġiet iċċertifikata bħala sigura minn kull riskju ta' splussivi, u li kienu lebsin tagħmir protettiv waqt il-ġbir tal-evidenza.

Matul ix-xhieda, il-ġurati reġgħu ntwerew sensiela ta' ritratti meħuda mix-xena tal-isplużjoni. Xi wħud minnhom juru l-fdalijiet tal-vettura, filwaqt li oħrajn, ta' natura ferm grafika, juru l-effetti tal-isplużjoni fuq il-vittma u partijiet tal-ġisem mifruxa madwar il-post.

Vella spjega wkoll li paramediku għatta l-fdalijiet tal-vittma b'lożor bojod, filwaqt li suldati u uffiċjali tal-Pulizija kienu stazzjonati madwar ix-xena u qrib ir-residenza ta' Daphne Caruana Galizia biex jassiguraw il-post.

Jaelle Borg
15:08

Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet grupp ta' uffiċjali tas-Scene of Crime Officers (SOCO) li ħadmu fuq l-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Fost ix-xhieda kien hemm Ryan Buttigieg (li ma kienx preżenti), Jean Paul Pizzuto, Darren Debattista, Jason Schembri, Sean Micallef, Clinton Vella, Arthur Borg, Kevin Manicolo, Stephanie Cassar u Patrick Grech.

F'isem il-grupp xehed Clinton Vella.

Vella qal li fl-2017 huma kienu nħatru bħala esperti tal-Qorti biex jippreservaw ix-xena tar-reat, jiġbru l-evidenza u jassistu lill-esperti tal-Netherlands Forensic Institute (NFI) matul l-investigazzjoni.

Huwa spjega li r-rapport li ppreżentaw huwa rapport konġunt tal-esperti tas-SOCO u jiddokumenta x-xogħol kollu li sar fuq ix-xena tal-qtil u fiż-żoni tal-madwar.

Meta ġie mistoqsi dwar il-kontenut tar-rapport, Vella qal li dan jinkludi fost l-oħrajn id-dettalji tal-vettura ta' Daphne Caruana Galizia, inkluż l-identifikazzjoni tagħha u deskrizzjoni tal-ħsarat estensivi li ġarrbet fl-isplużjoni.

Huwa żied li l-ewwel kapitli tar-rapport jiddokumentaw il-loġistika tal-operazzjoni u l-passi li ttieħdu mill-esperti waqt il-ġbir u l-preservazzjoni tal-evidenza fuq il-post.

Jaelle Borg
14:41

Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lil Julian Galea, li fl-2017 kien stazzjonat mar-Rapid Intervention Unit (RIU).

Ix-xhud qal li għall-ħabta tat-3.00pm irċieva komunikazzjoni li vettura kienet qed taqbad wara splużjoni kkawżata minn bomba.

Huwa rrakkonta li meta wasal fuq il-post sab membri tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali oħra tal-Pulizija diġà qed jintervjenu.

Galea spjega li r-rwol tiegħu kien li jagħlaq it-triq għall-pubbliku sabiex tinżamm is-sigurtà u tiġi ppreservata x-xena tal-investigazzjoni.

Jaelle Borg
14:38

Lura fl-awla b’aktar aġġornamenti

Jaelle Borg
12:18

Il-proċeduri jieqfu għall-pawża tal-ikel u mistennija jerġgħu jibdew fit-3.00pm. Segwu magħna għal aktar aġġornamenti diretti mill-Awla 22 hekk kif ikompli t-tmien jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
12:16

Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lill-eks Supretendent James Grech, li fl-2017 kien uffiċjal fi ħdan il-Financial Crimes Investigation Department (FCID) u kien qed iservi bħala duty officer dakinhar tal-qtil.

Grech qal li għall-ħabta tat-3.00pm irċieva telefonata mingħand l-Ispettur tad-Distrett tal-Mosta, li infurmah li kienet seħħet splużjoni ta' karozza fil-Bidnija u li l-vittma kienet Daphne Caruana Galizia.

Huwa rrakkonta li meta wasal fuq il-post sab it-triq magħluqa u seta' jara l-vettura f'nofs għalqa. Qal li baqa' fuq ix-xena sakemm waslu uffiċjali oħra u l-maġistrat tal-għassa ta' dak iż-żmien, Consuelo Scerri Herrera.

Aktar tard, Grech qal li ngħata struzzjonijiet biex imur għand Percius Car Hire, minn fejn kienet mikrija l-vettura ta' Daphne Caruana Galizia, sabiex jiġbor iċ-ċavetta tal-karozza.

Huwa spjega li wara li ġabar iċ-ċavetta, għaddiha lill-Ispettur Keith Arnaud bħala parti mill-investigazzjoni.

Jaelle Borg
12:13

Ix-xhud kompla jiddeskrivi l-mumenti drammatiċi li għex hekk kif kien qed isuq minn Bidnija fil-ħin tal-isplużjoni.

Huwa qal li hu u l-vettura ta' Daphne Caruana Galizia kienu jinsabu madwar 25 metru bogħod minn xulxin meta lemaħha tieqaf fi stat ta' paniku.

Ix-xhud irrakkonta li wara l-ewwel splużjoni, semagħha twerżaq.

"Naħseb indunat li kien hemm xi ħaġa ħażina," qal, filwaqt li żied li jemmen li proprju wara dik l-ewwel splużjoni ra partijiet mill-ġisem joħorġu mill-windscreen u "jiġu fid-direzzjoni tiegħi."

Huwa qal li bejn l-ewwel u t-tieni splużjoni għaddew madwar ħames sekondi, u qal li wara t-tieni splużjoni ra l-vettura tittajjar għal ġo għalqa.

Ix-xhud kompla jgħid li ftit wara waqfet karozza oħra, misjuqa minn mara li kienet għadha kif ġabret lil bintha mill-iskola. Għall-ewwel il-mara ħasbet li kien inċident tat-traffiku, iżda hu qalilha biex iċċempel minnufih lill-Pulizija.

Wara li waslu l-ewwel uffiċjali fuq il-post, ix-xhud resaq lejn Matthew Caruana Galizia u staqsieh jekk kienx jaf min kienet il-vittma.

"Qalli li kienet ommu," irrakkonta.

Mistoqsi jekk kienx għaraf lil Daphne Caruana Galizia qabel dak il-mument, ix-xhud wieġeb fin-negattiv, u spjega li ma setax jidentifikaha mill-vettura li kienet qed issuq.

Jaelle Borg
12:02

Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet xhud li kien qed isuq minn Bidnija fil-mument tal-qtil u li ddeskriva dak li ra ftit sekondi qabel l-isplużjoni.

Huwa qal lill-ġurija li għall-ħabta tat-3.00pm tas-16 ta' Ottubru 2017 kien qed isuq waħdu lejn Bidnija. Wara li qasam il-pont u beda nieżel fit-triq, lemaħ vettura ġejja fid-direzzjoni opposta.

Ix-xhud irrakkonta li dak li laqtu kien l-imġiba tax-xufiera.

"Dehret fi stat ta' paniku tant li waqfet bil-karozza. Waqaft jien ukoll u bqajt inħares lejha għax bdejt naħseb x'ġralha," qal.

Huwa spjega li għal ftit sekondi baqa' jħares lejn il-vettura, sakemm lemaħ l-ewwel spark, waqt li qal li f'dak il-mument il-mara kienet għadha tidher konxja.

"Għaddew ftit sekondi u smajtha twerżaq," kompla x-xhud, filwaqt li żied li kellu t-tieqa tal-karozza miftuħa u seta' jisma' dak li kien qed jiġri.

Ftit mumenti wara seħħet l-isplużjoni.

Jaelle Borg
11:18

 

Ix-xhud li jmiss kienet Maria Sammut Grech, residenti l-Bidnija, li qalet lill-Qorti li ġiet interrogata mill-Pulizija ftit jiem wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia dwar dak li kienet osservat fil-ġimgħat ta' qabel.

Sammut Grech irrakkontat li kienet rat diversi drabi karozza żgħira bajda tal-kiri pparkjata f'postijiet differenti fit-triq qrib id-dar tagħha.

Hija qalet li l-vettura kienet ġibditilha l-attenzjoni mhux għax rat xi ħaġa partikolari fiha, iżda għax kienet tidher ripetutament f'żona fejn, skont hi, ma kienx ikun hemm ħafna traffiku minħabba li t-triq kienet qed issir fuqha xogħol.

"Meta tibda tara l-istess ħaġa ripetutament, tibda tinnotaha," qalet lix-xhieda.

Ix-xhud żiedet li darba biss rat karozza griża, li fiha kien hemm żewġt irġiel, ipparkjata ftit aktar 'l isfel mit-triq. Qalet li ma setgħetx tiftakar jekk ratx il-vettura griża qabel jew wara l-karozza bajda, iżda kkonfermat li l-ewwel dehret darba biss, filwaqt li l-karozza bajda kienet tidher b'mod regolari.

Dwar il-jum tal-qtil, Sammut Grech qalet li għall-ħabta tad-9.00am ħarġet mid-dar u rat il-karozza bajda pparkjata quddiem ir-residenza tagħha. Meta reġgħet ħarġet għall-ħabta tas-2.30pm, il-vettura kienet għadha fl-istess post, u dik kienet l-aħħar darba li ratha.

Hija żiedet li f'kull darba li osservat il-karozza dakinhar ma rat lil ħadd ġewwa fiha.

Ix-xhud qalet li wara li seħħet l-isplużjoni ma rat xejn ieħor suspettuż. Hija spjegat li kienet sejra l-ajruport ma' bintha meta semgħet bl-aħbar, u li ftit jiem wara l-Pulizija marret tkellimha dwar dak li kienet rat fil-jiem ta' qabel il-qtil.

Jaelle Borg
11:14

Fil-kontro-eżami, Wallace Sammut qal li beda jinnota l-Peugeot ta' lewn fidda ftit ġimgħat qabel il-qtil.

Huwa rrakkonta li l-vettura kienet tkun ipparkjata b'tali mod li kważi timblokka t-triq, iżda qal li ħafna drabi ma kien jara lil ħadd ġewwa fiha.

L-avukat Gianella De Marco mbagħad irreferiet għad-deskrizzjoni li ta aktar kmieni tal-persuna li darba lemaħ fil-karozza bajda, meta qal li kienet tidher "illamtata."

Ix-xhud spjega li dak li ried ifisser kien li r-raġel kien qed iħares dritt 'il quddiem il-ħin kollu.

"Kien qed iħares dritt 'il quddiem. Ma nafx... kulħadd għaref wara" qal Sammut.

B'hekk intemmet ukoll ix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurija.

Jaelle Borg
11:03

Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lil Wallace Sammut, resident tal-Bidnija, li xehed dwar żewġ vetturi li qal li kienu qajmulu suspett fil-jiem ta' qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Sammut qal li l-Pulizija marru jkellmuh fid-dar tiegħu fis-17 ta' Ottubru 2017, l-għada tal-isplużjoni, biex jistaqsuh jekk kienx innota xi ħaġa mhux tas-soltu fiż-żona.

Huwa rrakkonta li kien lemaħ karozza żgħira bajda pparkjata f'post fejn, skont hu, ma kinetx tidher normali li tkun, speċjalment f'nofs il-ġurnata u fix-xemx. Qal ukoll li kien innota Peugeot ta' lewn il-fidda, li wkoll kienet ta' spiss ipparkjata f'post li qajjem is-suspett tiegħu. Dan ġara ġimgħat qabel il-każ.

Ix-xhud spjega li qatt ma ra ż-żewġ vetturi fl-istess ħin. Dwar il-Peugeot qal li lemaħha madwar erba' jew ħames darbiet, filwaqt li l-karozza bajda qal li raha bejn ħames u sitt darbiet.

Mistoqsi jekk qattx ra lil xi ħadd fil-karozza bajda, Sammut wieġeb li darba lemaħ persuna bilqiegħda fis-seat tax-xufier. Huwa stma li r-raġel kellu madwar 40 sena u qal li l-aktar ħaġa li laqtitu kienet li kien "qisu l-illamtat."

Sammut qal ukoll li fis-16 ta' Ottubru 2017, għall-ħabta tat-3.00pm, sema' ħoss qawwi iżda inizjalment ħaseb li kien il-bieb tad-dar li ħabat mar-riħ. Aktar tard, waqt li kien qed isegwi l-aħbarijiet, induna li kien seħħ inċident u meta ħareġ barra ra numru ta' vetturi tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Pulizija fiż-żona.

Huwa żied li aktar kmieni dakinhar, għall-ħabta ta' nofsinhar, meta ħareġ jiġbor il-posta, il-karozza bajda kienet għadha pparkjata fl-istess post iżda xħin ħareġ jara x'ġara ma kinietx hemmek.

Jaelle Borg
10:56

Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lil Reuben Balzan, li fl-2017 kien Surġent tal-Pulizija.

Balzan qal li għall-ħabta tat-3.00pm tas-16 ta' Ottubru 2017, waqt li kien xogħol fl-għassa flimkien ma' spettur, irċieva komunikazzjoni fuq ir-radju dwar vettura taqbad fil-Bidnija.

Huwa spjega li inizjalment ġew infurmati b'karozza taqbad, iżda aktar tard sar magħruf li l-każ kien jinvolvi splużjoni. Malli waslu fuq il-post sabu membri tal-Protezzjoni Ċivili diġà qed jintervjenu.

Ix-xhud qal li resqu lejn il-vettura, ħadu ritratti tax-xena sabiex tiġi ppreservata l-evidenza u wara beda jassisti fl-investigazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-ispettur inkarigat.

Mistoqsi kemm dam fuq il-post, Balzan qal li, sa fejn jiftakar, baqa' hemm madwar siegħa u nofs, għalkemm ma setax jiftakar il-ħin eżatt.

Jaelle Borg
10:47

Ix-xhud li jmiss kienet is-Surġent Suzanne Mifsud, li dakinhar tal-qtil kienet xogħol fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta.

Hija rrakkontat li għall-ħabta tat-3.10pm irċeviet telefonata mingħand kollega tagħha li infurmaha b'karozza taqbad f'Bidnija. Ftit wara ttieħdet fuq il-post minn xufier tal-Pulizija u waslet għall-ħabta tat-3.20pm.

Mifsud qalet li hekk kif waslet ħdejn iċ-ċinta tas-sigurtà, rat il-vettura taqbad f'għalqa fuq in-naħa tax-xellug tat-triq. Hija nnutat li s-saqaf tal-karozza kien inqala' 'l fuq, u minnufih issuspettat li l-isplużjoni kienet ikkawżata minn bomba. Madwar il-vettura kien hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Hekk kif kompliet timxi matul it-triq, qalet li rat partijiet mill-ġisem tal-vittma mifruxa fuq il-post.

Ix-xhud spjegat ukoll li tkellmet ma' wieħed mix-xhieda li kien għaddej minn Bidnija bil-vettura tiegħu fil-ħin tal-isplużjoni. Skont dak li qalilha, huwa kien għaddej biex jaqdi xi qadi meta lemaħ il-karozza taqbad. F'dak il-mument, Matthew Caruana Galizia ħareġ jiġri mid-dar u, fl-istat ta' xokk li kien fih, kissirlu l-mobile.

Mifsud żiedet li l-għada tal-qtil kienet inkarigata torganizza punti ta' għassa fissi tal-Pulizija kemm ħdejn ir-residenza tal-familja Caruana Galizia kif ukoll fiż-żona fejn seħħet l-isplużjoni.

 

Jaelle Borg
10:38

Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lill-Kuntistabbli Mario Farrugia, li fl-2017 kien stazzjonat mar-Rapid Intervention Unit tal-Korp tal-Pulizija.

Ix-xhud irrakkonta li għall-ħabta tat-3.00pm irċevew rapport dwar vettura taqbad f'għalqa fil-Bidnija u marru immedjatament fuq il-post.

Meta waslu, sabu membri tal-Protezzjoni Ċivili diġà qed jitfu n-nirien. Farrugia qal li seta' jara l-fdalijiet tal-vettura fin-nofs tat-triq, iżda ma setax jersaq viċin aktar minħabba s-sitwazzjoni fuq il-post.

Huwa żied li ftit aktar 'il fuq fit-triq lemaħ żewġ persuni jargumentaw bejniethom, iżda qal li s-sitwazzjoni kkalmat fi ftit ħin.

Farrugia rrakkonta wkoll li, qabel ma ġiet stabbilita l-parametru tas-sigurtà madwar ix-xena, pickup truck għadda mit-triq. Huwa waqqaf il-vettura u għamel tfittxija fiha, iżda s-sewwieq spjega li kien sejjer lejn għalqa tiegħu fil-viċinanzi. Skont ix-xhud, ma nstab xejn illegali jew suspettuż fil-vettura.

Jaelle Borg
10:32

Fil-kontro-eżami, l-avukat Gianella De Marco ffukat fuq l-analiżi li saret tad-data estratta mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

L-espert ikkonferma li ma kienx hu li għamel il-klonazzjoni tal-mobile, iżda li kien ingħata d-data li kienet diġà ġiet estratta, inkluż il-kontenut mis-cloud. Mistoqsi jekk qattx intalab janalizza d-data bil-Malti, wieġeb fin-negattiv.

De Marco mbagħad daret fuq is-seba' xenarji investigattivi li, skont ir-rapport, Caruana Galizia kienet qed taħdem fuqhom meta nqatlet. Hija semmiet diversi każijiet, fosthom il-Panama Papers, l-allegati kickbacks marbuta mal-iskema tal-passaporti u allegati skandli oħra.

L-espert, iżda, insista li r-rwol tiegħu ma kienx li jidentifika persuni bħala possibbli mandanti tal-qtil.

"Ma identifikajt jew semmejt lil ħadd bħala instigatur possibbli abbażi ta' dawk ix-xenarji," qal lill-Qorti.

L-avukat tad-difiża rrimarkat ukoll li l-eks ministru Chris Cardona jissemma fir-rapport b'rabta mal-iskema tal-passaporti u mal-allegat "brothel scandal", u l-espert ikkonferma dan.

Meta mistoqsi jekk Yorgen Fenech kienx jissemma f'xi wieħed mix-xenarji analizzati, ix-xhud wieġeb: "Le."

B'hekk intemmet ukoll ix-xhieda tiegħu.

Jaelle Borg
10:18

Van der Meer qal lill-Qorti li, mill-analiżi tal-kuntatti u l-komunikazzjonijiet li nstabu fuq il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia, irriżulta li fil-mument tal-qtil tagħha kienet qed taħdem fuq seba' xenarji investigattivi differenti.

Huwa spjega li l-analiżi kienet estensiva minħabba l-ammont kbir ta' informazzjoni li kien hemm fuq l-apparat.

"Kienet ġurnalista attiva ħafna," qal ix-xhud.

Van der Meer enfasizza, madankollu, li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi forensika tad-data u mhux biex jidentifika jew jindika suspettati fil-każ.

Huwa żied li r-rapport finali tiegħu tlesta fit-22 ta' Mejju 2018.

Jaelle Borg
10:14

Jixhed ukoll l-espert Olandiż Van der Meer, li spjega li fl-1 ta' Marzu 2018 inħatar mill-maġistrat inkwirenti biex janalizza d-data estratta mill-mobile u mis-SIM card ta' Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li eżamina kemm id-data maħżuna fuq il-hard drive tal-apparat kif ukoll dik maħżuna fis-cloud. Skont ix-xhud, fost il-materjal irkuprat kien hemm emails, filmati, dokumenti u komunikazzjonijiet permezz ta' WhatsApp.

Jaelle Borg
09:53

Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda tal-espert tal-IT Martin Bajada, li qed jippreżenta rapport dwar l-estrazzjoni tad-data mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport, iżda, ġie ppreżentat b'partijiet minnu mħassra (redacted), sabiex tiġi protetta l-identità tas-sorsi ġurnalistiċi ta' Caruana Galizia.

 

 

Jaelle Borg
09:52

L-avukat tal-Avukat Ġenerali, Godwin Cini, talab lill-esperti jgħaddu pass pass mir-rapporti forensiċi li ħejjew dwar ix-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija. Dawn kienu jinkludu analiżi tal-evidenza relatata ma' apparat elettroniku kif ukoll mal-fdalijiet umani elevati mill-post.

F'ħin minnhom, l-Imħallef staqsiet dwar il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia. Wieħed mill-esperti spjega li l-apparat ġie analizzat fil-laboratorji tagħhom qabel ma ntbagħat lura lill-Korp tal-Pulizija ta' Malta.

Id-difiża ma għamlitx kontro-eżami lit-tliet esperti, u b'hekk intemmet ix-xhieda tagħhom quddiem il-ġurija.

Jaelle Borg
09:46

Ix-xhieda tat-tliet esperti mill-Netherlands Forensic Institute s’issa kienet tikkonsisti l-aktar f’konferma tal-firem tagħhom fuq rapporti forensiċi marbuta max-xena tal-isplużjoni f’Bidnija u mar-rikostruzzjoni ta’ dak li nstab fuq il-post.

L-esperti ġew murija wkoll rapport ieħor, imħejji minn kollega tagħhom, li jiffoka fuq l-isplussivi użati fil-karozza bomba.

Jaelle Borg
09:29

Is-seduta tal-lum fetħet bix-xhieda ta' tliet esperti minn Netherlands Forensic Institute (NFI), li qed jixhdu flimkien permezz ta' video call.

L-esperti mistennija jispjegaw ir-rapport forensiku mħejji minn Marcel van Beest, li kien xehed quddiem il-ġurija fis-seduta tal-bieraħ dwar ir-rikostruzzjoni tax-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija.

 

 

Jaelle Borg
09:20

Bonġu

Lura fl-Awla. Mistennijin jibdew l-ewwel xhieda minn hawn u ftit ieħor

 

 

Jaelle Borg

Il-ġurati fil-ġuri ta' Yorgen Fenech illum ġew ippreżentati b'uħud mill-aktar provi forensiċi diffiċli li dehru s'issa, hekk kif fil-Qorti ntwerew ritratti grafiċi tal-ġisem ta' Daphne Caruana Galizia wara l-isplużjoni, inklużi ritratti meħuda waqt l-awtopsja.

Matul il-ġurnata, il-ġurati raw ritratti tal-ġisem wara li tneħħa mill-vettura, tqiegħed fuq liżar abjad u aktar tard ġie ssiġillat f'body bag. Aktar tard intwerew ukoll ritratti meħuda waqt l-awtopsja, li ddokumentaw il-ġrieħi kkawżati mill-isplużjoni.

Minkejja n-natura estremament grafika tar-ritratti, il-ġurati ma wrew l-ebda reazzjoni viżibbli waqt il-preżentazzjoni tal-evidenza.

Qabel dan, l-Ispettur tas-Scene of Crime Officers (SOCO) Kevin Manicolo kien spjega fid-dettall il-ġrieħi li sofriet Caruana Galizia. Huwa qal li naħa waħda tal-ġisem kienet sofriet ħruq estensiv, filwaqt li spjega fejn instabu l-partijiet differenti tal-ġisem ġewwa l-vettura wara l-isplużjoni.

Manicolo kompla jippreżenta ritratti u rapporti relatati max-xena tal-qtil, fosthom stampi tal-intern tal-vettura, tal-ħsarat ikkawżati mill-isplużjoni u tal-proċess tat-tneħħija tal-karozza minn fuq il-post. Fost l-oħrajn, il-ġurati raw ukoll ritratt li juri l-vettura tittella' b'krejn, kif ukoll il-ħaxix maħruq taħtha, fejn instab il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

Aktar kmieni, il-Qorti semgħet xhieda minn grupp ta' uffiċjali tas-SOCO, irrappreżentati mill-Kuntistabbli Clinton Vella.

Vella spjega li t-tim kien inħatar bħala espert tal-Qorti biex jippreserva x-xena tar-reat, jiġbor il-provi u jassisti lill-esperti tal-Netherlands Forensic Institute (NFI). Huwa qal li ż-żona ġiet iddikjarata sigura qabel daħlu jiġbru l-evidenza, filwaqt li l-membri tat-tim kienu lebsin tagħmir protettiv.

Il-ġurati ntwerew ukoll ritratti ta' diversi oġġetti elevati mix-xena, fosthom biċċa drapp maqbuda ma' wire, ponta ta' sigarett, skart uman u fdalijiet tal-karrozza li nġabar bħala parti mill-investigazzjoni.

Waħda mix-xhieda li spikkat matul is-seduta kienet dik ta' raġel li kien qed isuq minn Bidnija fil-mument tal-isplużjoni.

Ix-xhud irrakkonta li lemaħ lil Daphne Caruana Galizia tieqaf bil-vettura tagħha fi stat ta' paniku, semagħha twerżaq wara l-ewwel splużjoni u, ftit sekondi wara, ra l-karozza tittajjar għal ġo għalqa.

Huwa qal ukoll li ra "l-biċċiet tal-ġisem itiru fid-direzzjoni tiegħi", filwaqt li stma li bejn l-ewwel u t-tieni splużjoni għaddew madwar ħames sekondi.

Aktar tard, qal li resaq lejn Matthew Caruana Galizia u staqsieh jekk kienx jaf min kienet il-vittma, fejn dan wieġbu li kienet ommu.

Il-ġurija semgħet ukoll ix-xhieda ta' żewġ residenti ta' Bidnija, Wallace Sammut u Maria Sammut Grech, li qalu li fil-ġimgħat ta' qabel il-qtil kienu nnutaw vetturi suspettużi fiż-żona.

Wallace Sammut qal li kien ra karozza bajda tal-kiri u Peugeot ta' lewn fidda pparkjati diversi drabi qrib il-post fejn seħħ il-qtil. Huwa qal ukoll li darba lemaħ raġel fil-karozza bajda, li ddeskrivieh bħala persuna pulita ħafna u li kienet qed tħares dritt 'il quddiem.

Maria Sammut Grech, min-naħa tagħha, qalet li kienet ilha tinnota karozza bajda pparkjata qrib ir-residenza tagħha diversi drabi fil-ġimgħat ta' qabel il-qtil. Hija qalet li rat il-vettura wkoll filgħodu u wara nofsinhar tas-16 ta' Ottubru 2017, qabel seħħet l-isplużjoni.

Fis-seduta ta' filgħodu xehdu wkoll tliet esperti mill-Netherlands Forensic Institute, li kkonfermaw ir-rapporti forensiċi relatati max-xena tar-reat u mal-analiżi tal-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

Aktar tard xehed l-espert Olandiż Van der Meer, li analizza d-data estratta mill-mobile tal-ġurnalista. Huwa qal li, abbażi tal-komunikazzjonijiet u d-dokumenti eżaminati, Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq seba' xenarji investigattivi differenti meta nqatlet.

Fil-kontro-eżami, l-espert ikkonferma li Yorgen Fenech ma kienx jissemma f'dawk ix-xenarji kif kienu ġew identifikati fir-rapport tiegħu, filwaqt li enfasizza li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi forensika tad-data u mhux biex jindika possibbli suspettati.

Xehdu wkoll diversi uffiċjali tal-Pulizija, fosthom il-Kuntistabbli Mario Farrugia, is-Surġent Suzanne Mifsud, l-eks Surġent Reuben Balzan, Julian Galea u l-eks Supretendent James Grech, li kollha ddeskrivew il-ħidma tagħhom fuq il-post fil-minuti u s-sigħat ta' wara l-isplużjoni.

Il-proċeduri jintemmu għal-lum u l-ġuri jkompli għada filgħodu b'aktar xhieda quddiem il-ġurija.

More in Qrati u Pulizija