Il-ġurati jiffukaw il-mistoqsijiet lejn Arnaud fuq Keith Schembri; jixhdu esperti forensiċi
Mistoqsijiet dwar il-mobile ta' Keith Schembri, l-impjieg ta' Melvin Theuma u l-kuntatti ma' Kastilja kienu fost l-aktar punti li l-ġurati riedu jikkjarifikaw hekk kif Keith Arnaud temm sitt ijiem ta' xhieda fil-ġuri ta' Yorgen Fenech
minn Jaelle Borg
Il-ġurati għażlu li jiffukaw fuq Keith Schembri meta ngħataw l-opportunità jagħmlu mistoqsijiet diretti lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, li llum temm ix-xhieda tiegħu.
Il-mistoqsijiet tagħhom iffukaw fuq diversi aspetti li matul il-ġuri ġew marbuta ma' Schembri, fosthom l-impjieg mogħti lil Melvin Theuma, il-komunikazzjoni bejniethom u l-użu tal-mobile ta' Schembri fil-lejl tal-26 ta' Novembru 2019.
Il-prim ġurat tal-ġurija staqsa jekk Schembri kienx ikkonferma li għen lil Theuma jsib impjieg. Arnaud wieġeb li Schembri kien qal li Theuma kien mar Kastilja qrib il-perjodu elettorali u li kien irreferieh għand persuna oħra, filwaqt li sostna li dak iż-żmien kien komuni li persuni jitolbu favuri.
Mistoqsi għaliex Theuma kien ingħata dak l-impjieg, Arnaud qal li skont ix-xhud ewlieni, Yorgen Fenech kien qallu li kien se jiġi kkuntattjat minn Kastilja dwar xogħol. Ftit wara li temm telefonata ma' Fenech, qal Theuma, irċieva telefonata dwar l-impjieg, minkejja li sostna li ma kellux bżonnu għax kien diġà jmexxi servizz ta' taxis.
Il-ġurati staqsew ukoll dwar il-mobile ta' Keith Schembri. Arnaud qal li Schembri kien sostna li qatta' l-lejl kollu d-dar u ma kienx uża t-telefon tiegħu, iżda żied li l-investigaturi sabu li Adrian Vella kien ikkuntattjah matul dak il-lejl. Huwa fakkar ukoll li fil-ġuri ġie esebit rapport tekniku dwar il-ġeolokalizzazzjoni tal-mobile.
Fost il-mistoqsijiet l-oħra kien hemm dawk dwar il-flus li għaddew minn idejn Melvin Theuma. Arnaud qal li l-investigazzjoni ma sabitx evidenza li Theuma kien żamm xi flus għalih u li hu kien qal lill-investigaturi li spiċċa "minn taħt". Dwar ir-ritratt tiegħu ma' Keith Schembri li nstab fil-kaxxa tal-ġelat, Arnaud spjega li Theuma kien ħallieh hemm għax kien jemmen li Schembri u Yorgen Fenech riedu jeħilsu minnu u ried iħalli warajh dak li kien jaf.
Qabel il-ġurati għamlu l-mistoqsijiet tagħhom, id-difiża temmet il-kontro-eżami tagħha ta' Arnaud.
Fil-bidu tas-seduta, Giannella De Marco kompliet tgħaddi minn diversi punti tal-investigazzjoni, fosthom il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia. Arnaud tenna li Matthew Caruana Galizia kien ta lill-investigaturi l-informazzjoni kollha li kellhom bżonn u ċaħad li l-Pulizija kienet naqset milli tikseb l-evidenza meħtieġa.
Il-kontro-eżami ffoka wkoll fuq Keith Schembri u Melvin Theuma. Arnaud qal li Schembri qatt ma ddikjara li kien jaf lil Theuma, filwaqt li sostna li Kenneth Camilleri dejjem qal lill-investigaturi li kien intbagħat ikellmu għal raġunijiet politiċi u mhux b'rabta mal-qtil.
De Marco staqsiet ukoll dwar il-komunikazzjoni bejn Arnaud u Schembri, b'Arnaud jikkonferma li kien jikkomunika miegħu permezz ta' WhatsApp u li l-messaġġi fuq il-mobile qadim tiegħu ma baqgħux disponibbli wara li biddel l-apparat.
Il-prosekuzzjoni mbagħad għamlet rieżami qasir, fejn Arnaud qal li f'wieħed mir-recordings ta' Melvin Theuma, Yorgen Fenech kien sostna li l-familja ta' Daphne Caruana Galizia ma kinitx għaddiet il-laptop lill-investigaturi iżda kienet ħaditu l-Ġermanja.
Wara li ntemmet ix-xhieda ta' Arnaud, il-Qorti semgħet sensiela ta' xhieda forensiċi.
Is-Supretendent Antoine Cilia ddeskriva x-xena li sab f'Bidnija ftit wara l-isplużjoni. Huwa qal li sab karozza kompletament meqruda, partijiet mill-ġisem tal-vittma mifruxa fuq il-post u ħofra fit-triq ikkawżata mill-isplużjoni. Warajh xehed il-Kuntistabbli Malcolm Cefai, li rrakkonta kif hu u kollega ppruvaw jitfu n-nirien u kif Matthew Caruana Galizia qalilhom: "Ommi qiegħda fil-karozza."
L-espert forensiku Olandiż Van Beest spjega fid-dettall kif ġiet eżaminata x-xena tar-reat. Huwa qal li l-post tqassam f'setturi, kull prova ġiet immarkata, u l-mobile ta' Daphne Caruana Galizia nstab taħt ir-rota tax-xellug tal-vettura qabel intbagħat għall-analiżi fl-Olanda.
Il-ġurati ntwerew ukoll għadd ta' ritratti grafiċi tax-xena tal-qtil, fosthom tal-vettura meqruda u tal-effetti tal-isplużjoni fuq il-vittma. F'ħin minnhom, wieħed mill-qraba ta' Caruana Galizia ħareġ mill-awla hekk kif kienu qed jintwerew dawn l-immaġnijiet.
Van Beest ikkonkluda li, skont l-analiżi forensika tiegħu, il-bomba kienet tqiegħdet ġewwa l-vettura, taħt is-seat tax-xufier.
L-aħħar xhud tal-ġurnata kien l-eks Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi, li xehed permezz ta' video call mill-Olanda. Curmi spjega li, għalkemm ma serviex bħala espert fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia, kien mitlub iqabbel l-isplużjoni ma' każijiet oħra simili. Huwa qal li sab xebh mal-attakk fuq Romeo Bone fil-Msida Circus u ma' splużjoni oħra li kienet immirata lejn Kevin Ellul, magħruf bħala "Double O". Wara nofs siegħa ta' spjegazzjonijiet tekniċi dwar l-isplussivi, intemmet ukoll ix-xhieda tiegħu.
B'hekk ingħalqet l-ewwel ġimgħa tal-ġuri, li kienet iddominata mix-xhieda tal-investigatur ewlieni Keith Arnaud u minn evidenza forensika li kompliet tibni l-istampa tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, bl-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukat Charles Mercieca flimkien ma’ Gianluca Caruana Curran. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.

U hekk tintemm l-ewwel ġimgħa ta' dan il-ġuri. Wara seduta li għalqet aktar kmieni mis-soltu, nerġgħu nkunu magħkom għada filgħodu fid-9am biex inkomplu nwasslulkom l-aħħar żviluppi mill-Awla 22
Matul l-aħħar nofs siegħa, Jeffrey Curmi ta' spjegazzjonijiet estensivi dwar l-isplussivi, il-komponenti tagħhom u l-mod kif jaħdmu minn perspettiva forensika.
Fil-kontro-eżami, id-difiża ffukat prinċipalment fuq il-metodu li uża biex iqabbel l-isplużjoni li qatlet lil Daphne Caruana Galizia ma' splużjonijiet oħra, b'mistoqsijiet ta' natura teknika.
Wara dan, intemmet ix-xhieda ta' Curmi quddiem il-ġurija.
Ix-xhud li jmiss kien l-eks brigadier tal-Forzi Armati ta' Malta, Jeffrey Curmi, espert fl-isplussivi, li xehed permezz ta' video call mill-Olanda, fejn illum iservi bħala ambaxxatur ta' Malta.
Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Curmi qal li kien inħatar bħala espert tal-Qorti f'kull investigazzjoni relatata ma' splużjonijiet mill-2005 'l hawn, bl-eċċezzjoni tal-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Huwa spjega li kien talab biex ma jinħatarx bħala espert f'dik l-investigazzjoni, iżda ma elaborax dwar ir-raġuni.
Minkejja dan, Curmi qal li xorta kellu rwol fl-investigazzjoni, hekk kif ġie mitlub iqabbel l-isplużjoni li qatlet lil Caruana Galizia ma' splużjonijiet oħra sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xebh bejniethom.
Skont ix-xhud, l-analiżi tiegħu wriet xebh ma' żewġ każijiet oħra: l-attakk bil-karozza bomba fuq Romeo Bone fil-Msida Circus aktar kmieni fl-2017, u splużjoni oħra li seħħet fil-Għargħur fl-2018 u li kienet immirata lejn Kevin Ellul, magħruf bħala "Double O".
Huwa qal li, skont il-konklużjonijiet tar-rapport tiegħu, l-apparat splussiv tqiegħed ġewwa l-karozza, taħt is-seat tax-xufier.
Wara din ix-xhieda, il-prosekuzzjoni qalet li ma kellhiex aktar mistoqsijiet. Id-difiża wkoll indikat li ma kellhiex mistoqsijiet għall-espert.
L-espert forensiku qal ukoll li l-mobile ta' Daphne Caruana Galizia nstab taħt ir-rota tax-xellug tal-vettura. Huwa spjega li l-apparat ġie elevat, irreġistrat bħala prova u aktar tard intbagħat fil-laboratorji tal-Netherlands Forensic Institute (NFI)għal analiżi.
Matul ix-xhieda tiegħu, Van Beest kompla juri lill-ġurati sensiela ta' ritratti meħuda minn fuq il-post. Xi wħud juru veduti ġenerali tax-xena, inkluż ir-rotta li segwiet il-vettura wara l-isplużjoni.
Ritratti oħra, ta' natura ferm sensittiva juru l-effetti devastanti tal-isplużjoni fuq il-vittma. F'ħin minnhom, waħda mill-qraba ta' Daphne Caruana Galizia dehret ħierġa mill-awla tibki hekk kif kienu qed jintwerew dawn ir-ritratti.
Fix-xhieda tiegħu, l-espert Olandiż spjega fid-dettall il-metodu forensiku li ntuża biex tiġi analizzata x-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija.
Huwa qal li ż-żona ġiet maqsuma f'diversi setturi biex kull parti tax-xena tkun tista' tiġi eżaminata b'mod sistematiku. Kull oġġett li nstab ġie mmarkat b'numru ta' identifikazzjoni, filwaqt li x-xena kollha ġiet fotografata kemm mil-livell tal-art kif ukoll mill-ajru.
Van Beest żied li kull oġġett elevat mill-post ġie ssiġillat u ttikkettat sabiex tinżamm l-integrità tal-provi matul l-investigazzjoni
Van Beest, fl-2017 kien jaħdem bħala investigatur forensiku speċjalizzat fl-analiżi tax-xeni ta' reati.
Van Beest qal lill-Qorti li kien intalab janalizza x-xena tal-isplużjoni f'Bidnija u jirrikostruixxi dak li kien seħħ abbażi tal-evidenza li nġabret fuq il-post.
Huwa spjega li matul dan il-proċess ħadem mill-qrib mal-Pulizija u mal-Forzi Armati ta' Malta, filwaqt li l-ewwel tagħrif dwar il-każ kien ingħata lilu mill-Ispettur Charlo Casha.
Lura fl-awla b’aktar aġġornamenti. Mistenni jixhed Marcel Van Beest. espert forensiku
Il-Qorti issa waqfet għal pawża għall-ikel.
Il-proċeduri jerġgħu jibdew fis-3.00pm, meta nkomplu nwasslulkom aġġornamenti diretti mill-Awla 22.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet bħala xhud lill-Kuntistabbli Malcolm Cefai, li kien fost l-ewwel uffiċjali li waslu f'Bidnija wara l-isplużjoni.
Cefai rrakkonta li hu u kollega tiegħu ppruvaw jitfu n-nirien fil-vettura b'apparat tat-tifi tan-nar, iżda qal li l-fjammi kienu tant qawwija li ma setgħux jikkontrollawhom.
Huwa qal ukoll li fuq il-post sabu lil Matthew Caruana Galizia, li kien qalilhom: "Ommi qiegħda fil-karozza."
Ix-xhud żied li, waqt li kienu fuq il-post, persuna bdiet tieħu ritratti tax-xena. Skont Cefai, Matthew ħataf il-mobile ta' dik il-persuna u kissru. Huwa ddeskriva lil Matthew bħala persuna f'paniku u "fi stat ħażin ħafna."
Cefai qal li baqa' fuq ix-xena tal-inċident minn madwar it-3.00pm sal-9.00 jew l-10.00pm.
Id-difiża ma għamlitx mistoqsijiet lil dan ix-xhud
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella De Marco daret fuq il-preżenza tal-Pulizija fiż-żona ta' Bidnija qabel il-qtil.
Hija staqsiet lis-Supretendent Antoine Cilia jekk il-Pulizija kinitx tagħmel rondi regolari fl-inħawi.
Cilia wieġeb li l-patrols isiru madwar diversi lokalitajiet u mhumiex limitati għal żona partikolari.
Meta mistoqsi min jieħu d-deċiżjonijiet dwar fejn jintbagħtu l-patrols, ix-xhud spjega li dawn jiġu deċiżi mill-Kummissarju tal-Pulizija, mill-Assistent Kummissarju jew minn uffiċjali ta' grad ogħla minn spettur.
Biex isostni x-xhieda tiegħu, Cilia ppreżenta dokumentazzjoni li, skont hu, turi li fil-jum tal-qtil kienu skedati patrols tal-Pulizija.
B'hekk intemmet ix-xhieda tas-Supretendent Antoine Cilia.
Matul ix-xhieda, il-ġurati ntwerew għadd ta' ritratti meħuda minn uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit li kienu fost l-ewwel li waslu fuq il-post wara s-sejħa ta' emerġenza.
Ir-ritratti, li kienu ta' natura grafika, juru l-qerda li ħalliet warajha l-isplużjoni, inkluż il-fdalijiet tal-vettura maħruqa u partijiet mill-ġisem tal-vittma li nstabu mxerrda fuq il-post.
Fis-seduta, is-Supretendent Antoine Cilia ta deskrizzjoni ta' dak li sab meta wasal fuq il-post tal-isplużjoni f'Bidnija.
Huwa qal li x-xena kienet waħda devastanti, b'partijiet mill-ġisem tal-vittma mifruxa mal-post, il-karozza kompletament meqruda u l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jippruvaw jitfu n-nirien. Żied li fit-triq kien jidher ukoll dak li deher qisa toqba żgħira ikkawżat mill-isplużjoni.
Cilia rrakkonta wkoll li fuq il-post kien hemm Matthew Caruana Galizia, li dak il-ħin kien qed jikkonfronta persuna oħra għax issuspettaha li kienet ħadet ritratt ta' ommu wara l-isplużjoni.
Ix-xhud spjega li ftit wara waslet l-iskwadra tal-bombi, u l-pulizija ċediet il-post biex l-esperti jkunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom. Huwa qal li baqa' fuq ix-xena sakemm waslet il-maġistrat inkwirenti ta' dak iż-żmien, Consuelo Scerri Herrera.
Jibda jixhed is-Supretendent Antoine Cilia
Wara li temm ix-xhieda tiegħu Keith Arnaud, il-Prosekuzzjoni sejħet bħala xhud lis-Supretendent tal-Pulizija Antoine Cilia.
Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Cilia spjega li llum jokkupa l-grad ta' Supretendent, filwaqt li f'Ottubru tal-2017, meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, kien spettur tal-Pulizija.
Mistoqsi dwar l-involviment tiegħu dakinhar tal-qtil, Cilia rrakkonta li fis-16 ta' Ottubru 2017 kien sema' messaġġ fuq ir-radju tas-servizz li kien jirrapporta splużjoni ta' vettura f'Bidnija.
Huwa qal li, inizjalment, l-informazzjoni kienet li persuna kienet rat karozza tisplodi u tieħu n-nar. Ftit minuti wara waslet informazzjoni oħra li kien hemm il-possibbiltà li kien hemm persuna fil-vettura.
"Dak il-ħin tlaqna minnufih lejn il-post," qal Cilia, hekk kif beda jispjega lill-ġurija l-ewwel sigħat tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Titlesta x-xhieda ta’ Keith Arnaud.
Ġurat supplenti kompla bil-mistoqsijiet tiegħu lil Keith Arnaud, li ffukaw fuq il-movimenti u l-mobile ta' Keith Schembri fil-lejl tal-26 ta' Novembru 2019.
Mistoqsi jekk Schembri kienx ġie mistoqsi fejn kien meta l-mobile tiegħu beda jerġa' jintuża għall-ħabta tal-5am, Arnaud wieġeb li iva. Skont ix-xhud, Schembri qal li kien qatta' l-lejl kollu d-dar u sostna li ma kienx uża l-mobile matul il-lejl. Arnaud żied li l-investigazzjoni stabbiliet ukoll li Adrian Vella kien ikkuntattjah matul dak il-lejl.
Il-ġurat staqsa wkoll għaliex it-tfittxija fid-dar ta' Schembri saret minn żewġ uffiċjali biss u għaliex l-uffiċċju tiegħu f'Kastilja ma ġiex imfittex immedjatament.
Arnaud spjega li dak il-lejl kienu qed iseħħu diversi operazzjonijiet fl-istess ħin. Qal li wara sigħat ta' xogħol, hu u l-Ispettur Kurt Zahra ddeċidew li jmorru huma stess jagħmlu t-tfittxija fid-dar ta' Schembri, filwaqt li l-bqija tat-tim mar jistrieħ. Żied li, fil-fatt, l-uffiċċju ta' Schembri f'Kastilja seta' wkoll ġie mfittex dak inhar stess.
Il-ġurat irrefera wkoll għal messaġġi li, skont id-dokumenti esebiti, kienu tħassru permezz tal-funzjoni ta' disappearing messages u staqsa jekk kienx sar tentattiv biex jiġu rkuprati.
Arnaud wieġeb li dan kien jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-esperti maħtura mill-Qorti, u spjega li l-irkupru ta' messaġġi jiddependi mis-software u l-mezzi tekniċi disponibbli.
Mistoqsi jekk il-verżjoni ta' Schembri kinitx taqbel mad-data tal-ġeolokalizzazzjoni tal-mobile tiegħu, Arnaud qal li dwar dan kien ġie ppreżentat rapport minn espert tat-telekomunikazzjoni, li jagħmel parti mill-provi fil-ġuri. Skont dak ir-rapport, l-aħħar lokazzjoni magħrufa tal-mobile kienet fil-Mellieħa.
F'dan il-punt intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima, li fakkret lill-ġurati li meta jixhdu l-esperti jkollhom l-opportunità jagħmlulhom dawn il-mistoqsijiet direttament
Il-mistoqsijiet tal-ġurati komplew b'fokus fuq Melvin Theuma u l-ittra li kienet instabet fil-pussess ta' Yorgen Fenech.
Il-Prim Ġurat taqsiet lil Keith Arnaud jekk l-investigaturi qattx staqsew lil Theuma għaliex Keith Schembri kien allegatament ried jikkalmah.
Arnaud wieġeb li, skont Theuma, ħadd ma kien ipprova jikkalmah. Huwa spjega li Theuma kien qal li Kenneth Camilleri kien qallu li l-allegati eżekuturi tal-qtil kienu se jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Meta dan ma seħħx, qal Arnaud, Theuma rrabja u kkuntattja lil Yorgen Fenech.
Staqsiet wkoll jekk qattx saret analiżi tal-kitba li kienet tidher fuq l-ittra li kienet ingħatat lil Yorgen Fenech permezz tal-avukat Gianluca Caruana Curran.
Arnaud qal li l-Pulizija ma għamlitx dik l-analiżi. Spjega li Adrian Vella kien qal lill-investigaturi li kien ra lil Fenech jikteb xi noti fuq l-ittra. Wara li tressqu akkużi kontra Fenech, il-Pulizija talbet lill-maġistrat inkwirenti jaħtar esperti biex jeżaminaw id-dokument, u r-riżultati tagħhom ġew ippreżentati fl-inkjesta maġisterjali.
Il-mistoqsijiet tal-ġurati komplew jiffokaw fuq ir-relazzjoni bejn Melvin Theuma u Keith Schembri.
Il-prim ġurat tal-ġurija staqsa lil Keith Arnaud jekk Schembri kienx ikkonferma li kien għen lil Theuma jsib impjieg.
Arnaud wieġeb li Schembri kien ikkonferma li Theuma kien mar Kastilja qrib il-perjodu tal-elezzjoni u kien spjega li dak iż-żmien ħafna persuni kienu jitolbu xi favur. Skont Arnaud, Schembri qal ukoll li kien irrefera lil Theuma għand persuna oħra biex jassistu, filwaqt li żied li kien normali li n-nies jitolbuh jieħdu ritratt miegħu.
Il-ġurat kompla jistaqsi jekk Theuma kienx ta spjegazzjoni għaliex kien ingħata dak l-impjieg.
Arnaud qal li, skont Theuma, Yorgen Fenech kien qallu li xi ħadd minn Kastilja kien se jikkuntattjah dwar xogħol. Huwa rrakkonta li ftit wara li temm telefonata ma' Fenech, irċieva telefonata minn Kastilja dwar l-impjieg. Arnaud żied li Theuma kien qal lill-investigaturi li lanqas kellu bżonn xogħol, peress li dak iż-żmien kien diġà jmexxi servizz ta' taxis.
Il-ġurati bdew jagħmlu mistoqsijiet ta' kjarifika lil Keith Arnaud wara li ntemm ir-rieżami tal-prosekuzzjoni.
Il-prim ġurat staqsiet jekk qattx ġie stabbilit kemm flus Melvin Theuma żamm għalih, meta wieħed mill-kundizzjonijiet tal-maħfra presidenzjali kien li jiżvela kemm irċieva, kemm għadda u kemm żamm.
Arnaud wieġeb li l-Pulizija investigat jekk Theuma kienx ibbenefika finanzjarjament, iżda qal li ma rriżultax li żamm jew iggwadanja xi ammont. Skont ix-xhud, Theuma kien qal lill-investigaturi li spiċċa “minn taħt”, għax meta Yorgen Fenech kien imur barra, kien ġieli jagħtih il-flus u ġieli le.
Il-ġurati staqsew ukoll għaliex Theuma kien poġġa ritratt tiegħu ma' Keith Schembri fil-kaxxa tal-ġelat li kienet elevata mill-Pulizija.
Arnaud spjega li Theuma kien daħħal ir-ritratt hemmhekk għax kien iffissa f'moħħu li Keith Schembri u Yorgen Fenech riedu jeħilsu minnu. Skont Arnaud, Theuma kien jemmen li hu biss seta' jikxef lil min kien hemm “fuqu”, u għalhekk żamm ir-ritratt bħala parti mill-materjal li ried iħalli warajh jekk jiġrilu xi ħaġa
Lura fl-awla għal mistoqsijiet tal-ġurati
Jitlesta l-kontro Eżami
Wara jumejn ta' mistoqsijiet mid-difiża, il-kontro-eżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud wasal fi tmiemu.
Qabel il-prosekuzzjoni bdiet ir-rieżami tagħha, l-Imħallef Edwina Grima informat lill-Qorti li diversi ġurati talbu biex, fi tmiem ix-xhieda, jagħmlu mistoqsijiet ta' kjarifika lil Arnaud. Huma talbu wkoll kopji ta' xi dokumenti li ġew esebiti matul il-ġuri.
Matul ir-rieżami, l-avukat tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini staqsa lil Arnaud dwar il-persuna mixlija li allegatament żvelat informazzjoni kunfidenzjali mill-investigazzjoni. L-Imħallef, iżda, ordnat lix-xhud biex ma jsemmix ismijiet peress li dawk il-proċeduri għadhom pendenti. Arnaud limita ruħu jgħid li jaf li persuna waħda tressqet il-Qorti fuq dak il-każ.
Il-prosekuzzjoni staqsiet ukoll lil Arnaud x'kien qal Yorgen Fenech, f'wieħed mir-recordings ta' Melvin Theuma, dwar il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia.
Arnaud qal li, skont Fenech, il-familja ma kinitx għaddiet il-laptop lill-investigaturi iżda kienet ħaditu l-Ġermanja.
Is-seduta mbagħad ġiet sospiża għal waqfa qasira u mistennija terġa' tibda fil-11.00am.
Argument fil-gallarija tal-awla
Il-ġurati ntbagħtu barra mill-awla hekk kif tqajjem punt ta' dritt mid-difiża.
Waqt li kienet għaddejja d-diskussjoni legali, il-proċeduri ġew interrotti għal ftit minuti wara argument fil-gallarija riservata għall-pubbliku u l-ġurnalisti.
L-inċident kien jinvolvi lil Andrew Borg Cardona, magħruf bħala il-Boċċa, li ġie mwaqqaf mill-uffiċjali tas-sigurtà wara li beda juża l-mobile tiegħu.
Skont dak li seħħ fl-awla, Borg Cardona oġġezzjona għall-intervent tas-sigurtà u għolla leħnu, filwaqt li staqsa għaliex il-ġurnalisti setgħu jużaw il-laptops tagħhom waqt li hu ma setax juża l-mobile.
Is-sitwazzjoni ntemmet meta l-uffiċjali tas-sigurtà talbuh joħroġ mill-gallarija, u l-proċeduri setgħu jkomplu.
Il-mistoqsijiet tad-difiża mbagħad iffukaw fuq il-komunikazzjoni li Keith Arnaud kellu ma' Keith Schembri matul l-investigazzjoni.
Giannella De Marco staqsiet lix-xhud dwar il-messaġġi li kien skambja ma' Schembri u jekk dawn kinux għadhom jeżistu.
Arnaud spjega li, meta biddel il-mobile tiegħu, il-messaġġi li kellu fuq dak l-apparat ma baqgħux disponibbli. Huwa qal li l-komunikazzjoni bejniethom kienet issir permezz ta' WhatsApp.
Id-difiża mbagħad staqsiet jekk il-Pulizija kinitx elevat mobile ieħor ta' Keith Schembri. Arnaud wieġeb li, sa fejn kien jaf hu, le.
Aktar tard, De Marco daret fuq in-numru tat-telefon ta' Johann Cremona. Arnaud qal li kien jaf bin-numru mill-investigazzjoni, iżda ma setax jiftakru bl-amment. Meta l-avukat ippruvat tikkonferma numru li deher f'rapport ta' espert, intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima u rrimarkat li x-xhud ma setax jintalab jikkonferma informazzjoni minn dokument li ma kienx hu l-awtur tiegħu.
Il-kontro-eżami kompla b'referenza għal screenshot ta' konverżazzjoni allegata bejn Johann Cremona u Keith Schembri, fejn Cremona kien issejjaħ "Xlukkaj."
De Marco qrat messaġġ li fih kien hemm miktub: "Ma nitilgħux nixhdu. Arnaud jgħid l-ommu jekk irid." Skont is-screenshot, Schembri wieġeb: "Ma nħalluhx," u aktar tard kiteb: "Irrid nifhem iktar. Miegħi dejjem raġel kien."
Meta l-avukat staqsiet lil Arnaud jekk kienx veru li dejjem kien "raġel" ma' Schembri, ix-xhud wieġeb: "Nieħu pjaċir nisma' hekk. Jiena dejjem kont raġel fix-xogħol tiegħi."
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar l-assistenza legali li Melvin Theuma kien talab meta beda jikkoopera mal-Pulizija.
Giannella De Marco staqsiet lil Keith Arnaud jekk kienx minnu li Theuma talab speċifikament lill-avukat Simon Busuttil.
Arnaud wieġeb li hu dejjem qal li Theuma kien talab avukat li kien jassoċjah mal-Partit Nazzjonalista, iżda sostna li qatt ma semma isem partikolari.
Meta l-avukat insistiet li Theuma kien talab lil Simon Busuttil, Arnaud ċaħad dan u qal li Theuma kien staqsieh jekk setax jirrakkomandalu avukat.
"Il-liġi ma tippermettix li nissuġġerilu wieħed," qal Arnaud, filwaqt li żied li l-ewwel isem li ġie f'moħħu , Melvin, tahulu.
Il-mistoqsijiet tad-difiża mbagħad iffukaw fuq ir-relazzjoni bejn Keith Schembri u Melvin Theuma.
Giannella De Marco staqsiet lil Keith Arnaud jekk Schembri qattx qal lill-investigaturi li kien jaf lil Theuma.
Arnaud wieġeb li le, u qal li Schembri qatt ma ddikjara li kien jaf bih, anke meta Theuma kien diġà ssemma waqt l-investigazzjoni u meta kienu qed jiġu diskussi l-proċeduri marbuta mal-maħfra presidenzjali.
L-avukat irrimarkat li, minkejja dan, Theuma kien jaf lil Schembri biżżejjed biex dan allegatament joffrilu impjieg u jibgħat lil Kenneth Camilleri jkellmu.
Arnaud wieġeb li Kenneth Camilleri kien dejjem qal lill-investigaturi li, sa fejn kien jaf hu, intbagħat għand Theuma għal raġunijiet politiċi u mhux b'rabta mal-investigazzjoni tal-qtil.
Il-kontro-eżami reġa' dar fuq il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia.
Giannella De Marco staqsiet lil Keith Arnaud jekk il-Pulizija qattx estrattat id-data mill-laptop tal-ġurnalista.
Arnaud wieġeb li Matthew Caruana Galizia kien tah l-informazzjoni kollha li l-investigaturi kellhom bżonn.
L-avukat imbagħad irrimarkat li dan kien ifisser li l-Pulizija la elevat il-laptop u lanqas talbet biex tiġi estratta d-data tiegħu.
Arnaud wieġeb b'mod deċiż: "Tahieli Matthew. It-tifel li nqatlitlu ommu tani dak kollu li kelli bżonn."
Il-kontro-eżami kompla b'diskussjoni dwar allegazzjonijiet li ħarġu fix-xhieda ta' Vince Muscat u George Degiorgio.
L-avukat imbagħad qalet li kemm Vince Muscat kif ukoll George Degiorgio kienu xehdu li Chris Cardona kien ħallas €50,000 bħala depożitu għall-allegat pjan tal-2015 biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, u li aktar tard dak il-pjan reġa' ġie attivat. Fuq din il-bażi staqsiet lil Keith Arnaud jekk il-Pulizija qattx reġgħet interrogat lil Cardona jew elevatx il-mobile tiegħu.
Arnaud waqqafha u qal li ma kienx jaqbel mal-mod kif kienet qed tippreżenta l-fatti. L-Imħallef Edwina Grima intervjeniet u talbet lid-difiża tillimita ruħha għall-mistoqsijiet.
Meta reġgħet għamlet il-mistoqsija, Arnaud wieġeb li Vince Muscat qatt ma qal li Chris Cardona kien ħallas €50,000, u żied li l-investigazzjoni kompliet għaddejja wkoll għax il-Pulizija kienet talbet biex l-inkjesta maġisterjali tibqa' miftuħa.
Huwa saħaq li kull evidenza li nġabret matul l-investigazzjoni ġiet ippreżentata u mressqa quddiem il-Qorti, iżda kkonferma li l-mobile ta' Cardona ma ġiex elevat.
Arnaud ċaħad ukoll is-suġġeriment li l-pjan tal-2015 u dak li wassal għall-qtil kienu l-istess, u sostna li kienu żewġ pjani distinti, mhux pjan wieħed li waqaf u mbagħad reġa' beda.
Il-kontro-eżami fetaħ b'mistoqsijiet dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
L-avukat Giannella De Marco staqsiet lil Keith Arnaud jekk il-Pulizija qattx elevat il-mobile ta' Cutajar jew fetħitx investigazzjoni fuqu.
Arnaud wieġeb li, skont l-investigaturi, ma kien hemm l-ebda bażi legali li tiġġustifika tali passi.
Huwa żied li kienu saru wkoll investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet li kienu ħarġu fil-leaks, iżda qal li dawn ma wasslu għal ebda evidenza li torbot lill-eks Kummissarju mal-każ.
Arnaud spjega li kien hu u l-Ispettur Kurt Zahra li eżaminaw dawk l-allegazzjonijiet matul l-investigazzjoni.
Bonġu u merħba
Il-proċeduri tas-seba' jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech issa bdew fl-Awla 22.
Segwu magħna għal aġġornamenti diretti matul is-seduta.