Id-difiża tpoġġi lil Keith Schembri fiċ-ċentru tal-kontro-eżami ta' Keith Arnaud
Fis-sitt jum tal-ġuri, id-difiża ffukat il-kontro-eżami tagħha fuq Keith Schembri, b'sensiela ta' mistoqsijiet u allegazzjonijiet maħsuba biex tqajjem dubji dwar l-irwol tiegħu u ddawwar il-fokus fuqu.
minn Jaelle Borg
Is-sitt jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech kien iddominat mill-isforz tad-difiża biex tpoġġi lil Keith Schembri fiċ-ċentru tal-kontro-eżami, b'mistoqsijiet li ffukaw fuq il-kuntatti tiegħu ma' Melvin Theuma, il-maħfra presidenzjali u diversi aspetti tal-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti tas-seduta wasal meta l-avukat Giannella De Marco staqsiet lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud dwar il-biża' li Theuma kien qal li kellu minn Schembri.
Arnaud ikkonferma li, skont dak li kien qallu Theuma, dan kien jibża' minn Keith Schembri u kien jemmen li seta' "joqtlu jew idaħħlu l-ħabs." Fl-istess ħin, ix-xhud qabel ukoll li Theuma baqa' jikkomunika ma' Yorgen Fenech sal-aħħar.
Il-kontro-eżami beda b'diskussjoni dwar il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia. Meta d-difiża ssuġġeriet li Matthew Caruana Galizia ma kienx għadda l-laptop lill-Pulizija għax ma kellux fiduċja fl-investigaturi, Arnaud wieġeb li kieku ma kienx jafdahom ma kienx jgħaddilhom l-informazzjoni li fil-fatt kien ipprovda.
Aktar tard, il-Qorti semgħet xhieda dwar Anthony Sammut, magħruf bħala Toni l-Iblah, u Anthony Chetcuti, magħruf bħala Toni l-Biglee. Arnaud qal li l-investigazzjoni qatt ma wasslet biex dawn saru persuni fil-fokus tal-investigazzjoni, għalkemm l-evidenza relatata mat-telefowns tagħhom kienet ġiet ippreservata.
Id-difiża qajmet ukoll il-każ tal-avukat David Gatt. Arnaud ikkonferma li Gatt kien jiffrekwenta l-potato shed u li wara l-arrest tal-aħwa Degiorgio kien mar iżurhom fil-ħabs billi ppreżenta ruħu bħala l-avukat tagħhom, iżda rrimarka li qatt ma deher jirrappreżentahom fil-Qorti.
Mistoqsijiet oħra ffukaw fuq allegazzjonijiet dwar sorveljanza f'Bidnija u fuq il-pjan allegat tal-qtil li kien issemma minn Vince Muscat u George Degiorgio fi proċeduri oħra. Arnaud sostna li ma nstabet l-ebda evidenza li dak il-pjan allegat qatt reġa' tħaddem.
Il-Qorti semgħet ukoll dwar it-tliet apparati splussivi li ħarġu mill-investigazzjoni. Arnaud qal li wieħed intuża fl-attentat fuq Romeo Bone, ieħor fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u t-tielet f'attakk separat fuq Kevin Ellul, filwaqt li kkonferma li s-SIM cards marbuta mal-bomba nxtraw fl-istess jum.
Parti sostanzjali tal-kontro-eżami kienet iddedikata lil Melvin Theuma. Arnaud ċaħad li kien hemm nuqqas ta' qbil bejn l-investigaturi dwar jekk kellux jiġi arrestat immedjatament, u spjega li d-deċiżjoni li jitħalla jkompli jikkoopera ttieħdet wara evalwazzjoni tal-valur investigattiv tar-recordings li kien qed jagħmel.
Dwar il-maħfra presidenzjali, Arnaud qal li din kienet maħsuba biex tippermetti lil Theuma jagħti rendikont sħiħ ta' dak li kien jaf mingħajr il-biża' li jinkrimina ruħu għal reati mwettqa qabel il-proklama. Il-Qorti semgħet ukoll dwar l-arrest tas-sieħba tiegħu Charmaine Zammit u membri oħra tal-familja, kif ukoll dwar il-flus u assi oħra li kienu ġew issekwestrati.
Aktar tard, Arnaud ikkonferma li Edwin Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, kien iltaqa' b'mod privat mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ftit ġimgħat wara l-arrest ta' Theuma. Skont Arnaud, Cutajar kien spjega li l-laqgħa kienet saret biex jikseb informazzjoni dwar ir-recordings ta' Theuma.
Il-kontro-eżami kompla wkoll fuq l-ittra li t-tabib Adrian Vella kien wassal lil Yorgen Fenech. Arnaud qal li, skont l-investigazzjoni, Vella kien ġabarha mingħand Keith Schembri biex iwassalha lil Fenech, għalkemm ma setax jgħid b'ċertezza x'kien fih eżattament id-dokument. Huwa żied li fuq l-ittra ma nstabet l-ebda marka tas-swaba' attribwita lil Schembri.
Id-difiża ressqet ukoll traskrizzjoni ta' telefonata bejn Theuma u Johann Cremona li fiha ssemmiet is-somma ta' €16,000. Arnaud qal li l-Pulizija investigat dik l-allegazzjoni iżda ma sabet l-ebda evidenza li kienet saret xi pagament biex tinkiseb il-maħfra presidenzjali, u rrimarka li recording ieħor tal-istess konverżazzjoni kien juri lil Theuma jiċħad li kien tħallas xi flus.
Lejn tmiem is-seduta, il-kontro-eżami reġa' dar fuq Keith Schembri. Arnaud ikkonferma li Theuma kien isemmi lil Schembri ta' spiss fir-recordings, iżda mhux fl-interċettazzjonijiet. Qal ukoll li Schembri kien irrefera lil Theuma lejn ministeru biex jingħata impjieg, u li Theuma kien jirċievi ċekkijiet relatati ma' dak ix-xogħol, bl-aħħar wieħed jitħallas madwar xahar qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-proċeduri issa jitkomplew għada filgħodu, meta jissokta l-kontro-eżami ta' Keith Arnaud.

Tmiem is-seduta tal-lum!
B'hekk tintemm is-seduta tal-lum fil-ġuri ta' Yorgen Fenech.
Nirritornaw għada fid-9.00am b'aġġornamenti diretti mill-Awla 22 hekk kif ikompli l-kontro-eżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud. Ibqgħu segwu magħna.
Wara skambju ta' battibekki ħfief bejn Keith Arnaud u l-avukat Giannella De Marco, il-kontro-eżami reġa' ffoka fuq Melvin Theuma u l-biża' li, skont hu, kien jgħix biha.
Meta De Marco qalet li Theuma kien jibża' minn xi ħadd, Arnaud wieġeb li ċertament kien jibża' minn Yorgen Fenech, filwaqt li semma wkoll ir-rabtiet tiegħu ma' persuni oħra.
L-avukat imbagħad saqsietu direttament jekk Theuma kienx jibża' minn Keith Schembri.
"Iva, kien jibża' minn Keith Schembri," wieġeb Arnaud.
De Marco kompliet billi ssuġġeriet li Theuma kien jibża' li Schembri kien se joqtlu.
Arnaud wieġeb li, skont dak li kien qallu Theuma, il-biża' tiegħu kienet li Schembri seta' joqtlu jew idaħħlu l-ħabs.
Il-kontro-eżami mbagħad dar fuq il-komunikazzjoni bejn Theuma u Fenech. Arnaud qabel li Theuma baqa' jibgħat messaġġi lil Yorgen Fenech sal-aħħar.
L-avukat irrimarkat ukoll li Theuma ma kienx semma l-ittra li aktar tard instabet fil-pussess ta' Fenech. Arnaud ikkonferma li Theuma kien qal li kien nesiha, iżda rrimarka li fil-kaxxa li l-Pulizija ssekwestrat mingħandu kien ħalla wkoll ritratt tiegħu ma' Keith Schembri.
Meta De Marco staqsiet jekk dak kienx biex juri min kien qed jipproteġih, intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima u waqqfet il-mistoqsija, filwaqt li rrimarkat li kienet mistoqsija suġġestiva.
Il-kontro-eżami kompla fuq l-ittra li t-tabib Adrian Vella għadda lil Yorgen Fenech waqt li dan kien taħt arrest.
Keith Arnaud ikkonferma li, skont dak li rriżulta mill-investigazzjoni, Adrian Vella kien ġabar l-ittra mingħand Keith Schembri biex iwassalha lil Fenech. Madankollu, qal li ma setax jgħid b'ċertezza assoluta x'kien eżattament il-kontenut tagħha.
Meta mistoqsi mid-difiża, Arnaud ikkonferma wkoll li Adrian Vella kien ġie interrogat dwar dik l-ittra u li kien konxju li l-investigazzjoni kienet relatata mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Wara li reġgħet bdiet is-seduta, wara li tqajjem punt legali,Giannella De Marco kompliet il-kontro-eżami b'mistoqsijiet dwar it-tfittxijiet li saru bħala parti mill-investigazzjoni.
L-avukat staqsiet lil Keith Arnaud jekk il-Pulizija qattx sabet safe li allegatament kien jappartjeni lil Keith Schembri. Arnaud wieġeb li ma jiftakarx li nstab xi safe.
Mistoqsi dwar x'ġie elevat waqt tfittxija f'Kastilja, Arnaud qal li, sa fejn jiftakar, l-investigaturi ġabru xi dokumenti, iżda ma jemminx li nstabu apparati elettroniċi.
Id-difiża mbagħad daret fuq l-ittra li t-tabib Adrian Vella kien għadda lil Yorgen Fenech waqt li dan kien taħt arrest.
De Marco staqsiet jekk dik l-ittra kinitx ġiet eżaminata għall-marki tas-swaba'. Arnaud ikkonferma li saru testijiet forensiċi.
L-avukat irrimarkat li fuq id-dokument instabu madwar 70 marka tas-swaba'. Arnaud wieġeb li fost dawk identifikati ma kien hemm ebda marka attribwita lil Keith Schembri.
Kien hemm aktar mistoqsijiet dwar it-tfittxijiet li l-Pulizija għamlet bħala parti mill-investigazzjoni.
F'intervent tagħha, l-Imħallef Edwina Grima staqsiet lil Keith Arnaud jekk l-investigaturi qattx elevaw laptop ta' Keith Schembri.
Arnaud wieġeb li, sa fejn jiftakar, kien ġie elevat tablet li kien jappartjeni lil mart Schembri, iżda li kien jintuża wkoll minnu. Żied li Schembri kien qal lill-investigaturi li tilef il-mobile tiegħu u li ma nstab l-ebda laptop ieħor.
L-avukat Giannella De Marco mbagħad staqsiet jekk sarux tfittxijiet biex jinstabu aktar apparati.
Arnaud ikkonferma li saru diversi tfittxijiet u qal li l-investigaturi ġabru wkoll tagħmir elettroniku ieħor, inklużi apparati li kienu jintużaw mit-tfal tal-familja, biex jintbagħtu għand l-esperti forensiċi għal aktar analiżi. Iżda Arnaud jikkonferma li mobile phones tal-mara jew tat-tfal ma nġabrux.
Il-mistoqsijiet imbagħad daru fuq Kastilja. Meta De Marco staqsiet jekk Arnaud kienx mar hemm wara t-tfittxija fid-dar ta' Schembri, huwa wieġeb fin-negattiv u spjega li t-tfittxija f'Kastilja saret aktar tard.
Mistoqsi jekk minn Kastilja ġiex elevat xi materjal, Arnaud qal li waqt dik l-operazzjoni kien hemm ukoll spettur mill-FCID, iżda ammetta li ma jiftakarx jekk instabx jew ġiex elevat xi oġġett partikolari
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar ir-rabtiet bejn Melvin Theuma u Keith Schembri.
L-avukat Giannella De Marco staqsiet lil Keith Arnaud jekk Theuma kienx jirreferi ta' spiss għal Schembri fir-recordings u fl-interċettazzjonijiet li ġew eżaminati matul l-investigazzjoni.
Arnaud wieġeb li Keith Schembri kien jissemma ta' spiss fir-recordings, iżda qal li dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-interċettazzjonijiet.
Id-difiża mbagħad daret fuq l-impjieg li Theuma kellu mal-Gvern. Arnaud spjega li Schembri kien irreferieh lejn ministeru u qallu jikkuntattja persuna partikolari dwar xogħol. Meta ġie mistoqsi jekk Theuma kienx jirċievi ċekkijiet relatati ma' dak l-impjieg, Arnaud ikkonferma li iva u qal li l-aħħar wieħed kien tħallas madwar xahar qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Aktar tard, De Marco rreferiet ukoll għal dak li Theuma kien qal dwar żjara f'Kastilja. Hija staqsiet lil Arnaud jekk kienx minnu li Theuma kien sostna li ltaqa' ma' Keith Schembri fil-quċċata tat-taraġ u li dan kien urieh il-binja.
Arnaud ikkonferma li dik kienet il-verżjoni mogħtija minn Theuma lill-investigaturi.
L-avukat imbagħad staqsiet lil Arnaud jekk hu qattx ingħata "tour" ta' Kastilja, iżda qabel ma seta' jwieġeb intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima u waqqfet dik il-linja ta' mistoqsijiet.
Il-kontro-eżami kompla b'sensiela ta' mistoqsijiet dwar il-kredibbiltà ta' Melvin Theuma u r-referenzi li kien jagħmel għal Keith Schembri.
Giannella De Marco rrimarkat li Theuma kien qal li kien ra lil Kenneth Camilleri jċempel lil Keith Schembri waqt li kien miegħu. Madankollu, aktar tard, meta ġie mistoqsi dwar dan, Theuma qal li fil-fatt ma kienx ra t-telefonata ssir, iżda kien assuma li kienet lil Schembri għax dehrilha l-aktar spjegazzjoni ovvja.
L-avukat staqsiet ukoll jekk Theuma kienx ibiddel il-verżjoni tiegħu jew "jilgħab bil-kliem" matul l-investigazzjoni.
Arnaud wieġeb li kull meta kien hemm diskrepanzi, l-investigaturi kienu jikkonfrontaw lil Theuma bir-recordings, u huwa kien jagħti spjegazzjoni dwar dak li kien qal jew ried ifisser, b'mod partikolari meta kienu jissemmew Keith Schembri jew persuni oħra.
F'ħin minnhom, De Marco qalet li meta Theuma talab il-proklama presidenzjali kien diġà ressaq dokument li kien fih implikazzjonijiet dwar Keith Schembri.
Arnaud ċaħad dan u wieġeb b'mod deċiż: "Mhux vera... u jien qed nitkellem fuq recordings, ma nistax nigdeb."
Matul il-kontro-eżami, Arnaud reġa' semma wkoll it-tentattiv ta' suwiċidju ta' Theuma.
De Marco osservat li Arnaud kien iddeskriva lil Theuma bħala persuna b'karattru dominanti u aggressiv. Arnaud qabel u qal li "kien veru li kellu rabja." Meta l-avukat kompliet tikkummenta dwar il-karattru ta' Theuma, intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima u waqqfet il-kummenti, filwaqt li fakkret li kellhom jillimitaw ruħhom għall-mistoqsijiet.
Il-mistoqsijiet tad-difiża mbagħad iffukaw fuq Kenneth Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Keith Arnaud ikkonferma li Camilleri kien ġie interrogat mill-Pulizija, iżda qal li l-mobile tiegħu qatt ma ġie ssekwestrat.
Matul il-kontro-eżami, Giannella De Marco rrimarkat li, skont il-provi fil-kawża, Keith Schembri kien bagħat lil Camilleri biex l-ewwel jiltaqa' ma' Johann Cremona u wara jmur għand Melvin Theuma.
Hija żiedet li Theuma kien qal lill-investigaturi li Camilleri kien infurmah li l-aħwa Degiorgio kienu se jirċievu €1 miljun kull wieħed.
Arnaud ikkonferma li din kienet il-verżjoni mogħtija minn Theuma.
Ix-xhud qabel ukoll li Camilleri kien qal li ntbagħat biex jikkalma lil Theuma, iżda sostna li, skont dak li qal Camilleri lill-investigaturi, huwa ma kienx jaf għaliex Theuma kellu bżonn jiġi kkalmant.
Arnaud żied li Camilleri kien qal li ma kienx jaf lil Yorgen Fenech, filwaqt li osserva li l-investigazzjoni qatt ma rnexxielha tistabbilixxi għaliex Camilleri ntbagħat l-ewwel għand Johann Cremona minflok mar direttament għand Melvin Theuma.
Kompla b'mistoqsijiet dwar kuntatti li seħħew qabel Melvin Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali.
Keith Arnaud ikkonferma li Edwin Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, iltaqa' mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fi żmien qasir wara l-arrest ta' Theuma.
Skont ix-xhud, il-Ġojja dak iż-żmien kien qed ikun segwit mis-Servizzi tas-Sigurtà, li osservaw il-laqgħa bejn iż-żewġt irġiel.
Arnaud qal li l-laqgħa seħħet b'mod privat, fi żmien ftit ġimgħat mill-arrest ta' Theuma, u spjega li, skont il-verżjoni mogħtija minn Cutajar lill-investigaturi, l-iskop tagħha kien li tinkiseb informazzjoni dwar ir-recordings li Theuma kien qed iżomm
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar kuntatti li seħħew qabel Melvin Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali.
Keith Arnaud ikkonferma li Edwin Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, iltaqa' mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fi żmien qasir wara l-arrest ta' Theuma.
Skont ix-xhud, il-Ġojja dak iż-żmien kien qed ikun segwit mis-Servizzi tas-Sigurtà, li osservaw il-laqgħa bejn iż-żewġt irġiel.
Arnaud qal li l-laqgħa seħħet b'mod privat, fi żmien ftit ġimgħat mill-arrest ta' Theuma, u spjega li, skont il-verżjoni mogħtija minn Cutajar lill-investigaturi, l-iskop tagħha kien li tinkiseb informazzjoni dwar ir-recordings li Theuma kien qed iżomm.
Lura fl-awla biex nibdew bil-proċeduri
Is-seduta ġiet sospiża għall-waqfa tal-ikel.
Il-proċeduri huma mistennija jerġgħu jibdew fit-3.00pm, meta jkompli l-kontro-eżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Il-kontro-eżami kompla b'referenza għal telefonata bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
Għalkemm id-difiża talbet biex ir-recording jindaqq quddiem il-ġurija, il-Qorti ma laqgħetx it-talba peress li ma kienx ġie esebit bħala evidenza fil-kawża. Minflok, l-avukat Giannella De Marco qrat partijiet mit-traskrizzjoni.
Skont id-difiża, fil-konverżazzjoni tissemma somma ta' "16k" b'rabta mal-Kummissarju tal-Pulizija, u sostniet li din kienet tirreferi għal flus allegatament maħsuba biex tinkiseb il-maħfra presidenzjali ta' Theuma.
Keith Arnaud ċaħad din l-interpretazzjoni u qal li l-Pulizija kienet investigat il-kwistjoni mingħajr ma sabet evidenza li kienet saret xi pagament.
Huwa żied li l-investigaturi kienu fil-pussess ta' recording ieħor tal-istess konverżazzjoni, li fih, skont hu, Theuma stess jiċħad li kien ħallas xi flus. Arnaud qal ukoll li matul l-investigazzjoni rriżulta li Johann Cremona kien spiss jgħid affarijiet lil Theuma biex jikkalmah u jserraħlu moħħu.
Il-kontro-eżami kompla b'referenza għall-perjodu meta Melvin Theuma kien taħt il-programm ta' protezzjoni tax-xhieda.
Keith Arnaud ikkonferma li, matul dak iż-żmien, Theuma kien ipprova jneħħi ħajtu.
L-avukat Giannella De Marco rabtet dak l-inċident ma' seduta oħra tal-Qorti li fiha Theuma kien ġie mistoqsi jekk qattx ħallas flus biex jikseb il-maħfra presidenzjali.
Hija sostniet ukoll li kien hemm recording li allegatament kien jimplika li Johann Cremona kien ħallas flus lill-Kummissarju tal-Pulizija biex Theuma jingħata l-maħfra.
Arnaud wieġeb li ma kellux għarfien dwar dik l-allegazzjoni. Qal ukoll li ma setax jikkonferma jekk Theuma u Cremona kinux baqgħu f'kuntatt regolari jew kontinwu matul dak il-perjodu.
Id-difiża reġgħet daret fuq ir-recordings li Melvin Theuma għamel b'mod sigriet matul il-każ.
Keith Arnaud ikkonferma li Theuma beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet tiegħu ma' Yorgen Fenech wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
L-avukat Giannella De Marco rrimarkat li Theuma kien irrekordja wkoll konverżazzjonijiet ma' Johann Cremona, iżda allegatament kien warrab jew qered il-mobile li kien fih dawk ir-recordings.
Arnaud qal li jiftakar lil Theuma jistaqsih waqt l-investigazzjoni: "Sibtuhom kollha? Għax jien kont tal-impressjoni li kien hemm aktar recordings minn dawk li semmajtuli."
Ix-xhud spjega li Theuma kien ikkonferma li kien tefa' mobile, iżda fl-istess ħin kien qal lill-investigaturi li r-recordings kollha li kellu kienu jinsabu fil-kaxxa li l-Pulizija ssekwestrat waqt l-arrest tiegħu.
Lura fl-awla u l-proċeduri mistennija jibdew minn hawn u ftit ieħor
Waqfa qasira ta’ 30 minuta! Inkunu magħkom dalwaqt.
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar l-arrest ta' Melvin Theuma u l-maħfra presidenzjali li ngħatatlu.
Keith Arnaud ikkonferma li, malli ġie arrestat, Theuma talab biex ikellem lill-Kummissarju tal-Pulizija.
L-avukat Giannella De Marco mbagħad iffukat fuq il-kundizzjonijiet tal-proklama presidenzjali, u rrimarkat li din kienet tkopri diversi reati allegatament imwettqa minn Theuma qabel Novembru tal-2019, fosthom ħasil tal-flus, logħob tal-azzard illegali u anke reati oħra. Hija sostniet li, fil-prattika, il-proklama kienet tagħtih "clean sheet" għal kull reat li seta' wettaq qabel dik id-data.
Arnaud qabel li l-proklama kienet tkopri reati mwettqa qabel id-data tal-ħruġ tagħha, iżda spjega li l-għan ta' maħfra ta' dan it-tip huwa li persuna tkun tista' tgħid dak kollu li taf mingħajr il-biża' li tinkrimina ruħha għal reati preċedenti.
Meta ġie mistoqsi għaliex il-maħfra kienet ifformulata b'mod daqshekk wiesa' u min kien responsabbli mit-test tagħha, Arnaud qal li dawn id-diskussjonijiet bdew biss wara li l-investigaturi kienu diġà intervistaw lil Theuma. Żied li, meta ttieħdet id-deċiżjoni, ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li Theuma ma kienx meqjus bħala l-moħħ jew l-organizzatur tal-assassinju. Skont hu, il-kunsiderazzjonijiet kienu jkunu differenti kieku l-persuna li talbet il-maħfra kienet dik li ppjanat il-qtil.
Aktar tard, id-difiża daret fuq l-arrest tas-sieħba ta' Theuma, Charmaine Zammit, flimkien ma' bintha u ommha.
Arnaud ikkonferma li t-tlieta ġew arrestati bħala parti mill-investigazzjoni u qal li Zammit kienet waslet fid-depot tal-Pulizija b'borża li kien fiha madwar €171,000 fi flus kontanti.
Ix-xhud spjega wkoll li l-investigaturi kienu ssekwestraw diversi assi marbuta mal-familja, fosthom flus kontanti, vetturi u proprjetà oħra. Għalkemm ma setax jiftakar il-valur eżatt tagħhom, qal li kien ammont sostanzjali.
De Marco mbagħad issuġġeriet li l-fatt li l-flus ġew irritornati wara li n-nisa ammettew l-akkużi u ngħataw sentenzi sospiżi seta' kien marbut ma' ftehim bħala parti mill-kollaborazzjoni ta' Theuma.
Arnaud wieġeb li ma setax jikkummenta dwar dan, peress li ma kienx involut f'dawk il-proċeduri u qal li mistoqsijiet dwar ir-ritorn tal-flus kellhom isiru lill-uffiċjali li mexxew dak l-aspett tal-każ.
F'dak il-punt intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima, li fakkret lid-difiża li Arnaud ma kienx il-prosekutur f'dawk il-proċeduri u għalhekk ma setax ikun mistenni jwieġeb dwar kwistjonijiet li ma kinux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
L-avukat Giannella De Marco mbagħad daret fuq il-kuntatti li Melvin Theuma seta' kellu mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Keith Arnaud ikkonferma li Theuma kellu n-numru personali ta' Cutajar, iżda saħaq li l-investigazzjoni ma sabet l-ebda prova li qatt għamillu telefonata.
Id-difiża rreferiet għal xhieda ta' Edgar Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, li skontha kien qal lil Theuma biex jikkuntattja lil Cutajar jekk jinqalgħulu problemi fil-Marsa, fejn Theuma kien imexxi t-tiġrijiet taż-żwiemel.
Arnaud spjega li dan kien imur lura għal żmien meta Cutajar kien għadu Spettur fid-Distrett tal-Marsa, ferm qabel ma nħatar Kummissarju tal-Pulizija. Huwa qal li seta' kien ingħata dak il-parir, iżda tenna li l-investigaturi qatt ma sabu evidenza li Theuma uża dak in-numru biex jagħmel kuntatt ma' Cutajar.
Il-mistoqsijiet imbagħad għaddew għall-attività ta' Theuma fil-logħob tal-azzard illegali.
Arnaud ikkonferma li l-investigazzjoni kienet stabbiliet li Theuma kien involut f'dawn l-attivitajiet. Madankollu, qal li dak l-aspett ma ngħatax prijorità fl-investigazzjoni, peress li sa dak il-punt kienu diġà għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-maħfra presidenzjali u Theuma kien diġà beda jikkollabora mal-Pulizija billi jipprovdi informazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
L-avukat Giannella De Marco ssuġġeriet li kien hemm nuqqas ta' qbil fit-tim investigattiv u li l-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien ma kienx favur l-arrest ta' Theuma.
Keith Arnaud ċaħad din il-verżjoni u spjega li, fil-bidu, il-Kummissarju kien inklinat li Theuma jiġi arrestat minnufih. Madankollu, qal li t-tim investigattiv kien qed jevalwa jekk kienx aħjar ikompli jiġbor recordings sigrieti u x'valur setgħu jżidu mal-investigazzjoni.
Arnaud qal li kien hu li rrakkomanda lill-Kummissarju biex ma jittieħidx pass mgħaġġel qabel ma jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi. "Kien dmir tiegħi ngħidlu: qabel nieħdu deċiżjoni, ejja naħsbuha sew. Jekk tkun deċiżjoni żbaljata, kif se nispjegaw li arrestajna lill-persuna żbaljata?'" qal lix-xhud.
Skont Arnaud, wara li spjega r-raġunijiet tiegħu, il-Kummissarju qabel mal-istrateġija proposta mill-investigaturi. Huwa żied li, għalkemm id-deċiżjoni finali kienet tal-Kummissarju, bħala l-investigatur ewlieni kien iħoss li kellu d-dmir jagħti l-evalwazzjoni professjonali tiegħu qabel jittieħed kwalunkwe pass.
Arnaud saħaq ukoll li qatt ma kien hemm pjan definittiv biex Theuma jiġi arrestat, iżda li l-investigaturi kienu qed jiddiskutu l-aħjar triq li kellhom isegwu.
Il-Qorti semgħet ukoll li d-deċiżjoni finali ġiet mgħarrfa lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa li għaliha kien preżenti wkoll Keith Schembri. Arnaud qal li dan sar biex il-Gvern jinżamm infurmat dwar l-iżviluppi tal-investigazzjoni, u mhux għax kienu qed jirċievu struzzjonijiet.
De Marco sostniet ukoll li l-Europol ma qablitx mad-deċiżjoni li jitħalla jgħaddi ż-żmien qabel jiġi arrestat Theuma. Arnaud ċaħad dan ukoll, u spjega li l-Europol kienet tipprovdi appoġġ tekniku u operazzjonali biss u ma kellha l-ebda rwol fit-teħid tad-deċiżjoni dwar jekk persuna kellhiex tiġi arrestata. Huwa żied li, għall-kuntrarju ta' dak li ġie ssuġġerit, il-Europol appoġġjat l-istrateġija li adottaw l-investigaturi Maltin.
Il-kontro-eżami kompla b'referenzi għal xhieda li George Degiorgio kien ta fi proċeduri oħra marbuta mal-każ.
L-avukat Giannella De Marco qalet li Degiorgio kien xehed li fl-2015 kien tħallas depożitu ta' €50,000 mill-eks ministru Chris Cardona bħala parti minn allegat pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Hija staqsiet ukoll jekk, f'dak l-istadju, is-sorveljanza fuq il-ġurnalista kinitx diġà bdiet.
Keith Arnaud wieġeb li, sa fejn jiftakar hu, dak il-monitoraġġ kien għadu ma bediex, għalkemm id-difiża sostniet mod ieħor.
Il-mistoqsijiet imbagħad daru fuq is-SIM card marbuta mal-bomba. De Marco rrimarkat li din kienet ġiet marbuta mal-apparat splussiv f'Jannar tal-2017 u staqsiet lil Arnaud jekk din il-konklużjoni kinitx intlaħqet mill-FBI, li magħhom kien iservi bħala uffiċjal ta' kuntatt.
Arnaud ikkonferma li kienet il-konklużjoni tal-FBI.
L-avukat irreferiet ukoll għal allegazzjoni oħra ta' George Degiorgio, li kien qal li David Gatt kien għaddielu arma. Arnaud qal li jiftakar li kienet saret dik l-allegazzjoni, iżda ma setax jiftakar x'tip ta' arma Degiorgio kien sostna li rċieva.
Il-mistoqsijiet tad-difiża mbagħad iffukaw fuq l-apparat splussiv li ħareġ matul l-investigazzjoni.
Keith Arnaud ikkonferma li l-investigaturi kienu stabbilew li kien hemm tliet bombi. Waħda ntużat fl-attentat fuq Romeo Bone fil-Msida fl-2017, oħra fl-isplużjoni li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, filwaqt li t-tielet intużat f'attakk li seħħ f'Mejju tal-2018 u li kien immirat lejn Kevin Ellul, magħruf bħala "Double O".
Arnaud qal ukoll li l-investigazzjoni stabbiliet li s-SIM cards li ntużaw kemm fil-bomba kif ukoll fit-telefon li attivaha kienu nxtraw fl-istess ġurnata, f'Novembru tal-2016.
Mument ta' ftit tensjoni nqala' fl-awla hekk kif Giannella De Marco qajmet allegazzjonijiet dwar il-preżenza tal-Pulizija fiż-żona ta' Bidnija qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
L-avukat sostniet li, skont xhieda mogħtija fil-kawża, David Gatt kien allegatament talab lil Chris Cardona jintervjeni biex il-Kummissarju tal-Pulizija jwaqqaf il-patrols fl-inħawi fejn l-allegati eżekuturi kienu qed josservaw lill-ġurnalista.
Keith Arnaud ċaħad din il-verżjoni mill-ewwel, u sejħilha "assurda għal kollox." Huwa żied: "Ejja ma nqarraqux bil-ġurati."
De Marco mbagħad irreferiet għax-xhieda ta' George Degiorgio, li kien sostna li għal madwar sitt ġimgħat ma kien għadda l-ebda vettura tal-Pulizija minn dik iż-żona.
Arnaud wieġeb li ma jaqbilx ma' dik l-affermazzjoni. Skont hu, ir-records tat-telefon ta' Degiorgio juru li matul dak il-perjodu kien mar fiż-żona darba biss, u għalhekk, fil-fehma tiegħu, ma setax ikun jaf jekk il-Pulizija kinitx qed tgħaddi hemm jew le fil-bqija taż-żmien.
Kompla b'referenzi għal xhieda li Vince Muscat u George Degiorgio taw matul proċeduri oħra marbuta mal-każ.
L-avukat Giannella De Marco staqsiet lil Keith Arnaud jekk Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, kienx qal li qatt ma ra lil Melvin Theuma jgħaddi flus lil Alfred Degiorgio. Arnaud ikkonferma li din kienet il-verżjoni mogħtija minn Muscat.
De Marco mbagħad irreferiet għax-xhieda ta' George Degiorgio quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, fejn, skont hi, kien semma lil Chris Cardona u David Gatt bħala persuni involuti fl-allegat pjan tal-qtil.
Arnaud wieġeb li, sa fejn jiftakar, Degiorgio ma kienx ta wisq dettalji dwar dak is-suġġett.
L-avukat qajmet ukoll il-kwistjoni ta' container allegatament mimli sigaretti tal-kuntrabandu u semmiet lil Toni l-Biglee, li dak iż-żmien kien marbut mal-Freeport u li, skont xhieda oħra, kien qrib Chris Cardona.
Arnaud qal li l-Pulizija investigat dawn l-allegazzjonijiet. Spjega li l-informazzjoni li kienu rċevew kienet tissuġġerixxi li Alfred Degiorgio kellu jingħata pass ta' aċċess għall-Freeport, li allegatament kien jippermettilu joħroġ container kull sena mingħajr diffikultà. Madankollu, skont Arnaud, l-investigaturi qatt ma sabu provi li dan il-pjan twettaq jew li xi ħadd fil-Freeport ta benefiċċju ta' dan it-tip lill-aħwa Degiorgio.
Meta mistoqsi dwar ir-rwol ta' Toni l-Biglee fil-Freeport dak iż-żmien, Arnaud qal li ma setax jiftakar jekk kienx jokkupa l-kariga ta' kap tas-sigurtà.
Giannella De Marco kompliet il-kontro-eżami billi rreferiet għax-xhieda li Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, kien ta dwar allegat pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Hija staqsiet lil Keith Arnaud jekk Muscat kienx semma lil Chris Cardona, George Degiorgio, David Gatt u Jamie Vella bħala persuni involuti f'dak il-pjan, kif ukoll jekk kienx qal li wassal lil Alfred Degiorgio biex jiltaqa' ma' Cardona f'diversi okkażjonijiet.
Arnaud ikkonferma li dawn kienu parti mix-xhieda ta' Muscat, iżda rrimarka li, skont l-istess Muscat, dak il-pjan qatt ma twettaq u ma nstabet l-ebda evidenza li aktar tard reġa' tħaddem. Żied ukoll li Melvin Theuma ma kien jissemma mkien f'din il-verżjoni tal-allegat pjan.
Ix-xhud spjega wkoll li, sa fejn kienet waslet l-investigazzjoni, iż-żjarat ta' Alfred Degiorgio għand Cardona saru wara l-qtil, bil-għan li tinkiseb informazzjoni dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja.
Meta De Marco staqsietu jekk dawn il-laqgħat setgħux saru wkoll qabel il-qtil, Arnaud wieġeb li ma setax jiftakar kull dettall, iżda qal li kellu l-impressjoni li seħħew wara u mhux qabel.
F'dak il-punt De Marco tbissmet, u Arnaud irreaġixxa billi qal: "M'hemm xejn tad-daħk f'dan."
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar l-avukat David Gatt, eks uffiċjal tal-Pulizija, li ismu kien diġà ħareġ f'xhieda oħra marbuta mal-każ.
Keith Arnaud ikkonferma li Gatt kien jiffrekwenta l-potato shed, il-post fejn aktar tard ġew arrestati l-allegati eżekuturi tal-qtil.
Ix-xhud qal ukoll li wara l-arresti, Gatt kien mar iżur lill-aħwa Degiorgio fil-ħabs u kien identifika ruħu mal-uffiċjali korrettivi bħala l-avukat tagħhom. Madankollu, Arnaud irrimarka li Gatt qatt ma deher f'isimhom fil-proċeduri tal-Qorti, filwaqt li spjega li dak iż-żmien l-aħwa kienu qed isibu diffikultà biex isibu rappreżentanza legali u wieħed minnhom kien saħansitra ngħata għajnuna legali.
Giannella De Marco mbagħad irreferiet għax-xhieda ta' Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, li kien qal li David Gatt kien isemmi lil Daphne Caruana Galizia u jagħmel ġest b'idejh mqabbel ma’ sinjal ta’ splużjoni, kemm qabel kif ukoll wara l-qtil tagħha.
L-avukat semmiet ukoll ix-xhieda ta' Muscat dwar persuna li kien magħruf bħala "number one", li aktar tard kien identifikaha bħala Keith Schembri.
Il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia
Il-kontro-eżami kompla fuq il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia, b'diskussjoni bejn l-avukat Giannella De Marco u Keith Arnaud dwar il-koperazzjoni ta' Matthew Caruana Galizia mal-investigaturi.
Arnaud qal li Matthew kien jgħin lil ommu fix-xogħol tagħha u li kien għadda informazzjoni lill-Pulizija matul l-investigazzjoni.
De Marco rrimarkat li, minkejja dan, il-laptop qatt ma ngħata lill-investigaturi u staqsiet: "Għaliex?"
Arnaud wieġeb li dik il-mistoqsija kellha ssir lil Matthew meta jixhed quddiem il-Qorti. "Meta jitla' Matthew jixhed, staqsih," qal.
L-avukat imbagħad issuġġeriet li l-familja setgħet ma kellhiex fiduċja fil-Pulizija, u qaltlu: "Ma fdawkomx?"
B'ton aktar qawwi, Arnaud wieġeb: "Naħseb li kieku ma fdawniex, ma kienx jagħtina l-informazzjoni li tana."
De Marco wieġbet minnufih: "Takom biss dak li ried jagħtikom."
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar Anthony Sammut, magħruf bħala Toni l-Iblaħ, li ismu kien issemma f'dokumenti relatati mal-investigazzjoni.
L-avukat Giannella De Marco ppreżentat digriet tal-Qorti li fih Sammut kien imsemmi bħala persuna ta' interess u staqsiet lil Keith Arnaud jekk qattx ħareġ tagħrif li kien jiffrekwenta l-patata tal-Marsa u kien jaf lill-allegati eżekuturi tal-qtil.
Arnaud wieġeb li l-ewwel darba li sema' b'Sammut kienet permezz tal-ittra li kienet ippruvat torbot lill-eks ministru Chris Cardona mal-qtil. Qal li, sa fejn kienet waslet l-investigazzjoni tiegħu, Sammut qatt ma kien figura li fuqha ffukat il-Pulizija. Żied li kien biss fl-2019 li sar jaf b'allegati rabtiet tiegħu mal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu.
Id-difiża mbagħad daret fuq Anthony Chetcuti, magħruf bħala Il-Biglee, li wkoll kien issemma f'xhieda preċedenti bħala persuna allegatament qrib Chris Cardona.
Arnaud qal li l-investigazzjoni qatt ma wasslet lill-Pulizija lejn dawn iż-żewġ persuni. Spjega li l-uniku pass li ttieħed fir-rigward tagħhom kien biex jiġu ppreservati d-data u l-evidenza relatati mat-telefowns tagħhom.
Bonġu u merħba
Merħba għal dawn l-aġġornamenti diretti mill-Awla 22, fejn dalwaqt mistennija jibdew il-proċeduri tas-sitt jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech. Ibqgħu segwu magħna hekk kif inwasslulkom l-aħħar żviluppi mill-awla.