Tnejn jispiċċaw l-isptar wara li karozza ħabtet ma' monument u spiċċat f'ħajt ta' residenza fil-Fgura

Raġel ta' 58 sena tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu kmieni t-Tnejn filgħodu. Żewġ passiġġieri ttieħdu l-Isptar Mater Dei għat-trattament

Ritratt: Pulizija ta' Malta
Ritratt: Pulizija ta' Malta

Mara ta' 50 sena sofriet ġrieħi gravi wara li karozza ħabtet ma' monument f'roundabout u spiċċat f'ħajt ta' residenza fil-Fgura kmieni t-Tnejn filgħodu.

Il-Pulizija qalet li ġiet infurmata bl-inċident fi Triq Ħaż-Żabbar għall-ħabta tal-4am.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta' 58 sena minn Birkirkara kien qed isuq vettura tat-tip MG4 Electric meta tilef il-kontroll tagħha, ħabat ma' monument li jinsab f'nofs roundabout u kompla sakemm spiċċa fil-ħajt ta' residenza fil-qrib.

Fil-vettura kien hemm ukoll żewġ passiġġieri: żagħżugħ ta' 19-il sena u mara ta' 50 sena, it-tnejn ta' nazzjonalità Ġermaniża.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet liż-żewġ passiġġieri l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Aktar tard, iż-żagħżugħ ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief, filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija