Skont l-istqarrija ta' Fenech: Joseph Muscat allegatament qallu biex ma jinkwetax għax Melvin Theuma kien se jiġi arrestat
Keith Arnaud jirreferi għall-verżjoni li Yorgen Fenech ta lill-Pulizija u jgħid li r-recordings u l-messaġġi rkuprati matul l-investigazzjoni ma kinux jaqblu ma' diversi elementi tal-istess stqarrija
minn Jaelle Borg
B'reazzjoni qasira iżda deċiża – "Xogħli nafu sew" – Keith Arnaud wieġeb għal waħda mill-mistoqsijiet tal-avukat Giannella De Marco hekk kif illum beda l-kontro-eżami tiegħu fil-ġuri ta' Yorgen Fenech.
Wara ħamest ijiem ta' mistoqsijiet mill-prosekuzzjoni, il-ġuri daħal f'fażi ġdida, bil-kelma tgħaddi għand id-difiża. Il-kontro-eżami ffoka mhux biss fuq il-passi li ħadet il-Pulizija matul l-investigazzjoni, iżda wkoll fuq dak li, skont id-difiża, ma sarx jew ma ġiex investigat.
Waħda mill-ewwel temi kienet is-sorveljanza li kienet qed issir fuq l-aħwa Degiorgio qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Arnaud ikkonferma li l-Pulizija kienet qed tosserva l-potato shed u li l-aħwa kienu ilhom taħt monitoraġġ, iżda qal li minkejja dan qatt ma nstabet attività li qajmet suspett kriminali. Spjega wkoll li operazzjonijiet ta' sorveljanza fuq gruppi kriminali organizzati kellhom isiru b'kawtela kbira biex is-suspettati ma jindunawx li kienu qed jiġu segwiti.
Id-difiża qajmet ukoll il-kwistjoni tal-preżenza tal-Pulizija qrib id-dar ta' Daphne Caruana Galizia qabel il-qtil tagħha. Arnaud qal li ma jiftakarx jekk din qattx ġiet investigata u spjega li hu ma kienx involut fid-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ġurnalista.
Il-kitbiet ta' Caruana Galizia kienu wkoll suġġett ta' mistoqsijiet. De Marco rrimarkat li l-ġurnalista kienet kitbet bosta drabi dwar Keith
Schembri u Chris Cardona, iżda Arnaud wieġeb li l-artikli ma kinux jikkostitwixxu evidenza kriminali.
Parti sostanzjali mill-kontro-eżami kienet iddedikata wkoll għal-laqgħat li l-investigaturi kellhom f'Kastilja matul l-investigazzjoni.
Arnaud saħaq li dawn il-laqgħat ma kinux jiġu organizzati fuq inizjattiva tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, iżda fuq talba tal-Pulizija stess.
Huwa spjega li fihom kienu jiġu diskussi kwistjonijiet bħall-maħfriet presidenzjali ta' Melvin Theuma u Vince Muscat, informazzjoni ġdida li kienet qed toħroġ mill-investigazzjoni u deċiżjonijiet li kienu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-ogħla awtoritajiet tal-Istat.
Matul il-kontro-eżami tqajmet ukoll il-kwistjoni ta' rapport li allegatament kien jindika lil Keith Schembri u Chris Cardona bħala persuni ta' interess.
Arnaud qal li dak ir-rapport qatt ma wasal għand it-tim investigattiv u li hu sar jaf bih biss aktar tard. Huwa spjega li l-inkjesta maġisterjali kienet topera b'mod indipendenti mill-Pulizija u għalhekk il-maġistrat seta' jordna investigazzjonijiet jew jiġbor informazzjoni mingħajr ma jinforma lill-investigaturi.
Fl-istess kuntest, huwa sostna li l-esperti maħtura mill-Qorti ma setgħux jgħaddu informazzjoni direttament lill-Pulizija għax kienu jirrispondu biss lill-Qorti, u kull talba għal dokumenti jew informazzjoni kellha ssir formalment.
Aktar kmieni matul il-ġurnata, qabel beda l-kontro-eżami, il-prosekuzzjoni temmet il-preżentazzjoni tagħha billi qrat aktar chats u recordings irkuprati mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
Il-ġurija semgħet konverżazzjonijiet dwar allegati pjani biex Fenech jitlaq minn Malta, diskussjonijiet mal-avukati tiegħu, chats ma' Keith
Schembri u ma' eks uffiċjal f'Kastilja, kif ukoll riferimenti għall-abbozz tal-ftehim marbut mal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Fis-seduta tqajmet ukoll kwistjoni legali dwar data tal-lokalizzazzjoni relatata mal-mobile ta' Joseph Muscat. Wara oġġezzjoni tad-difiża, l-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li Arnaud ma setax jirreferi għal dak il-materjal quddiem il-ġurija, peress li ma kienx jagħmel parti mill-atti tal-kawża.
Lejn tmiem is-seduta, qabel il-ġurija reġgħet daħlet fl-awla, id-difiża talbet li Arnaud jinżamm appartat sakemm itemm il-kontro-eżami tiegħu.
Wara diskussjoni bejn il-partijiet, l-Imħallef ordnat lil Arnaud jieħu ġurament li ma kienx se jiddiskuti x-xhieda tiegħu ma' ħadd. Huwa ġie ordnat imur direttament id-dar wara s-seduta u l-għada jirritorna l-Qorti mingħajr ma jgħaddi mill-uffiċċju.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, assistiti mill-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Fenech huwa rappreżentat mill-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Giannella de Marco, filwaqt li l-familja Caruana Galizia hija rappreżentata parte civile mill-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.
Il-ġuri huwa ppresedut mill-Imħallef Edwina Grima.

U b’dan għalaqna l-5 jum ta’ dan il-ġuri. Grazzi talli segwejtu l-aġġornamenti matul il-ġurnata. Għada mistenni jkompli l-kontro-eżami ta’ Arnaud.
Xħin daħlet il-ġurija ġewwa biex jinagħlqu l-proċeduri għal lum, id-difiża qajmet punt ta' dritt fejn talbet li Keith Arnaud jinżamm appartat sakemm jitkompla l-kontro-eżami tiegħu.
It-talba wasslet għal skambju qasir bejn il-partijiet. Arnaud qal li ma kienx jara għalfejn kellha tkun id-difiża li tiddeċiedi fejn kellu joqgħod bejn seduta u oħra, filwaqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba.
Aktar tard, id-difiża qalet li ma kinitx se tibqa' tinsisti biex Arnaud jinżamm appartat jekk jagħti kelmtu li ma kienx se jiddiskuti x-xhieda tiegħu ma' ħadd.
L-Imħallef Edwina Grima talbet lil Arnaud jieħu ġurament f'dan is-sens. Huwa ġie ordnat imur direttament lejn daru wara t-tmiem tas-seduta, mingħajr ma jgħaddi l-uffiċċju, u l-għada filgħodu jmur mill-ewwel mid dar tiegħu għall-Qorti biex ikompli bix-xhieda tiegħu.
L-avukat Giannella De Marco kompliet il-kontro-eżami billi rreferiet għal digriet maħruġ fl-2018 mill-maġistrat inkwerenti ta' dak iż-żmien, illum Imħallef Neville Camilleri, li kien ordna lill-espert tal-Qorti Martin Bajada jiġbor id-data tat-telefon relatata ma' wieħed min-numri ta' Keith Schembri.
De Marco sostniet li dan kien jindika li Schembri kien diġà qed jitqies bħala persuna ta' interess fl-inkjesta.
Keith Arnaud, iżda, qal li ma kienx jaf b'dak id-digriet u spjega li l-inkjesta maġisterjali kienet timxi b'mod indipendenti mill-investigazzjoni tal-Pulizija. Huwa żied li kien normali li maġistrat jiġbor informazzjoni mingħajr ma jinforma lit-tim investigattiv.
Aktar tard, De Marco staqsiet lil Arnaud jekk kienx jaf lil Anthony Mifsud.
Ix-xhud wieġeb li kien jaf bih u fakkar li Mifsud kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà fil-Freeport ta' Malta u li qabel kien membru tal-Korp tal-Pulizija.
Meta l-avukat staqsietu jekk Mifsud kienx ukoll jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà mal-eks ministru Chris Cardona, Arnaud wieġeb li ma kienx jaf.
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar il-kitbiet li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat dwar Keith Schembri u Chris Cardona qabel il-qtil tagħha.
L-avukat Giannella De Marco rrimarkat li l-ġurnalista kienet kitbet bosta artikli dwar iż-żewġ persuni u staqsiet lil Keith Arnaud jekk dawn kellhomx xi rilevanza għall-investigazzjoni.
Arnaud wieġeb li, għalkemm dawk il-pubblikazzjonijiet kienu magħrufa pubblikament, ma kinux jiffurmaw parti mill-evidenza li fuqha kienet mibnija l-investigazzjoni kriminali. Huwa spjega li r-rwol tal-investigaturi kien li jistabbilixxu x'ġara abbażi tal-provi li nġabru matul l-inkjesta.
De Marco mbagħad irreferiet għal waħda mill-aħħar kitbiet ta' Caruana Galizia, li kienet tinkludi ritratt ta' Keith Schembri akkumpanjat bil-kliem "Hemm il-ħallelin kullimkien", u staqsiet jekk dik il-pubblikazzjoni kinitx ta' importanza għall-investigazzjoni, filwaqt li qabblet dan mal-evidenza li Arnaud kien ta aktar kmieni dwar is-sorveljanza fil-patata tal-Marsa.
Arnaud wieġeb fil-qosor: "Naf xogħli sew."
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar il-komunikazzjoni bejn it-tim investigattiv u l-esperti maħtura mill-Qorti.
Keith Arnaud qal li qatt ma ġie infurmat minn xi ħadd li Keith Schembri u Chris Cardona kienu ġew identifikati bħala suspettati minn esperti tal-Qorti.
Huwa spjega li l-esperti maħtura mill-Qorti ma setgħux jgħaddu informazzjoni direttament lill-investigaturi, peress li kienu jirrispondu biss lill-Qorti. Skont Arnaud, kieku għamlu dan kienu jkunu qed jiksru l-liġi.
Ix-xhud żied li kull komunikazzjoni bejn il-Pulizija u l-esperti kienet issir permezz ta' talbiet formali.
B'referenza għar-rapport li tqajjem aktar kmieni fis-seduta, Arnaud qal li l-Pulizija talbet kopja tiegħu biss wara li saret taf bl-eżistenza tiegħu, sabiex tifhem x'kien ġara u x'kien fih.
Matul il-kontro-eżami, l-avukat Giannella De Marco daret fuq il-bidu tal-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Keith Arnaud ikkonferma li, fl-ewwel stadji tal-inkjesta, il-maġistrat inkwerenti ta' dak iż-żmien, illum Imħallef Consuelo Scerri Herrera, kienet sejħet lil Keith Schembri u Chris Cardona biex jixhdu.
Arnaud ikkonferma wkoll li l-Europol kellha rwol fl-investigazzjoni, kemm permezz tal-analiżi ta' data kif ukoll billi bagħtet esperti speċjalizzati biex jassistu fl-eżami tax-xena wara l-isplużjoni.
De Marco mbagħad irreferiet għal rapport li allegatament kien jindika lil Keith Schembri u Chris Cardona bħala l-moħħ wara l-qtil. Arnaud wieġeb li dak ir-rapport qatt ma wasal għand it-tim tal-investigazzjoni.
Huwa qal lill-Qorti li qatt ma kien ra dak id-dokument matul l-inkjesta u li, sa fejn jaf hu, lanqas ma ġie esebit bħala parti mill-inkjesta maġisterjali. Żied li sar jaf bl-eżistenza tiegħu biss aktar tard matul il-proċeduri.
Arnaud irrimarka wkoll li, minkejja li t-tim investigattiv ma kienx jaf b'dan ir-rapport, id-difiża kienet diġà taf bih. Huwa tenna li malli sar jaf bl-eżistenza tiegħu, għamel minn kollox biex jiġi inkluż fl-atti tal-inkjesta.
Matul il-kontro-eżami, l-avukat Giannella De Marco daret ukoll fuq il-kwistjoni tal-preżenza tal-Pulizija qrib ir-residenza ta' Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija qabel il-qtil tagħha.
L-avukat irreferiet għal xhieda preċedenti ta' Matthew Caruana Galizia, li fiha kien intqal li darba kien hemm preżenza regolari tal-Pulizija fil-viċinanzi tad-dar, iżda din allegatament waqfet wara li Lawrence Cutajar inħatar Kummissarju tal-Pulizija.
Keith Arnaud wieġeb li ma jiftakarx din il-kwistjoni u qal li lanqas ma jiftakar li investiga jekk kienx hemm bidla fl-arranġamenti ta' sorveljanza.
Meta ġie mistoqsi jekk dan is-suġġett qattx tqajjem matul l-investigazzjoni, Arnaud spjega li hu ma kienx involut f'deċiżjonijiet relatati mal-protezzjoni ta' Caruana Galizia. Żied li, sa fejn jiftakar, l-investigazzjoni kienet malajr iffukat fuq linji oħra li kienu qed jitqiesu aktar kruċjali milli jiġi stabbilit jekk il-preżenza tal-Pulizija kinitx ġiet irtirata qabel il-qtil.
Il-kontro-eżami kompla b'mistoqsijiet dwar il-monitoraġġ li l-Pulizija kienet qed tagħmel fuq l-aħwa Degiorgio qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Keith Arnaud qal li ż-żona tal-patata tal-Marsa kienet fost il-postijiet li kienu qed jiġu osservati mill-investigaturi, filwaqt li saru wkoll tfittxijiet u operazzjonijiet oħra kull fejn kien possibbli.
Fix-xhieda tiegħu spjega li l-aħwa Degiorgio kienu jidhru ta' spiss jistadu f'dik iż-żona, iżda qal li matul il-perjodu ta' sorveljanza l-Pulizija qatt ma osservat movimenti li jindikaw attività kriminali.
Arnaud żied li operazzjonijiet ta' dan it-tip kellhom isiru b'attenzjoni kbira biex il-persuni taħt osservazzjoni ma jintebħux, speċjalment meta kienu qed jinvestigaw grupp organizzat.
Meta mistoqsi jekk il-Pulizija jew is-Servizz tas-Sigurtà qattx osservaw xi ħaġa suspettuża waqt dik is-sorveljanza, Arnaud wieġeb li, sfortunatament, dan ma seħħx.
Fil-bidu tal-kontro-eżami, l-avukat Giannella De Marco staqsiet lil Keith Arnaud dwar investigazzjonijiet oħra li kienu għaddejjin qabel l-2017.
Arnaud ikkonferma li hu u l-Ispettur Kurt Zahra kienu qed jinvestigaw sensiela ta' splużjonijiet u sparaturi minn vetturi, u qal li dak iż-żmien kienu seħħew madwar sitt splużjonijiet u bejn erba' u ħames każijiet ta' sparaturi.
Meta mistoqsi jekk l-aħwa Degiorgio kinux fost il-persuni li kienu qed jiġu investigati f'uħud minn dawk il-każijiet, Arnaud wieġeb fl-affermattiv, iżda qal li ma setax jidħol f'aktar dettall biex ma jippreġudikax proċeduri oħra.
De Marco mbagħad staqsiet jekk in-numri tat-telefown tal-aħwa Degiorgio kinux qed jiġu mmonitorjati mis-Servizz tas-Sigurtà. Arnaud ikkonferma li kienu qed jiġu osservati n-numri uffiċjali tagħhom, iżda spjega li dan ma kienx japplika għall-mobile phones li kienu jużaw b'mod mhux uffiċjali.
Meta ġie mistoqsi jekk l-aħwa kinux ukoll taħt sorveljanza fiżika, Arnaud qal li ma setax iwieġeb.
L-avukat irreferiet ukoll għax-xhieda preċedenti tal-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà, li kien qal li s-sorveljanza fuq l-aħwa Degiorgio kienet saret fuq talba tal-Pulizija. Arnaud wieġeb li hu kien jiġi infurmat biss jekk dik is-sorveljanza kienet twassal għal xi riżultat ta' interess għall-investigazzjoni.
Jibda l-kontro-eżami ta' Keith Arnaud
Wara li l-prosekuzzjoni temmet il-mistoqsijiet tagħha, il-proċeduri għaddew għall-fażi tal-kontro-eżami.
F'dan l-istadju tal-ġuri, huma l-avukati tad-difiża li jagħmlu l-mistoqsijiet lix-xhud, bil-għan li jikkjarifikaw jew jikkontestaw partijiet mix-xhieda u l-evidenza ppreżentata waqt l-eżami mill-prosekuzzjoni.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll konverżazzjoni oħra rkuprata mill-mobile ta' Yorgen Fenech, din id-darba ma' eks uffiċjal li kienet taħdem fl-Uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja. Fuq ordni tal-Qorti, l-identità tagħha ma ġietx żvelata.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud qal li l-konverżazzjoni bdiet meta l-eks uffiċjal staqsiet lil Fenech jekk kienx għadu mqajjem. Ftit wara, Fenech qalilha li kien qed jippjana li jitlaq minn Malta. Meta staqsietu fejn kien sejjer, huwa rrefera għal post fejn, skont hu, kienu marru flimkien għall-ewwel darba. Għall-mistoqsija għaliex kien se jitlaq, Fenech wieġeb li kien jemmen li l-investigazzjoni kienet se tiffoka fuqu.
Il-Qorti semgħet ukoll lil Fenech jgħid li kien qed jieħu parir legali, iżda sostna li Keith Schembri kien qed "jilgħab il-logħba tiegħu". Aktar tard qal li ħassu aktar trankwill wara li tkellem mal-avukat tiegħu. L-eks uffiċjal wieġbet li minn dak li kienet qed tifhem, kellu pjan u assiguratlu li kienet hemm biex tgħinu, mingħajr ma ridet tidħol f'aktar dettalji.
Skont Arnaud, il-konverżazzjoni kompliet b'mistoqsija dwar jekk Keith Schembri kienx jaf li t-tnejn kienu qed jikkomunikaw. Hija osservat ukoll li Schembri kien qed jitbiegħed mis-sitwazzjoni, iżda Fenech wieġeb li dan ma kienx dak li kien qed jgħidlu hu.
Aktar tard, l-eks uffiċjal kitbitlu li Keith Schembri kellu bżonn ikellmu, u Fenech wieġeb li kien diġà għamel kuntatt miegħu.
Lejn tmiem il-konverżazzjoni, Fenech qal li ma kienx raqad il-lejl kollu u kiteb li kien se jitlaq lejn Sqallija, mhux għax ried, iżda għax ħass li kien obbligat jagħmel dan. Żied li ttama li hemmhekk ikun jista' jsib ftit kwiet.
Arnaud qal li wara dawn il-messaġġi l-eks uffiċjal kompliet tipprova tagħmel kuntatt ma' Fenech, iżda ma rċeviet l-ebda tweġiba, hekk kif sa dak il-ħin huwa kien diġà ġie arrestat.
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħaddi minn aktar messaġġi fuq Signal bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri.
Keith Arnaud qal li f'waħda mill-konverżazzjonijiet, Fenech jirreferi għal abbozz ta' ftehim u jgħid lil Schembri li, ladarba jkollhom il-verżjoni finali, setgħu jagħmlu xi tibdil fiha.
Skont ix-xhud, dan kien l-istess abbozz tal-ftehim marbut mal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma li aktar tard l-investigaturi sabu fil-mobile ta' Fenech.
Meta mistoqsi x'kienet il-verżjoni ta' Schembri dwar dawn il-messaġġi, Arnaud qal li, fl-istqarrijiet tiegħu lill-Pulizija, Schembri kkonferma li kien baqa' jikkomunika ma' Fenech lejlet it-tentattiv tiegħu li jitlaq minn Malta.
Arnaud żied li, skont Schembri, l-għan ta' dawk il-kuntatti kien li jipperswadi lil Fenech biex ma jitlaqx mill-pajjiż. Qal ukoll li Schembri kkonferma li t-tnejn kienu qed jiddiskutu l-abbozz tal-ftehim relatat mal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Il-prosekuzzjoni kompliet tippreżenta evidenza diġitali oħra rkuprata mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
Keith Arnaud qal li fost il-messaġġi fuq Signal kien hemm ukoll referenzi għal €20,000 fi flus kontanti u għal diskussjonijiet dwar il-ħsieb li Fenech jikkonsulta mal-avukat Giannella de Marco qabel ma jitlaq minn Malta.
Aktar tard, il-Qorti rat konverżazzjoni oħra bejn Fenech u "Uncle Ray", li fiha Fenech staqsieh jekk setax joqgħod fuqu biex jgħinu bl-ispejjeż legali. Skont Arnaud, "Uncle Ray" wieġbu li kien lest jgħinu, iżda qal li kollox kien jiddependi minn kemm ikollu flus kontanti disponibbli.
Ix-xhud imbagħad irrefera għal screenshots oħra ta' chats fuq Signal bejn Fenech u Keith Schembri, li, skont hu, l-investigaturi rnexxielhom jirkupraw minn fost aktar minn 100,000 immaġni maħżuna fil-mobile ta' Fenech.
Mill-konverżazzjoni li nqrat fil-Qorti joħroġ li Fenech staqsa lil Schembri jekk, fil-fehma tiegħu, kienx aħjar jitlaq minn Malta. Schembri wieġbu billi staqsieh jekk kienx għadu qed jaħseb biex ikellem lil Giannella de Marco.
Fenech wieġeb li kien se jipprova jagħmel kuntatt magħha u, jekk ma jirnexxilux, kien se jdur fuq avukati oħra, fosthom Tonna Lowell jew Franco Debono.
Keith Arnaud qal li, matul il-perjodu li fih kienet qed tiġi diskussa l-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma, il-Pulizija kompliet tiltaqa' regolarment biex tevalwa l-passi li kellhom jittieħdu, filwaqt li kienet għadha tistenna rispons mingħand il-Europol.
Skont ix-xhud, dak iż-żmien l-investigaturi kienu qed jikkunsidraw jekk Theuma kellux jiġi arrestat minnufih jew jekk kellhomx jistennew aktar żviluppi fl-investigazzjoni separata dwar allegat ħasil tal-flus.
Arnaud qal ukoll li l-aħħar laqgħa f'Kastilja saret bejn Settembru u Ottubru tal-2019. Huwa spjega li dawn il-laqgħat ta' aġġornament kienu bdew fl-2017 u baqgħu jsiru tul il-kors tal-investigazzjoni.
Ix-xhud imbagħad għadda għal aktar evidenza diġitali, din id-darba relatata ma' messaġġi fuq Signal.
Arnaud qal li, minbarra l-konverżazzjonijiet li kienu diġà ġew eżaminati fil-Qorti, il-Europol irkuprat screenshots ta' chats bejn Yorgen Fenech u kuntatt issejvjat bħala "George", li l-investigaturi identifikaw bħala profil użat minn ħu Yorgen, Franco Fenech.
Skont Arnaud, dawn il-messaġġi kienu ntbagħtu dakinhar li Fenech kien qed iħejji biex jitlaq minn Malta u kienu jirriflettu, fil-biċċa l-kbira, konverżazzjonijiet fuq WhatsApp li l-ġurija kienet diġà rat.
Fost il-messaġġi li nqraw fil-Qorti, Franco jwissi lil ħuh biex joqgħod attent għax, skont hu, il-mobile kien taħt sorveljanza u t-telefonata li Fenech kien għamel lil Logan kienet ġiet interċettata
Keith Arnaud qal li, hekk kif kompliet l-investigazzjoni, il-Pulizija baqgħet f'kuntatt ma' Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, kif ukoll mal-avukat tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu spjega li l-intenzjoni kienet li tiġi kkunsidrata maħfra presidenzjali għal Muscat, iżda biss jekk l-informazzjoni li kien qed jagħti setgħet tiġi vverifikata permezz ta' evidenza oħra.
Arnaud qal li, wara li l-investigaturi bdew isibu elementi li kienu jikkorroboraw parti minn dak li kien qal Muscat, saret laqgħa oħra f'Kastilja fit-18 ta' Novembru.
Ix-xhud spjega wkoll li sa dak iż-żmien Silvio Valletta ma kienx għadu involut fl-investigazzjoni. Qal li qabel telaq kien għaddielu l-kuntatt ta' Keith Schembri biex, jekk ikun hemm bżonn, ikunu jistgħu jiġu organizzati aktar laqgħat f'Kastilja.
Arnaud saħaq li dawn il-laqgħat kienu dejjem jintalbu mill-Pulizija bħala parti mill-investigazzjoni, u mhux fuq inizjattiva ta' uffiċjali f'Kastilja.
Dwar il-laqgħa tat-18 ta' Novembru, Arnaud qal li l-parti l-kbira tad-diskussjoni kienet iddur fuq il-preparamenti operazzjonali, peress li dak iż-żmien ma kienx hemm żviluppi sostanzjali oħra fil-każ
Arnaud qal li l-Pulizija kienet qablet li l-operazzjoni għall-arrest tal-allegati eżekuturi kellha titwettaq fl-4 ta' Diċembru 2017 fil-potato shed tal-Marsa.
Huwa spjega li, wara l-arresti, il-Europol baqgħet involuta fl-investigazzjoni billi kompliet tanalizza l-evidenza li kienet qed tinġabar.
Arnaud kompla jgħid li, matul l-investigazzjoni, saru diversi laqgħat oħra f'Kastilja. Fost dawk li semma kien hemm laqgħa fis-26 ta' April, li għaliha, skont hu, attendew Joseph Muscat, Keith Schembri, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Deputat Kummissarju.
Huwa rrefera wkoll għal laqgħa oħra li saret jumejn wara, li kienet tiffoka fuq il-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma. Arnaud qal li għal din kienu preżenti wkoll l-Avukat Ġenerali, uffiċjali għolja tal-Pulizija u membri parlamentari.
Ix-xhud żied li, tul dak il-perjodu, il-Pulizija kompliet tikkoordina l-ħidma tagħha permezz ta' laqgħat frekwenti mal-Avukat Ġenerali u mal-Europol hekk kif l-investigazzjoni baqgħet għaddejja.
Keith Arnaud spjega li waqt l-ewwel laqgħa li saret f'Kastilja, l-investigaturi ma żvelawx l-identità ta' persuni suspettati fl-investigazzjoni.
Skont ix-xhud, is-sitwazzjoni kienet differenti fit-tieni laqgħa, meta l-Pulizija kienet diġà identifikat is-suspettati u għaddiet isimhom lil dawk preżenti.
Arnaud qal ukoll li, minkejja dan, il-Pulizija ma tat l-ebda indikazzjoni dwar meta kienu se jsiru l-arresti, peress li d-data kienet tiddependi mill-preparamenti operazzjonali.
Huwa spjega li qabel setgħu jitwettqu l-arresti kien hemm bżonn jiġu kkoordinati r-riżorsi tal-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta' Malta u rappreżentanti tal-Europol, li kellhom ikunu preżenti f'diversi postijiet waqt l-operazzjoni.
Għalhekk, skont Arnaud, il-Pulizija kienet għadha qed tistenna l-konfermi meħtieġa, b'mod partikolari mill-Europol, u dak l-istadju kienet għadha ma ġiet stabbilita l-ebda data għall-arresti.
Keith Arnaud kompla bix-xhieda tiegħu billi rrefera għal laqgħat li l-investigaturi kellhom mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-proċess tal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Fix-xhieda tiegħu, Arnaud qal li l-ewwel laqgħa saret f'Kastilja u għaliha kien attenda wkoll l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta. Skont hu, matul dik il-laqgħa l-investigaturi infurmaw lill-Prim Ministru bl-aħħar żviluppi u x-xenarji possibbli fl-investigazzjoni tal-qtil.
Arnaud qal ukoll li aktar tard saret laqgħa oħra, lejn l-aħħar ġimgħa ta' Novembru 2019. Għalkemm ma setax jiftakar il-lista sħiħa ta' dawk preżenti, qal li kien ċert li fosthom kien hemm Keith Schembri, Joseph Muscat, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u uffiċjali oħra involuti fl-investigazzjoni.
Il-proċeduri reġgħu bdew wara l-waqfa, bil-Qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-punt ta' dritt imqajjem mid-difiża.
L-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li Keith Arnaud ma jistax jirreferi għad-data tal-lokalizzazzjoni estratta mill-mobile ta' Joseph Muscat, peress li dan il-materjal ma kienx ġie ppreżentat bħala parti mill-atti tal-kawża.
Id-deċiżjoni tfisser li dik l-evidenza ma tistax tinstema' quddiem il-ġurija f'dan l-istadju tal-proċeduri, u hija meqjusa bħala rebħa għad-difiża.
Waqfa għal break
Il-ġurati rtiraw għal ħin tal-ikel. Inkunu lura magħkom fit-3pm
Kien hawn meta l-avukat Charles Mercieca qajjem oġġezzjoni dwar referenza li Keith Arnaud għamel għad-data tal-lokalizzazzjoni estratta mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
Mercieca sostna li dan il-materjal ma jifformax parti mill-atti tal-kawża u għalhekk m'għandux jinstema' quddiem il-ġurija.
F'isem il-prosekuzzjoni, l-avukat tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella wieġeb li Arnaud kien sempliċement qed jispjega l-passi li ħadet il-Pulizija matul l-investigazzjoni u li kienet il-ġurija li fl-aħħar mill-aħħar kellha tevalwa l-piż ta' din l-evidenza. Huwa sostna wkoll li ma kien hemm l-ebda impediment legali biex isir riferiment għal dan il-materjal f'dan l-istadju tal-proċeduri.
Madankollu, l-Imħallef Edwina Grima qalet li kellha riżervi dwar dan l-argument. Hija osservat li jekk il-materjal ma jinsabx fl-atti tal-kawża, il-ġurija ma tistax tisma' dwaru, u rrimarkat li kieku l-prosekuzzjoni kienet taf li Arnaud kien se jirreferi għalih, kellha tressqu bħala parti mill-atti minn qabel.
L-Imħallef qalet li se tieħu deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni wara l-waqfa tas-seduta.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud qal li l-investigaturi rkupraw konverżazzjoni bejn Fenech u Muscat. Fost il-messaġġi li nqraw fil-Qorti, Fenech kiteb: "Narak Prim," filwaqt li Muscat wieġbu: "Iva, narak għada fis-1.30pm."
Skont Arnaud, l-għada l-konverżazzjoni kompliet, b'Muscat jistaqsi lil Fenech: "Ħadt pjaċir?" Fenech wieġbu li kien hemm ħafna nies madwaru u li kien ħassu mistħi. Dawn il-messaġġi jiġu ġurnata wara li Yorgen Fenech kien mistieden minn Joseph Muscat party l-Girgenti u f'dan l-istess party Fenech kien ta' 3 fliexken inbid bħala rigal lill Joseph Muscat. Hanwekk kien fejn Yorgen kien qal li f'dan il-party Joseph talab lill Fenech biex jitla fuq biex ikelmu, iżda din l-allegazzjoni tmur kontra l-fatt li Fenech fil-messaġġi kitiblu "bdejt nistħi nkelmek".
Arnaud qal li l-Pulizija interrogat lil Muscat dwar dawn l-allegazzjonijiet. Skont ix-xhud, Muscat ċaħad li qatt iltaqa' privatament ma' Fenech f'Kastilja jew li għaddielu xi tagħrif dwar l-investigazzjoni.
Ix-xhud żied li, wara l-allegazzjonijiet ta' Fenech li kien mar Kastilja darbtejn, l-investigaturi analizzaw ukoll id-data tal-lokalizzazzjoni mill-mobile tiegħu biex jippruvaw jivverifikaw il-verżjoni tiegħu.
F'dak il-punt tas-seduta, l-avukati tad-difiża qajmu oġġezzjoni.
Laqgħa bejn Fenech u Joseph Muscat
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħaddi mill-istqarrijiet li Yorgen Fenech ta lill-Pulizija, fosthom waħda li fiha jirrakkonta allegata laqgħa mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud qal li, skont il-verżjoni ta' Fenech, Muscat kien sejjaħlu għal laqgħa, tah rigal u matul il-konversazzjoni staqsieh dwar Melvin Theuma.
Arnaud spjega li Fenech sostna li l-eks Prim Ministru staqsieh jekk kellux fiduċja f'Theuma, u hu allegatament wieġeb li le, għax kien jaf li Theuma kien jirrekordjah.
Skont l-istqarrija ta' Fenech, Muscat imbagħad allegatament rassikurah billi qallu biex ma jinkwetax għax Theuma kien se jiġi arrestat.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud qal li f'waħda mill-konverżazzjonijiet Fenech jinstema' jgħid lil Theuma li persuna oħra spiċċat involuta fil-każ minħabba fih u li kienet daħlet "fin-nar" minħabba l-azzjonijiet tiegħu.
Arnaud qal li fl-istess recording Fenech jirrakkonta wkoll laqgħa li allegatament kellu ma' Keith Schembri, fejn, skont hu, Schembri qallu x'kien qal Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, waqt l-interrogazzjonijiet tal-Pulizija.
Il-Qorti semgħet ukoll lil Fenech jirreferi għal persuna li sejħilha "Valletta", eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija, u jgħid li filwaqt li kien jafda lil persuna oħra, ma kellux l-istess fiduċja fih.
Arnaud żied li r-recording tinkludi wkoll referenza għall-kundizzjoni medika ta' Keith Schembri, li kienet issemmiet minn Daphne Caruana Galizia fil-kitbiet tagħha. Skont il-konverżazzjoni, Fenech qal li kien jaf lil Schembri sew ħafna u sostna li ftit kienu dawk li kienu jafuh daqs kemm kien jafuh hu.
Fost il-partijiet l-oħra li nqraw fil-Qorti, Arnaud qal li Fenech sostna li kien staqsa lil Schembri jekk kienx għamel xi ħaġa ħażina, u allegatament irċieva t-tweġiba li messu kien qallu qabel.
Ir-recording tagħlaq b'Fenech jgħid lil Theuma li ma kienx jemmen li dak kollu li ġara kien tort tiegħu biss, filwaqt li żied li, minkejja kollox, Theuma kien baqa' ħabib tiegħu u li issa kien hu li kellu jġorr il-piż tas-sitwazzjoni
F’recording ieħor, Arnaud qal li Theuma jistaqsi lil Fenech jekk jiftakarx meta tah €150,000, u Fenech iwieġeb li jiftakar.
Skont ir-recording, Theuma jgħid ukoll li l-awtoritajiet ma kinux qed jiffokaw fuq Fenech għax, fi kliemu, kien "is-salvazzjoni tagħhom". Huwa jżid li, fil-fehma tiegħu, it-tradiment kien ġej minn Keith Schembri u mhux mill-aħwa Degiorgio.
Skont ix-xhud, Fenech jgħid ukoll: "Il-Gvern se jispiċċa f’paniku... imbagħad jaslu għandi u jiena nippanikja lilek.”
F'recording oħra, Arnaud qal li Fenech jinstema' jgħid lil Theuma: "Qatt ma għedtlek li din ma kinitx problema kbira. Se nagħmel kulma nista'."
Il-Qorti semgħet ukoll li Fenech irrefera għal telefonata li kien għamel lil Keith Schembri l-ġurnata ta' qabel. Skont Arnaud, Fenech qal li Schembri staqsieh jekk kienx għenu, u hu wieġbu li "ma għentnix."
F'waħda mill-konverżazzjonijiet, Arnaud qal li Fenech jinstema' jgħid lil Theuma: " jien li rrid ninkwieta."
Theuma wieġbu li ma kellux għalfejn jibża', għax jekk l-investigazzjoni kienet se tasal biex tikxef lil xi ħadd, l-ewwel persuna li kienet tissemma kien se jkun hu.
Il-Qorti semgħet ukoll recording ieħor fejn Theuma qal lil Fenech li l-Fulu, il-Koħħu u ċ-Ċiniż kienu jafu bih. Fenech ċaħad dan, iżda Theuma assigurah li qatt ma kien żvela ismu lil dawn il-persuni u saħansitra qal li kien lest jaħlef fuq ibnu dwar dan.
Arnaud żied li, skont il-konklużjonijiet tal-investigaturi, recording ieħor kien marbut ma' dak li Theuma kien iddeskriva bħala tentattiv biex jinħoloq sens ta' paniku fih wara li beda jiċċirkola l-allegat tagħrif li Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, kien qed jitkellem mal-Pulizija.
Ix-xhud qal li aktar tard Theuma beda jissuspetta li dik l-informazzjoni ma kinitx korretta u li Muscat ma kienx tkellem mal-investigaturi f'dak l-istadju tal-investigazzjoni.
Arnaud spjega li f'waħda mill-konverżazzjonijiet Fenech jinstema' jagħti flus lil Melvin Theuma biex imur vaganza u jistrieħ. Skont ix-xhud, dan kien fatt li ġie kkonfermat ukoll minn Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, waqt l-istqarrija tiegħu lill-Pulizija.
F'recording oħra, Arnaud qal li Fenech jinstema' jagħti istruzzjonijiet lil Theuma biex "armi kollox."
Il-Qorti semgħet ukoll spjegazzjoni fuq recording li fih isir diskors dwar il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia, li dak iż-żmien kien qed jiġi analizzat fil-Ġermanja. Skont Arnaud, Theuma staqsa lil Fenech jekk kienx tkellem mal-maġistrat u mal-Prim Ministru dwar il-laptop, u Fenech wieġeb li "dak ikun l-akbar żball ta' ħajti."
Arnaud irrefera wkoll għal recordings oħra dwar il-flus li kienu qed jingħataw lill-aħwa Degiorgio. Skont ix-xhud, Theuma jitkellem dwar pagamenti li kienu qed jgħaddu għandhom, filwaqt li Fenech jikkonferma li kien qed jassisti lill-aħwa u li kien se jkompli jagħmel dan.
Fost il-kliem li nqara fil-Qorti, Fenech jinstema' jgħid ukoll: "Ma nistgħux niżbaljaw għax indaħħlu aktar nies fl-inkwiet." Arnaud żied li fl-istess konverżazzjonijiet Fenech jesprimi wkoll il-frustrazzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-aħwa Degiorgio ma kinux ingħataw il-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni kompliet tirreferi għar-recordings sigrieti miġbura matul l-investigazzjoni, li, skont Keith Arnaud, ma jikkorroborawx il-verżjoni li Yorgen Fenech ta lill-Pulizija dwar il-pagament inizjali ta' €50,000.
Fix-xhieda tiegħu, Arnaud qal li f'waħda mir-recordings Fenech jinstema' jgħid lil Melvin Theuma: "Għaffiġtha... issa m'hemm xejn x'tista' tagħmel."
F'recording oħra, skont Arnaud, Fenech jgħid: "Ejja ma ndaħħlux aktar nies fix-xibka... Keith bagħat għalija biex ngħin."
Arnaud qal li, fil-fehma tal-investigaturi, dawn il-konverżazzjonijiet ma kinux jaqblu mal-verżjoni li Fenech ta aktar tard waqt l-interrogazzjonijiet tiegħu.
Arnaud qal li Fenech ammetta wkoll li kien ta €50,000 lil Theuma, iżda ċaħad li dawk il-flus kienu marbuta mal-qtil.
Madankollu, skont ix-xhud, il-kronoloġija deskritta minn Fenech ma kinitx tikkorrispondi ma' dik li l-Pulizija kienet stabbiliet mill-investigazzjoni. Arnaud żied li l-istqarrijiet tal-allegati eżekuturi kienu konsistenti mal-linja taż-żmien tal-investigaturi, u għalhekk il-verżjoni ta' Fenech ġiet ikkontestata waqt l-interrogazzjonijiet.
Il-Qorti semgħet ukoll li, meta mistoqsi dwar pagament ta' €120,000, Fenech qal li kien se jwieġeb aktar tard, iżda dik it-tweġiba qatt ma ngħatat.
Arnaud żied li Fenech ammetta wkoll li kien għadda pagamenti li b'kollox ammontaw għal €450,000, ċifra li, skont l-investigaturi, kienet taqbel ma' dik li Melvin Theuma kien diġà semma fix-xhieda tiegħu
Keith Arnaud kompla bix-xhieda tiegħu dwar il-verżjoni li Yorgen Fenech ta lill-investigaturi kemm dwar l-allegat tentattiv tiegħu li jitlaq minn Malta kif ukoll dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Dwar il-vjaġġ bid-dgħajsa, Arnaud qal li Fenech baqa' jinsisti li qatt ma kellu l-intenzjoni jaħrab u sostna li kien saħansitra ħalla l-GPS tad-dgħajsa mixgħul. Madankollu, skont ix-xhud, il-provi miġbura matul l-investigazzjoni kienu jindikaw verżjoni differenti.
Fir-rigward tal-qtil, Arnaud qal li Fenech dejjem ċaħad li qatt ħallas biex titwettaq il-qtil u sostna li l-verżjoni mogħtija minnu ma kinitx taqbel mal-kronoloġija tal-avvenimenti li l-investigaturi kienu bnew mill-evidenza.
Skont Arnaud, Fenech qal li wara li tkellem ma' Keith Schembri u rċieva l-kelma "mexxi", mar lura għand Melvin Theuma u qallu biex ikompli. Madankollu, sostna li tlett ijiem wara reġa' mar għandu biex jgħidlu jwaqqaf kollox.
Nkomplu bix-xhieda minn ġewwa l-awla
Il-qorti ħa tieħu brealk ta' 30 minuta. Nkunu magħkom dalwaqt.
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħaddi minn aktar messaġġi estratti mill-mobile ta' Yorgen Fenech, fosthom konverżazzjoni ma' kuntatt issejvjat bħala "Logan Riva", li Keith Arnaud identifika bħala l-persuna maħsuba li kienet il-kaptan tad-dgħajsa.
Skont il-messaġġi li nqraw fil-Qorti, Logan informa lil Fenech li d-dgħajsa kienet qed titħejja għal vjaġġ lejn Sqallija. Fenech staqsa kemm kien hemm bżonn flus kontanti, filwaqt li Logan wieġeb li ma kienx hemm bżonn ħlas jekk id-dgħajsa kienet se tiddaħħal fil-yard. Minkejja dan, Fenech tenna li l-vjaġġ kien importanti għalih.
Il-konverżazzjoni mbagħad daret fuq il-preżenza tal-midja f'Portomaso Marina. Logan avża lil Fenech li kien hemm fotografu ta' Times of Malta fuq il-post u ħeġġu biex ma jersaqx lejn il-marina.
Fenech, iżda, wieġeb li ma kienx jaħseb li kienet se tinqala' problema u qal lil Logan li, jekk xi ħadd jistaqsih, għandu jgħid li d-dgħajsa kienet qed issirilha manutenzjoni.
Lejn l-aħħar tal-iskambju, Fenech indika li l-pjan kien li jitilqu bil-baħar l-għada. Meta Logan qallu li s-sitwazzjoni kienet tidher ċara, Fenech saħaq li ried ikun ċert "100%" qabel ma jagħmlu kwalunkwe moviment.
Il-prosekuzzjoni kompliet taqra messaġġi oħra bejn Yorgen Fenech u ħuh, li kienu jiffukaw fuq il-loġistika ta' kif seta' jitlaq minn Malta.
Skont il-konverżazzjoni ppreżentata fil-Qorti, ħu Fenech wissieh biex joqogħdu attenti fl-użu tal-flus kontanti, għax seta' jkun hemm kontrolli mill-Pulizija.
Meta Fenech staqsa għala, ħuh wieġbu li Logan – li, skont Keith Arnaud, huwa maħsub li kien il-kaptan tad-dgħajsa – kellu bżonn €5,000. Fenech wieġeb li hu kellu madwar €20,000 fi flus kontanti.
Mill-istess chats joħroġ ukoll li Fenech allegatament ippjana li jitlaq bil-baħar flimkien ma' Logan, filwaqt li ssuġġerixxa li ħuh u Simon jaqsmu lejn Sqallija bil-lanċa. Qabel tintemm il-konverżazzjoni, talab ukoll lil ħuh biex jikseb "feedback mingħand Aunty".
Chats bejn Fenech u kuntatt identifikat bħala "Papa"
Il-prosekuzzjoni kompliet tippreżenta konverżazzjonijiet oħra rkuprati mill-mobile ta' Yorgen Fenech, din id-darba ma' kuntatt issejvjat bħala "Papa", li Keith Arnaud spjega kien qed jintuża minn ħu Yorgen, Marco Fenech.
Mill-messaġġi, mibgħuta fid-19 ta' Novembru 2019, joħroġ li Yorgen talab lil ħuh biex jagħmel kuntatt ma' "Uncle Ray". Ftit tal-ħin wara, ħuh wieġbu li "Uncle Ray" kien qallu biex jipprova "jirbaħ ftit ħin."
Il-konverżazzjoni mbagħad daret fuq il-possibbiltà li Yorgen jikkuntattja lill-avukat Giannella de Marco. Ħuh wieġbu li kien imissu għamel dan ħafna qabel u ħeġġu jieħu l-parir tagħha dwar x'kien l-aħjar pass li jmiss.
Aktar tard, Yorgen staqsa jekk setgħux jagħmlu kuntatt magħha u qal li "Uncle Ray" x'aktarx kellu n-numru tagħha. Sussegwentement bagħat in-numru tal-avukat Gianluca Caruana Curran, filwaqt li ħuh wieġbu li kien se jagħmel kuntatt minnufih.
Il-konverżazzjoni tagħlaq b'talba oħra mingħand Yorgen biex jippruvaw iġibu lill-avukat tmur id-dar tiegħu, b'ħuh iwieġeb li Gianluca kien se jipprova jagħmel kuntatt magħha..
Il-prosekuzzjoni kompliet taqra fil-Qorti konverżazzjonijiet oħra bejn Yorgen Fenech u "Uncle Ray", mibgħuta aktar tard dak il-lejl waqt li Fenech kien f'Portomaso Marina.
Mill-messaġġi ppreżentati joħroġ li Fenech informa lil "Uncle Ray" li fuq il-post kienu diġà waslu ġurnalisti ta' Times of Malta. B'reazzjoni, "Uncle Ray" esprima l-fehma li xi ħadd kien għarraf lill-midja b'dak li kien qed jiġri.
Il-konverżazzjoni turi wkoll lil Fenech jesplora l-possibbiltà li jitlaq b'titjira aktar tard dak il-lejl, filwaqt li f'messaġġ ieħor jissemma li kien hemm bżonn xi ħadd imur il-marina.
Fenech irrefera wkoll għal Franco, u qal li kien qed jitkellem aktar milli suppost għax kien jaħseb li kien qed jgħin is-sitwazzjoni.
Aktar tard fil-konverżazzjoni, meta ġie mistoqsi kif sar jaf bil-preżenza tal-midja, Fenech qal li kien ġie infurmat minn Ivan, persuna li, skont hu, kienet fil-newsroom meta bdiet issir diskussjoni dwar il-każ.
F'dan il-punt, l-Imħallef Edwina Grima talbet kjarifika dwar min kien Ivan, u Keith Arnaud wieġeb li kien ġurnalist.
Fost il-messaġġi ppreżentati, Fenech talab lil "Uncle Ray" jieħu ħsieb il-familja tiegħu u kiteb li "Alla biss jaf x'se jiġri minni."
Il-konverżazzjoni mbagħad daret fuq il-flus, b'"Uncle Ray" jgħid li Franco kellu ammont sostanzjali ta' flus kontanti. Fenech, iżda, wieġeb li ma kellux bżonnhom dak il-ħin. Meta ssemmiet il-possibbiltà li jintużaw bank cards, huwa wissa li dawn setgħu jiġu rintraċċati.
Aktar tard, "Uncle Ray" informa lil Fenech li kien tkellem ma' "K". Fenech wieġeb li ma kienx jaħseb li dakinhar kienet se sseħħ xi azzjoni kontrih, iżda l-konverżazzjoni għalqet b'twissija mingħand "Uncle Ray": "tafda lil ħadd."
Il-konverżazzjoni kompliet turi lil Yorgen Fenech jiddiskuti possibbiltajiet differenti biex jitlaq minn Malta lejlet l-arrest tiegħu.
Fost il-messaġġi li nqraw fil-Qorti, Fenech kiteb li ma kienx hemm titjiriet lejn Pariġi u qal li xtaq jitkellem mal-avukat tiegħu qabel ma jitlaq. Meta "Uncle Ray" qallu li ma kienx qed jirnexxilu jagħmel kuntatt magħha, issuġġerielu jara jekk setax juża t-terminal VIP tal-ajruport. Iżda Fenech wieġeb li ma kellux fiduċja f'dik l-għażla u qal li kien qed jikkunsidra li jitlaq bil-baħar.
Fil-konverżazzjoni jissemma wkoll kuntatt identifikat bħala "K", li Keith Arnaud ikkonferma fil-Qorti li jirreferi għal Keith Schembri.
Aktar tard, "Uncle Ray" bagħat lil Fenech artikli dwar l-investigazzjoni, filwaqt li t-tnejn iddiskutew ukoll il-flus kontanti. Fenech qal li ried jiżgura li ma jħallix lill-familja tiegħu mingħajr sostenn finanzjarju.
Il-konverżazzjoni tagħlaq b'talba ta' Fenech lil "Uncle Ray" biex jieħu ħsieb uliedu, qabel dan awguralu li jibqa' sigur.
Il-prosekuzzjoni kompliet tippreżenta messaġġi rkuprati mill-mobile ta' Yorgen Fenech, fosthom konverżazzjoni oħra mal-kuntatt "Uncle Ray", skambjata ftit sigħat qabel l-arrest tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu, Keith Arnaud spjega li "Uncle Ray" informa lil Fenech li l-għada kienet mistennija tiġi ppubblikata storja oħra fil-midja dwar il-każ, u allegatament qallu li dik l-informazzjoni kienet ġiet mgħoddija lilu minn Frank Psaila.
Skont il-konverżazzjoni, Fenech wieġeb li kien se jitkellem mal-avukat Giannella de Marco. "Uncle Ray" imbagħad offra li jikkuntattjaha hu stess u ħeġġeġ lil Fenech biex ifittex post sigur qabel ma jkun tard wisq.
Il-messaġġi juru wkoll lil Fenech jitlob biex l-avukat tiltaqa' miegħu fir-residenza tiegħu qabel ma jitlaq.
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħaddi mill-kontenut estratt mill-mobile ta' Yorgen Fenech, fejn, skont Keith Arnaud, instabu messaġġi dwar vjaġġ lejn Nizza mibgħuta fid-19 ta' Novembru 2019, ġurnata qabel l-arrest tiegħu.
Ix-xhud spjega li l-konverżazzjoni kienet ma' kuntatt identifikat bħala "Pilot of son", li allegatament bagħat lil Fenech diversi għażliet ta' titjiriet.
Fost l-għażliet diskussi kien hemm ukoll titjira privata li kienet tiswa madwar €13,000.
Keith Arnaud kompla jgħaddi mill-evidenza diġitali miġbura matul l-investigazzjoni, b'referenza għal konverżazzjoni li l-Pulizija rkuprat mill-iPhone ta' Yorgen Fenech wara l-arrest tiegħu.
Skont ix-xhud, l-esperti forensiċi rnexxielhom jirkupraw parti mill-kontenut tal-apparat fi żmien qasir, u fost il-konverżazzjonijiet li ġew analizzati kien hemm chat ma' kuntatt jismu Uncle Ray.
Arnaud spjega li din il-konverżazzjoni kienet tiftaħ b'link għal artiklu ppubblikat fis-17 ta' Novembru 2019 dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, li kien jinkludi wkoll kummenti tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien.
Wara li bdew il-proċeduri, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud kompla bix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurija.
Matul is-seduta, il-prosekuzzjoni ppreżentat sensiela ta' dokumenti u recordings bħala parti mill-evidenza fil-każ. Arnaud spjega li dawn jinkludu recordings tal-istqarrijiet ta' diversi persuni interrogati matul l-investigazzjoni, fosthom Dr Adrian Vella, Keith Schembri, Melvin Theuma, Kenneth Camilleri u Edgar Brincat.
Il-prosekuzzjoni u d-difiża jidħlu fil-kamra tal-Imħallef
Filwaqt li s-seduta għadha ma bdietx, l-avukati tal-prosekuzzjoni u tad-difiża dehru jidħlu fil-kamra tal-Imħallef Edwina Grima, fejn il-ġurati kienu diġà daħlu ftit tal-ħin qabel.
Għalissa għadu mhux magħruf x'qed jiġi diskuss, filwaqt li l-proċeduri għadhom sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni dwar kif se tkompli s-seduta.
Dewmien qabel tibda s-seduta
Is-seduta għadha ma bdietx hekk kif, ftit qabel id-daħla tal-ġurija fl-awla, wieħed mill-ġurati deher jitkellem mal-Imħallef Edwina Grima.
Wara dak l-iskambju qasir, il-ġurati reġgħu daħlu lura fil-kamra. Qabel telqet mill-awla, l-Imħallef Grima nstemgħet tgħid: "La nkun naf ngħidilkom."
Għalissa għadu mhux magħruf x'wassal għal dan id-dewmien, u s-seduta għadha ma bdietx.
Lura f’Awla 22
Bonġu bħalissa ninsab ġewwa l-awla hekk kif l-Imħallef Edwina Grima daħlet ukoll u ħa nkunu qed nkomplu bix-xhieda ta’ Keith Arnaud minn hawn u ftit ieħor