Raġel illiberat minn akkużi li stupra mara għal madwar tmien xhur wara li wegħedha li jiżżewwiġha

Il-mara qalet li ġiet stuprata ftit sigħat wara li waslet Malta għall-ewwel darba, u li l-abbuż kompla għal xhur sħaħ ; il-qorti tiddeċiedi li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-Qorti lliberat raġel Pakistani akkużat li għal tmien xhur sħaħ stupra mara li kien wiegħed li jiżżewweġ.

Nhar il-Ħamis, Aftab Prince, ta' 44 sena, instab mhux ħati ta' diversi akkużi ta' stupru li allegatament seħħew fuq medda ta' tmien xhur, bejn Awwissu tal-2018 u Mejju tal-2019.

Filwaqt li l-qorti qalet li l-vittma dehret li kienet ġarrbet trawma ġenwina, qalet li kundanna kriminali ma tistax tkun ibbażata biss fuq suspetti, jew ċertezza morali.

Prince, li joqgħod Birkirkara, kien akkużat li ġiegħel lill-mara jkollha relazzjonijiet sesswali miegħu kontra r-rieda tagħha f'diversi okkażjonijiet wara li ġiet tgħix Malta.

Fiż-żmien tal-allegati reati, Prince kien il-kap tal-Pakistani United Alliance Malta.

Relazzjoni li bdiet online u l-wegħda taż-żwieġ
Il-vittma u Prince kienu ilhom madwar tliet snin jafu lil xulxin permezz tal-midja soċjali u telefonati qabel ma hija ġiet Malta.

Il-vittma qalet lill-qorti li Prince kien wegħedha li jiżżewwiġha. Hu kien ikkonvinċiha tħalli ħajjitha fil-Pakistan biex tiġi Malta, fejn kien wegħedha wkoll li kien se jgħinha ssib impjieg.

Hija kienet bagħtitlu madwar €1,614 permezz tal-Western Union u tatu wkoll bejn €800 u €900 biex jgħin fl-ispejjeż tal-arranġamenti.

Il-mara waslet Malta fit-2 ta' Awwissu 2018.

Qalet li meta waslet, Prince kien "l-unika persuna" li kienet taf f'Malta.

Allegat li ftit sigħat wara li waslet, Prince ħadha fil-kamra tas-sodda tiegħu, sakkar il-bieb, tefa d-dawl u ġegħelha jkollha relazzjoni sesswali miegħu minkejja li kienet qed tibki u tipprova tirreżisti.

Il-mara qalet li dak iż-żmien kienet għadha verġni u li sofriet uġigħ qawwi, u ħarġilha ħafna demm waqt l-allegat stupru.

Qalet ukoll li "bkiet tul l-inċident kollu" u li f'dak il-ħin kienet qed taħseb fil-familja tagħha u bdiet ssejjaħ lil missierha.

Spjegat li t-trawma kienet aktar kbira minħabba li kienet ġejja minn kultura fejn ir-relazzjonijiet sesswali qabel iż-żwieġ jitqiesu bħala taboo.

"Ħassejtni maqbuda"
Il-mara qalet li l-allegat abbuż ma waqafx hemm.

Allegatament, fuq medda ta' xhur, Prince kien ta’ spiss jeħodha fil-kamra jew fil-karozza tiegħu u jġegħelha jkollha relazzjoni sesswali miegħu.

Insistiet li dawn l-atti qatt ma kienu bil-kunsens tagħha, iżda qalet li kienet “tħossha maqbuda”.

Waħedha f'pajjiż barrani, dipendenti emozzjonalment fuq Prince, u b’tama li xi darba kien se jiżżewwiġha, qalet li ma rat l-ebda triq oħra.

Fost l-inċidenti li semmiet, spikkat waħda li allegatament seħħet f'Diċembru tal-2018.

Qalet li kienet ilha madwar nofs siegħa tissielet miegħu, timbuttah u tipprova żżommu 'l bogħod, sakemm fl-aħħar irnexxielu jegħlibha, u stupraha.

Hija spjegat li ma marritx mill-ewwel għand il-pulizija għax kienet mistħija, beżgħana, u kienet għadha temmen li Prince seta' jżomm il-wegħda tiegħu li jiżżewwiġha.

Fl-aħħar ressqet rapport għand il-pulizija fis-17 ta' Mejju 2019, ftit jiem wara dak li qalet kien l-aħħar stupru.

It-tobba qalu li l-mara kienet ġarrbet trawma ġenwina

Minflok sabet appoġġ, il-mara qalet li ħasset li kienet qed tiġi ġġudikata mill-komunità tagħha.

Diversi persuni ħeġġewha taħfer lil Prince u saħansitra kkuntattjaw lill-ġenituri tagħha fil-Pakistan biex iġiegħluha tirtira l-akkużi.

Diversi professjonisti li kienu kkuraw lill-mara xehdu dwar it-trawma psikoloġika li kienet qed issofri.

Il-psikjatra Mark Xuereb, li kien ilu jikkuraha minn Novembru tal-2018, xehed li hija kienet żviluppat disturb ta' stress post-trawmatiku marbut mal-allegati stupri.

Huwa qal ukoll li l-imġiba tagħha kienet konsistenti mal-pressjonijiet kulturali u l-aspettattivi li spiss jiġu imposti fuq nisa li ġejjin mill-istess sfond tagħha.

Il-psikologa Michelle Sultana, li bdiet tikkuraha f'April tal-2019, qalet li l-mara kienet tbati minn dipressjoni, flashbacks rikorrenti u memorji intrużivi.

Skont ix-xhieda tagħha, il-ħsibijiet dwar l-allegati stupri kienu ħafna drabi l-ewwel ħaġa li kienet tiftakar kull filgħodu.

Anke avukat li l-mara kienet marret għandu għal parir fi Frar tal-2019 qal li kienet tidher imnikkta ħafna, u li r-reazzjonijiet tagħha kienu jixbhu lil dawk ta' persuna li qed terġa' tgħix esperjenza trawmatika immens.

Il-qorti osservat li l-esperti qalu li r-reazzjonijiet emozzjonali tagħha kienu ġenwini u spontanji.

Id-difiża issostni li r-relazzjoni kienet bil-kunsens

Meta ġie interrogat mill-pulizija, Prince wieġeb xi mistoqsijiet fejn ta d-dettalji tiegħu, iżda eżerċita d-dritt tiegħu għas-silenzju meta ġie mistoqsi jekk kellux relazzjoni sesswali mal-mara.

Waqt l-interrogazzjoni, l-Ispettur staqsieh għaliex ma kienx qed jgħid sempliċement li r-relazzjoni sesswali kienet bil-kunsens, jekk dik kienet il-linja tad-difiża tiegħu, iżda Prince baqa' ma wieġebx.

Tul il-kawża kollha, id-difiża sostniet li r-relazzjoni kienet waħda kunsenswali.

Argumentat li l-akkużi tressqu biss wara li l-mara rrealizzat li Prince ma kienx se jwettaq il-wegħda li jiżżewwiġha.

Il-qorti qalet li baqgħu dubji sostanzjali
Il-qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex issaħħaħ il-każ tagħha b'evidenza indipendenti.

B'mod partikolari, irreferiet għan-nuqqas ta' eżami mediko-legali li seta' jikkorrobora l-allegazzjoni li r-rapport sesswali kien seħħ b’mod sfurzat.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qalet ukoll li kien diffiċli li l-allegazzjoni ta' stupri ripetuti taqbel mal-fatt li l-mara baqgħet tfittex il-kumpanija ta' Prince diversi drabi fil-ġimgħa għal perjodu sostanzjali.

Żiedet li l-proċeduri kriminali bdew biss wara li l-mara rrealizzat li ż-żwieġ imwiegħed ma kienx se jseħħ.

Filwaqt li l-liġi Maltija tipprovdi li "ix-xhieda ta' xhud wieħed, jekk tiġi emmnuta, tkun biżżejjed biex tikkostitwixxi prova", il-qorti qalet li f'dan il-każ il-provi ma laħqux il-livell meħtieġ ta' prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Fis-sentenza tagħha, il-qorti kkonkludiet li "l-fatt li l-mara baqgħet volontarjament iżżomm kuntatt mal-akkużat, l-aspettattiva taż-żwieġ u ż-żmien meta ressqet l-ilment flimkien joħolqu dubju sostanzjali."

Għaldaqstant, il-qorti lliberat lil Prince mill-akkużi kollha.

More in Qrati u Pulizija