Turist jintbagħat 18-il xahar ħabs wara li attakka żewġ pulizija f’Paceville u pprova jxaħħam uffiċjal ieħor

Il-pulizija intervjeniet wara li żagħżugħ ta’ 20 sena tkeċċa minn nightclub f’Paceville; it-turist attakka lill-uffiċjali u aktar tard offra flus lil wieħed minnhom biex jipprova jakkwista l-ħelsien mill-arrest

Turist Olandiż ta’ 20 sena ġie kkundannat 18-il xahar ħabs u mmultat €7,500 nhar il-Ġimgħa wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi fuq żewġ uffiċjali tal-pulizija u li pprova jxaħħam uffiċjal ieħor wara inċident filgħodu kmieni barra nightclub f’Paceville.

Marnix Fonke, mill-Olanda, wieġeb ħati għall-akkużi kollha meta deher quddiem il-Maġistrat Monica Vella. 

Huwa deher fl-awla b’għajnu mbenġla u nfaqa’ jibki hekk kif ikkonferma l-ħtija tiegħu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta’ ta’ filgħodu tal-Ħamis fi Triq San Ġorġ, Paceville, wara li Fonke daħal f’argument ma’ bouncer tan-nightclub Footloose.

Wara li safa mkeċċa’ mill-post, huwa kompla jħaqqaqha mal-bouncer sakemm intervjeniet il-pulizija biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.

F’dan il-mument, l-Ispettur Pierguido Saliba qal, Fonke attakka uffiċjal mara tal-pulizija, qabadha mill-qmis, u tefagħha mal-art, kif deher ukoll f’filmati tas-CCTV.

Il-pulizija li kien hemm fuq il-post marru fis biex jarrestawh, iżda huwa rreżista l-arrest b’mod vjolenti u weġġa’ uffiċjal ieħor ħafif.

Wara li ttieħed l-għassa ta’ San Ġiljan, iż-żagħżugħ offra flus lil wieħed mill-uffiċjali f’tentattiv biex jakkwista l-ħelsien mill-arrest.

L-uffiċjal irrifjuta l-offerta u rrapporta immedjatament il-każ ta’ korruzzjoni lis-superjuri tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-każ huwa wieħed ta’ natura serja, speċjalment l-attakki fuq uffiċjali tal-pulizija u l-att ta’ tixħim.

Madankollu, il-kooperazzjoni tiegħu mal-investigaturi, ir-rimors tiegħu, l-ammissjoni bikrija tal-ħtija u l-fedina penali netta tiegħu ġew ikkunsidrati bħala ċirkostanzi mitiganti.

Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal sentenza fil-minimu, u d-difiża ma ressqet l-ebda sottomissjoni.

Wara li sabet lil Fonke ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess, il-Maġistrat Vella kkundannatu 18-il xahar ħabs u imponiet multa ta’ €7,500.

More in Qrati u Pulizija