L-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kienet 'staġnat' sa April 2018, jixhed Keith Arnaud

L-assistent kummissarju tal-pulizija jirrakkonta kif il-Pulizija kienet waslet f'impass qabel il-kooperazzjoni ta' Vince Muscat u Melvin Theuma tat direzzjoni ġdida lill-investigazzjoni

Ritratt: James Bianchi/MaltaToday
Ritratt: James Bianchi/MaltaToday

L-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kienet waslet fi stadju fejn "ma kienx hemm aktar avvanz" sa April tal-2018, xhed l-eks kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji Keith Arnaud fit-tielet jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech.

Fit-tielet jum tal-ġuri, Arnaud qal lill-ġurati li, minkejja l-arrest tal-allegati eżekuturi u x-xogħol intensiv tal-investigaturi, il-Pulizija kienet waslet f'impass. Kienu jafu li Melvin Theuma kien qed jirrekordja konversazzjonijiet, iżda ma kinux jafu x'kien fihom jew fejn kienu jinsabu.

Skont ix-xhud, kien proprju minn dak il-punt 'il quddiem li l-investigazzjoni bdiet tieħu direzzjoni ġdida, permezz tal-kooperazzjoni ta' Vince Muscat u aktar tard ta' Melvin Theuma.

Mill-ewwel sigħat wara l-isplużjoni sal-identifikazzjoni tal-allegati eżekuturi

Arnaud beda x-xhieda tiegħu billi spjega kif, fil-jiem immedjatament wara l-qtil, il-prijorità tal-investigaturi kienet li jippreservaw ix-xena tad-delitt fil-Bidnija u jiġbru kull evidenza possibbli.

Bl-għajnuna tal-FBI, il-Pulizija analizzat data tat-telekomunikazzjoni u waslet biex tidentifika burner phones li kienu qed jikkomunikaw biss bejniethom. Dawn eventwalment ġew attribwiti lil George u Alfred Degiorgio u lil Vince Muscat.

Ix-xhud spjega wkoll kif l-investigazzjoni wasslet għall-identifikazzjoni tad-dgħajsa Maya, li skont il-prosekuzzjoni kienet fil-Port il-Kbir fil-ħin tal-isplużjoni, u kif żbalji allegatament magħmula mill-allegati eżekuturi għenu lill-investigaturi jorbtu l-evidenza flimkien.

L-arresti u l-ewwel sinjali ta' żvilupp

Arnaud qal li l-investigazzjoni wasslet għal operazzjoni koordinata mal-Europol li fiha ġew arrestati George u Alfred Degiorgio flimkien ma' Vince Muscat.

Huwa rrakkonta kif tfittxijiet fil-baħar wasslu għall-irkupru ta' diversi mobile phones, SIM cards u materjal ieħor li l-investigaturi qiesu importanti.

Qal ukoll li d-DNA ta' Alfred Degiorgio nqabel ma' butt tas-sigarett elevat minn post ta' interess għall-investigazzjoni, filwaqt li tfittxijiet saru wkoll f'garaxxijiet u proprjetajiet oħra marbuta ma' persuni li aktar tard ġew identifikati bħala persuni ta' interess.

Vince Muscat jitlob jitkellem mal-Pulizija

Waħda mill-aktar partijiet importanti tax-xhieda kienet dwar il-mument meta Vince Muscat, permezz tal-avukat tiegħu Arthur Azzopardi, talab jiltaqa' mal-investigaturi.

Arnaud qal li Muscat beda jagħti informazzjoni li kienet taqbel ma' diversi elementi li l-Pulizija kienet diġà stabbiliet permezz ta' evidenza oħra.

Skont ix-xhud, il-verżjoni ta' Muscat tat lill-investigaturi stampa aktar ċara tal-allegat pjan tal-qtil, inkluż kif ġew osservati l-movimenti ta' Daphne Caruana Galizia, kif ġiet installata l-bomba u kif allegatament tqassmu l-flus.

Laqgħat f'Kastilja u valutazzjoni tal-investigazzjoni

Arnaud xhed ukoll dwar diversi laqgħat li saru f'Kastilja, fejn uffiċjali tal-Istat ingħataw aġġornamenti dwar l-investigazzjoni.

Huwa qal li f'dawn il-laqgħat ġew diskussi l-informazzjoni li kienet qed tingħata minn Vince Muscat, il-possibbiltà ta' aktar arresti u jekk kienx hemm lok għal maħfra presidenzjali.

Madankollu, skont Arnaud, f'dak l-istadju l-investigaturi kienu tal-fehma li kien għadu kmieni wisq biex issir tali rakkomandazzjoni.

L-investigazzjoni ddur fuq Melvin Theuma

Arnaud spjega kif il-Pulizija mbagħad bidlet l-istrateġija tagħha u fetħet investigazzjoni finanzjarja fuq Melvin Theuma.

L-għan kien li Theuma jiġi arrestat b'rabta ma' allegat ħasil ta' flus u logħob tal-azzard illegali, mingħajr ma jiġi żvelat li kien ukoll persuna ta' interess fl-investigazzjoni tal-qtil.

Theuma ġie arrestat f'Novembru tal-2019, wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li seta' kien sar jaf bl-operazzjoni ppjanata kontrih.

"Il-kaxxa tal-ġelat" u r-recordings

Arnaud qal li, wara l-arrest tiegħu, Theuma beda jikkollabora mal-investigaturi.

Fil-preżenza tal-maġistrat inkwirenti nfetħet il-famuża "kaxxa tal-ġelat", li kienet fiha recordings, dokumenti u rċevuti.

Skont ix-xhud, il-Pulizija sabet aktar minn mitt recording u dokumentazzjoni dwar allegati ħlasijiet li kienu qed isiru lill-aħwa Degiorgio.

Arnaud qal ukoll li Theuma beda jispjega għaliex kien ilu jirrekordja l-konversazzjonijiet tiegħu ma' Yorgen Fenech, filwaqt li sostna li kien jibża' li jispiċċa waħdu jġorr ir-responsabbiltà.

Il-verżjoni ta' Theuma dwar il-qtil

Arnaud irrakkonta wkoll dak li Melvin Theuma qal lill-investigaturi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech u kif, skont il-verżjoni tiegħu, ġie mitlub isib persuni biex iwettqu l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Skont ix-xhud, Theuma rrakkonta kif iltaqa' mal-aħwa Degiorgio, kif ġie miftiehem il-ħlas ta' €150,000, kif il-pjan twaqqaf temporanjament waqt il-kampanja elettorali tal-2017 u kif, wara l-elezzjoni, allegatament irċieva l-flus biex il-pjan jitkompla.

Arnaud qal ukoll li Theuma rrakkonta dwar allegat impjieg li qatt ma twettaq, il-ħlasijiet li kien jirċievi kull xahar u kif beda jżomm dokumentazzjoni u recordings ta' dak kollu li kien qed iseħħ.

Il-ġuri jkompli

It-tielet jum tal-ġuri kien iddominat kompletament mix-xhieda twila ta' Keith Arnaud, li għadda lill-ġurati kronoloġija estensiva tal-investigazzjoni mill-2017 sal-2019.

Ix-xhieda tiegħu mistennija tkompli matul il-jum ta' għada. 

18:35

Tmiem it-tielet ġurnata

Dak kien kollox għal-llum. Nerġa nkun magħkom għada b’aktar aġġornamenti u grazzi talli segwejtu dawn l-aġġornamenti.

Jaelle Borg
18:26

Keith Arnaud jgħid li, skont il-verżjoni mogħtija minn Melvin Theuma, il-pjan allegat biex jinqatlet Daphne Caruana Galizia waqaf għal perjodu qasir meta tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Skont Arnaud, Theuma rrakkonta li dak iż-żmien kien ġie infurmat minn Yorgen Fenech biex ma jsir l-ebda pass ieħor sakemm jgħaddi l-proċess elettorali.

Keith Arnaud jgħid li Melvin Theuma spjega lill-investigaturi kif, wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-2017, Yorgen Fenech allegatament ikkuntattjah u talbu jwasslu sal-ajruport.

Skont il-verżjoni ta' Theuma, waqt il-vjaġġ Fenech allegatament tah envelope kannella li kien fih €150,000.

Arnaud jgħid li Theuma sostna li dawk kienu l-flus miftiehma għall-allegat pjan tal-qtil u li żammhom għandu sakemm wasal il-mument li kellhom jitqassmu.

Ix-xhud ifakkar ukoll li, skont l-investigazzjoni, depożitu ta' €30,000 kien diġà ngħata qabel lill-allegati eżekuturi.

Arnaud jgħid ukoll li Theuma rrakkonta li baqa' jgħaddi flus lill-aħwa Degiorgio anke wara li kien beda jikkollabora mal-Pulizija, għax ħass li kien għadu marbut bl-obbligi li kien daħal għalihom qabel.

Huwa jżid li Theuma qal ukoll lill-investigaturi li kien għamel imħatra ta' €150,000 fuq rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.

 

Jaelle Borg
18:23

Kompla jgħid li Melvin Theuma spjega lill-investigaturi li, wara l-laqgħa tiegħu ma' Yorgen Fenech, mar il-potato shed fil-Marsa biex ifittex kuntatt mal-aħwa Degiorgio.

Skont Arnaud, Theuma qal li hemm iltaqa' ma' Alfred Degiorgio u ra wkoll lil Darren Debono, magħruf bħala it-Topo, li allegatament tah in-numru tat-telefown ta' Alfred Degiorgio.

Ix-xhud jgħid li, minn hemm 'il quddiem, l-investigazzjoni kienet diġà taf is-sekwenza tal-avvenimenti.

Arnaud jispjega li, skont il-verżjoni ta' Theuma, huwa aktar tard iltaqa' ma' Alfred Degiorgio fil-Busy Bee tal-Imsida, fejn għaddielu l-proposta biex jitwettaq il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Skont Theuma, Alfred Degiorgio allegatament iddiskuta l-proposta ma' ħuh George u aktar tard qabel li jwettaq il-qtil bi ħlas ta' €150,000.

Arnaud jgħid li Theuma allegatament għadda din is-somma lil Yorgen Fenech, li, skont il-verżjoni tiegħu, aċċetta li jħallas dak l-ammont.

Arnaud jgħid li Melvin Theuma rrakkonta wkoll episodju ieħor li, skont hu, seħħ xhur wara.

Skont Theuma, f'ġurnata minnhom Yorgen Fenech ċempillu u qallu li kien se jagħmillu kuntatt persuna "minn Kastilja", filwaqt li semmielu lil Sandro Craus.

Arnaud jgħid li Theuma rrakkonta li ftit wara ġie kkuntattjat u ngħata appuntament f'Kastilja. Meta wasal, qal li ltaqa' ma' Keith Schembri fuq it-taraġ.

Skont il-verżjoni mogħtija minn Theuma, Schembri qallu li kienu se jsibulu impjieg.

Arnaud jgħid li din hija l-laqgħa li matulha ttieħed ir-ritratt magħruf ta' Melvin Theuma u Keith Schembri.

Ix-xhud iżid li, skont Theuma, dak kien l-uniku kuntatt li kellu ma' Schembri. Wara dik il-laqgħa beda jirċievi ċekk ta' madwar €890 kull xahar minkejja li, skont il-verżjoni tiegħu, qatt ma mar jaħdem.

Arnaud jgħid li l-ewwel pagament wasal f'April u li ċ-ċekkijiet komplew jaslu għal seba' xhur, qabel ma waqfu kompletament għall-ħabta ta' Settembru.

Jaelle Borg
18:09

Keith Arnaud jispjega li, hekk kif komplew l-interrogazzjonijiet, Melvin Theuma ta aktar dettalji dwar kif żviluppat ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.

Skont Arnaud, Theuma qal li l-ewwel kuntatt tiegħu mal-familja Fenech kien permezz ta' Ray Fenech, iz-ziju ta' Yorgen. Maż-żmien, qal Theuma, beda jsir jaf ukoll lil Yorgen Fenech u r-relazzjoni bejniethom kompliet tiżviluppa.

Ix-xhud jgħid li Theuma spjega wkoll li eventwalment beda juża t-taxi tiegħu biex iwassal lil Yorgen Fenech u persuni oħra lejn u minn Portomaso.

Arnaud jgħid li, skont dak li rrakkonta Melvin Theuma lill-investigaturi, madwar tliet ġimgħat qabel tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Yorgen Fenech ċempillu u talbu jiltaqa' miegħu.

Skont il-verżjoni mogħtija minn Theuma, il-laqgħa saret fir-ristorant Blue Elephant f'Portomaso.

Arnaud jgħid li Theuma rrakkonta li, waqt dik il-laqgħa, Fenech staqsieh jekk kienx jaf lil George Degiorgio, magħruf bħala "iċ-Ċiniz". Theuma wieġeb li ma kienx jaf lilu personalment, iżda kien jaf lil ħuh.

Skont ix-xhud, Theuma qal li matul dik il-konversazzjoni Fenech allegatament qallu li ried li Daphne Caruana Galizia tinqatel għax, skont hu, kienet taf informazzjoni relatata ma' zijuh.

Jaelle Borg
18:00

Keith Arnaud jgħid li, waqt it-tfittxijiet li saru fid-dar ta' Melvin Theuma, l-investigaturi elevaw diversi dokumenti li, skont hu, kienu importanti għall-investigazzjoni.

Fosthom, jgħid Arnaud, instabet irċevuta miktuba bl-idejn u ffirmata mill-avukat William Cuschieri, li kienet tinsab fuq il-hood tal-kċina.

Skont ix-xhud, Theuma spjega lill-investigaturi li dik ir-rċevuta kienet tikkonferma l-kunsinna ta' flus li kienu qed jgħaddu għall-ispejjeż legali tal-aħwa Degiorgio. Arnaud jgħid li, skont il-verżjoni ta' Theuma, il-flus kienu jingħataw lil Mario Degiorgio, li mbagħad kien jgħaddihom lill-avukat.

Huwa jżid li l-Pulizija elevat ukoll dokument ieħor li kien fih noti dwar ħlasijiet fi flus kontanti li, skont l-investigazzjoni, kienu għaddew mingħand Yorgen Fenech lil Melvin Theuma.

Arnaud jgħid li Theuma kien iżomm dawn ir-rċevuti sabiex ikun jista' juri li l-flus kienu tassew qed jaslu għand il-familja Degiorgio u li hu ma kienx qed iżomm parti minnhom għalih.

Ix-xhud jgħid ukoll li, skont l-investigazzjoni, b'dan il-mod kienu għaddew kważi nofs miljun ewro biex ikopru spejjeż legali, ikel u nefqa oħra relatata mal-aħwa Degiorgio.

Arnaud iżid li, wara li ġew irkuprati r-recordings ta' Melvin Theuma, l-investigaturi bdew jisimgħuhom wieħed wieħed. Skont hu, kien hemm aktar minn mitt recording, b'uħud minnhom twal u oħrajn qosra. Huwa jgħid li mhux kollha setgħu jiġu aċċessati mill-ewwel, iżda l-Pulizija bdiet tanalizza dawk li kienu disponibbli hekk kif kompliet l-investigazzjoni.

Jaelle Borg
17:48

Keith Arnaud jkompli jgħid lill-Qorti li l-istat ta' ansjetà ta' Melvin Theuma żdied b'mod sinifikanti wara li Vince Muscat, magħruf bħala "il-Koħħu", beda jiġi interrogat mill-Pulizija.

Skont Arnaud, mill-investigazzjoni rriżulta li Theuma qatt ma kien żvela lill-allegati eżekuturi l-identità ta' Yorgen Fenech. Madankollu, huma kienu jafu li Theuma kien il-persuna li kienet qed twassal il-messaġġi u tgħaqqad il-partijiet involuti.

Ix-xhud jgħid li, f'dawk iċ-ċirkostanzi, Theuma beda jibża' li jekk xi ħadd kellu jikxef informazzjoni, hu kien se jkun l-ewwel wieħed li jissemma.

Arnaud jispjega li, skont il-verżjoni mogħtija minn Theuma, kien għalhekk li beda jieħu ritratti u jirrekordja konversazzjonijiet ma' Yorgen Fenech. Skont ix-xhud, Theuma ried ikollu materjal li seta' juri li ma kienx aġixxa waħdu jekk xi darba l-affarijiet iduru kontrih.

 

Jaelle Borg
17:40

 

Il-prosekuzzjoni turi ritratti bħala parti mill-provi

Wara pawża qasira l-prosekuzzjoni tibda tippreżenta numru ta' ritratti lill-Qorti bħala parti mill-evidenza tagħha.

L-ewwel immaġni murija tidher li hija ritratt ta' skrin ta' mobile phone. Mill-post riservat għall-pubbliku u l-midja, id-dettalji tal-immaġni ma kinux viżibbli b'mod ċar.

Keith Arnaud jgħid lill-ġurati li, għalkemm Melvin Theuma qatt ma kien impjegat ta' Yorgen Fenech, kien iqisu bħala persuna b'influwenza u poter ferm akbar minnu.

Skont Arnaud, din id-dinamika kienet waħda mir-raġunijiet għaliex Theuma allegatament għex b'biża' u ansjetà matul il-perjodu li fih seħħew l-avvenimenti relatati mal-investigazzjoni. Huwa jgħid li, skont dak li rriżulta mill-investigazzjoni, Theuma kien iħossu taħt pressjoni minħabba r-relazzjoni li kellu ma' Fenech.

 

 

 

Jaelle Borg
16:50

Wara l-qbil fuq il-maħfra presidenzjali, Theuma jibda jikxef dak li kien jaf

Keith Arnaud jgħid li, waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni, l-isem ta' Yorgen Fenech beda jidher ukoll f'messaġġi li l-Pulizija kienet irkuprat minn konverżazzjonijiet fuq l-applikazzjoni Signal.

Madankollu, Arnaud jispjega li l-investigaturi għażlu li ma jikkonfrontawx lil Melvin Theuma minnufih b'din l-informazzjoni. Skont hu, il-prinċipju li mexxew bih kien li l-ewwel tinġabar l-evidenza u mbagħad isiru l-interrogazzjonijiet.

Ix-xhud jgħid li l-avukati ta' Theuma talbu garanziji li, jekk l-informazzjoni mogħtija mill-klijent tagħhom twassal għal żviluppi sinifikanti fl-investigazzjoni u għall-identifikazzjoni ta' persuni oħra, huwa jkun ikkunsidrat għal maħfra presidenzjali. Arnaud jgħid li l-avukati esprimew ukoll tħassib dwar is-sigurtà ta' Theuma jekk dan jiddeċiedi li jikkollabora mal-Pulizija.

Huwa jispjega li wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet intlaħaq ftehim dwar maħfra presidenzjali, iżda din kienet suġġetta għal numru ta' kundizzjonijiet stretti.

Skont Arnaud, Theuma kien obbligat jiżvela dak kollu li kien jaf dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Dan kien jinkludi dak li allegatament ra u sema' hu stess, l-identità tal-persuni involuti, min tah il-flus, l-ammonti li rċieva u kif dawn allegatament tqassmu.

Arnaud jgħid li l-ftehim kien jitlob lil Theuma ma jaħbi l-ebda informazzjoni mill-investigaturi.

Ix-xhud iżid li, wara li l-maħfra presidenzjali ġiet iffirmata fid-19 ta' Novembru 2019, Melvin Theuma beda jagħti rendikont dettaljat ta' dak li, skont hu, kien jaf dwar il-każ.

 

 

Jaelle Borg
16:38

"Il-kaxxa tal-ġelat" tinfetaħ quddiem il-maġistrat

Keith Arnaud jgħid li, qabel Melvin Theuma beda jikkollabora mal-investigaturi, il-Pulizija kienet għadha identifikat biss numru limitat ta' persuni li kienet temmen li setgħu kienu marbuta mal-każ.

Skont ix-xhud, fost dawn kien hemm Theuma, li l-investigazzjoni kienet tqisu bħala l-allegat intermedjarju, kif ukoll Yorgen Fenech, li dak iż-żmien kien diġà qed jitqies bħala persuna ta' interess fl-investigazzjoni.

Arnaud jgħid ukoll li l-Pulizija kienet qed tinvestiga persuni oħra li setgħu kellhom għarfien dwar l-iżviluppi fil-ħajja ta' Theuma, fosthom Edgar Brincat, magħruf bħala "Il-Gojja", li ġie arrestat ukoll waqt l-operazzjoni marbuta mal-investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus.

Huwa jżid li l-operazzjoni ppjanata għal Novembru 2019 kienet immirata lejn Theuma, is-sieħba tiegħu, bint is-sieħba tiegħu u Brincat. Arnaud isemmi wkoll lil Johann Cremona bħala persuna li l-investigaturi kienu jqisu li setgħet kellha informazzjoni rilevanti għall-każ.

Arnaud jgħid li, meta beda jitkellem mal-investigaturi, Melvin Theuma kien jidher nervuż u kawt.

Skont ix-xhud, huwa pprova jħeġġeġ lil Theuma jibda jispjega dak li kien jaf mingħajr ma jsemmi ismijiet, iżda Theuma baqa' jidher inċert.

Arnaud jgħid li matul il-laqgħa Theuma baqa' jżomm miegħu kaxxa tal-ġelat u qal lill-investigaturi li kien lest jitkellem dwar "il-każ, il-flus, kollox."

Minħabba s-sensittività tas-sitwazzjoni, il-maġistrat inkwirenti ġie msejjaħ fid-Depot tal-Pulizija u daħal fil-kamra fejn kienu qed isiru l-interrogazzjonijiet awdjoviżivi, fil-preżenza wkoll tal-Ispettur Nicholas Vella.

Arnaud jgħid li kien għall-ħabta tal-5.25pm li l-kaxxa tal-ġelat infetħet quddiem il-maġistrat, fejn il-kontenut tagħha beda jiġi eżaminat bħala parti mill-investigazzjoni.

 

 

Jaelle Borg
16:31

Arnaud dwar Melvin Theuma: "Stennejtu differenti"

Keith Arnaud jgħid li l-impressjoni li kellu ta' Melvin Theuma qabel l-arrest kienet differenti ħafna minn dak li sab meta ltaqa' miegħu.

Ix-xhud jgħid lill-Qorti li dejjem kien jimmaġina lil Theuma bħala persuna b'karattru iebes. Madankollu, meta beda jkellmu wara l-arrest, sab persuna ferm aktar emozzjonata milli kien stenna.

Arnaud jispjega li ġie informat li Theuma kien lest jitkellem dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u sostna li kellu "kaxxa tal-ġelat" mimlija materjal li seta' jkun ta' importanza għall-investigazzjoni.

Wara li l-Financial Crimes Investigation Department (FCID) wettqet it-tfittxijiet relatati mal-investigazzjoni finanzjarja, Theuma ttieħed fid-Depot tal-Pulizija.

Jaelle Borg
16:23

Theuma talab avukati partikolari wara l-arrest, jgħid Arnaud

Keith Arnaud jgħid li, wara li Melvin Theuma ġie arrestat, huwa beda jitlob li jkun rappreżentat minn avukati li kienu mill-kamp tal-Partit Nazzjonalista.

Arnaud jgħid li wieġbu li kien liberu jitlob lil kwalunkwe avukat li xtaq.

Huwa jżid li l-Pulizija għamlet kuntatt ma' diversi avukati indikati minn Theuma. Madankollu, skont ix-xhud, dawn bdew jirrifjutaw li jirrappreżentawh.

Jaelle Borg
16:19

L-arrest ta' Melvin Theuma 

Keith Arnaud jgħid li bejn Awwissu u Ottubru tal-2019 kien qed jirċievi aġġornamenti regolari mill-Financial Crimes Investigation Department (FCID) dwar l-investigazzjoni finanzjarja fil-konfront ta' Melvin Theuma.

Huwa jispjega li l-investigazzjoni dwar allegat ħasil ta' flus u logħob tal-azzard illegali kienet waslet fi stadju avvanzat u li, sa Settembru, l-investigaturi kienu jqisuha qrib il-konklużjoni.

Arnaud jgħid li sa Ottubru kienet diġà ġiet iffissata d-data tas-16 ta' Novembru 2019 biex titwettaq operazzjoni u jiġi arrestat Theuma.

Madankollu, huwa jżid li jumejn qabel dik id-data l-Pulizija rċeviet informazzjoni li Theuma kien sar jaf li kien se jiġi arrestat u li kien qed iħejji biex ibattal l-appartament tiegħu f'Wied il-Għajn.

Minħabba dan l-iżvilupp, jgħid Arnaud, ittieħdet id-deċiżjoni li ma jistennewx sad-data ppjanata u li Theuma jiġi arrestat immedjatament, sabiex tiġi evitata kwalunkwe ħsara lill-investigazzjoni jew it-telf ta' evidenza potenzjali.

Jaelle Borg
16:09

Fl-2019 il-Pulizija bidlet l-istrateġija tagħha

Keith Arnaud jgħid li fil-bidu tal-2019 l-investigaturi ddeċidew li jbiddlu l-mod kif kienu qed javviċinaw l-investigazzjoni.

Huwa jispjega li, sa dak iż-żmien, il-Pulizija kienet waslet għall-konklużjoni li Melvin Theuma ma kienx biss jaħdem bħala xufier tat-taxi, iżda kien allegatament involut ukoll f'attivitajiet kriminali oħra, fosthom logħob tal-azzard illegali.

Arnaud jgħid li għalhekk ittieħdet deċiżjoni strateġika li Theuma ma jiġix arrestat minnufih b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Minflok, il-Pulizija bdiet tibni każ separat ta' ħasil ta' flus kontrih.

Skont ix-xhud, dan kien jippermetti lill-investigaturi jarrestaw lil Theuma mingħajr ma jiżvelaw li kien suspettat ukoll li kellu rabta mal-investigazzjoni tal-qtil. Fl-istess ħin, qal Arnaud, kien joħloq l-opportunità biex isiru tfittxijiet fil-proprjetajiet tiegħu bil-għan li jinstabu r-recordings li l-Pulizija kienet temmen li jeżistu.

Arnaud jgħid li, bħala parti minn din l-istrateġija, l-investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus ġiet fdata lill-Economic Crimes Unit, immexxija mill-Ispettur Nicholas Vella.

Huwa jżid li sa Mejju tal-2019 dik l-investigazzjoni kienet għamlet progress sostanzjali u kienet żviluppat f'każ b'saħħtu.

Arnaud jgħid li matul dan il-perjodu, l-iskwadra tal-omiċidji żammet profil baxx apposta, filwaqt li ħalliet lill-investigaturi tal-Economic Crimes Unit imexxu l-investigazzjoni finanzjarja

Jaelle Borg
16:05

Arnaud jerġa jmur Kastilja biex jagħti aġġornament

Keith Arnaud jgħid li, hekk kif kompliet tavvanza l-investigazzjoni, l-investigaturi reġgħu marru Kastilja biex jagħtu aġġornament dwar l-aħħar żviluppi.

Huwa jispjega li matul dik il-laqgħa ġew infurmati l-awtoritajiet dwar il-progress li kien sar, fosthom informazzjoni relatata ma' Melvin Theuma. Arnaud jgħid li l-investigaturi kienu osservaw lil Theuma jitkellem ma' Alfred Degiorgio f'petrol station, fatt li tqies bħala żvilupp importanti fl-investigazzjoni.

Ix-xhud jgħid ukoll li matul il-laqgħa reġgħet ġiet diskussa l-possibbiltà li Vince Muscat jingħata maħfra presidenzjali.

Madankollu, Arnaud jgħid li sal-ħabta ta' Ottubru 2018, l-investigaturi kienu waslu għall-konklużjoni li kien għadu ma jeżistix bażi biżżejjed biex tali maħfra tiġi rrakkomandata.

 

Jaelle Borg
15:58

L-investigaturi jsiru jafu bl-eżistenza ta' recordings sigrieti

Keith Arnaud jgħid li, matul l-investigazzjoni, il-Pulizija saret taf li Melvin Theuma kien ilu jirrekordja konversazzjonijiet b'mod sigriet.

Arnaud jgħid li, minn April 2018 'il quddiem, l-investigazzjoni ma kellhiex żviluppi sostanzjali minkejja li l-Pulizija kienet taf li dawn ir-recordings kienu jeżistu.

Arnaud jgħid li, għall-ħabta ta' Ġunju jew Lulju 2018, l-investigaturi bdew jirċievu l-ewwel indikazzjonijiet li Melvin Theuma kien qed jesperjenza diffikultajiet fir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.

Huwa jgħid ukoll li matul dak il-perjodu baqa' f'kuntatt mal-avukat ta' Vince Muscat, Arthur Azzopardi, dwar l-informazzjoni li kienet qed tingħata mill-klijent tiegħu.

Skont Arnaud, sa dak iż-żmien il-Pulizija kienet diġà taf li fl-allegat pjan tal-qtil kien hemm persuna li kienet qed taġixxi bħala intermedjarju u li Theuma kien jidher imħasseb u kien qed jirrekordja konversazzjonijiet b'mod sigriet.

Madankollu, jgħid ix-xhud, l-investigaturi kienu għadhom ma jafux x'kien qed jikkawża dak il-paniku, x'kien fihom ir-recordings jew fejn dawn kienu qed jinżammu.

Jaelle Borg
15:49

L-investigazzjoni ddur fuq Melvin Theuma 

Keith Arnaud jgħid li, wara l-iżviluppi fl-investigazzjoni, l-attenzjoni tal-Pulizija daret fuq Melvin Theuma. 

Huwa jispjega li l-investigaturi stabbilixxew li Theuma kien jaħdem bħala xufier tat-taxi u kien jiffrekwenta regolarment l-inħawi ta' Portomaso. 

Arnaud jgħid ukoll li, mill-investigazzjonijiet li saruirriżulta li Theuma kien għaddej minn diffikultajiet personali u li l-imġiba tiegħu kienet tinbidel ta' spissSkont ix-xhudkien hemm ġranet meta kien jidher kalmfilwaqt li f'oħrajn kien jidherimħasseb u f'paniku. 

Huwa jgħid li l-investigaturi bdew jippruvaw jifhmu jekk dan l-istat kienx marbut mal-allegat involviment tiegħu fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jew jekk kienx ġej minn ċirkostanzi oħra fil-ħajja personali tiegħu. 

 

Jaelle Borg
15:45

Arnaud lura f’Kastilja b’aktar aġġornamenti

Keith Arnaud jgħid li jumejn wara l-laqgħa ma' Vince Muscat, saret laqgħa f'Kastilja biex tiġi evalwata l-informazzjoni li kienet għadha kif waslet għand l-investigaturi.

Skont Arnaud, għal dik il-laqgħa attendew diversi uffiċjali u rappreżentanti tal-Istat, fosthom il-Ministru Owen Bonnici, l-Avukat Ġenerali u Keith Schembri, kif ukoll persuni oħra.

Huwa jispjega li matul il-laqgħa ġiet diskussa l-affidabbiltà tal-informazzjoni li allegatament kien ta Vince Muscat u jekk kienx wasal iż-żmien li jittieħdu passi ulterjuri, fosthom arresti oħra. Ġie diskuss ukoll x'seta' jingħata lura Muscat jekk l-informazzjoni tiegħu kienet twassal għal żviluppi sostanzjali fl-investigazzjoni.

Arnaud jgħid li, fl-aħħar mill-aħħar, ittieħdet id-deċiżjoni li l-investigazzjoni tkompli sabiex il-verżjoni ta' Muscat tiġi vverifikata u msaħħa b'evidenza indipendenti qabel jittieħdu aktar passi.

Ix-xhud iżid li l-għada rċieva telefonata mill-avukat ta' Vince Muscat, li, skont hu, kien jinsab allarmat wara li l-aħwa Degiorgio allegatament saru jafu li Muscat kien qed jikkopera mal-investigaturi.

Arnaud jgħid li wara dan l-iżvilupp il-Pulizija żiedet il-miżuri ta' prekawzjoni, b'attenzjoni partikolari għas-sigurtà ta' Vince Muscat hekk kif kompliet l-investigazzjoni.

Jaelle Borg
15:26

Il-laqgħa tal-‘Koħħu” li bidlet il-kors tal-investigazzjoni

Keith Arnaud ikompli jixhed dwar il-laqgħa li saret fit-23 ta' April 2018 mal-avukat Arthur Azzopardi, li dak iż-żmien kien qed jirrappreżenta lil Vince Muscat.

Arnaud jgħid li matul dik il-laqgħa, Azzopardi beda jirrakkonta l-verżjoni tal-fatti li, skont hu, Vince Muscat kien lest jiżvela jekk tingħatalu maħfra presidenzjali.

Skont Arnaud, l-informazzjoni mogħtija minn Azzopardi kienet taqbel ma' diversi elementi li l-investigaturi kienu diġà stabbilixxew permezz tad-data tat-telekomunikazzjoni u evidenza oħra.

Ix-xhud jgħid li, skont dak li ġie spjegatlu, Vince Muscat allegatament kellu r-rwol ta' lookout minn post qrib il-Victoria Lines biex josserva l-movimenti ta' Daphne Caruana Galizia.

Arnaud jgħid ukoll li, skont l-istess verżjoni, inizjalment kien qed jiġi kkunsidrat li l-qtil jitwettaq permezz ta' sparatura, iżda aktar tard allegatament ittieħdet id-deċiżjoni li jintuża apparat splussiv.

Huwa jżid li Azzopardi spjega kif l-allegati eżekuturi kienu studjaw il-vettura ta' Daphne Caruana Galizia, inkluż l-isticker li kellha fuq wara tal-karozza bin-numru tar-reġistrazzjoni QQZ, u ta dettalji dwar il-burner phones li, skont Arnaud, qablu mal-konklużjonijiet li l-investigazzjoni kienet diġà waslet għalihom.

Skont Arnaud, Azzopardi qal ukoll li Vince Muscat kien qatta' l-lejl ta' qabel il-qtil fir-residenza tal-aħwa Degiorgio f'San Pawl il-Baħar, fatt li, qal ix-xhud, kien jispjega għaliex il-burner phone attribwit lilu kien irreġistrat f'dik iż-żona matul il-lejl.

Arnaud ikompli jgħid li, skont l-informazzjoni mogħtija, l-għada filgħodu telqu lejn il-Bidnija biex jistennew lill-vittma.

Huwa jgħid ukoll li ġie spjegatlu li, fil-jum ta' qabel il-qtil, l-allegati eżekuturi kienu krew vettura simili għal dik ta' Daphne Caruana Galizia u ħaduha fil-potato shed, fejn allegatament ipprattikaw kif jiftħu vettura ta' dak il-mudell.

Allegatament, irnexxielhom jiftħu l-vettura ta' Daphne Caruana Galizia, jiksbu aċċess għall-intern tagħha u jqiegħdu l-apparat splussiv taħt is-seat tas-sewwieq. Arnaud jgħid li, skont l-informazzjoni li ngħatat lill-investigaturi, George Degiorgio kien dak li wassalhom sal-post.

Wara, skont ix-xhieda ta' Arnaud, Vince Muscat allegatament mar jorqod għand Alfred Degiorgio u l-għada filgħodu telqu flimkien lejn il-Bidnija, fejn allegatament stennew sakemm Daphne Caruana Galizia ħarġet u rikbet fil-vettura tagħha.

Jaelle Borg
15:08

Lura fl-awla ​

Lura fl-awla bil-proċeduri mistenniijin jibdew dalwaqt

Jaelle Borg
13:19

Waqfa għal break

Il-ġurati waqfu għal break ta' waranofsinhar u ġie aġġornat għat 3 ta' waranofsinhar

Jaelle Borg
13:18

Vince Muscat talab biex jitkellem, jgħid Arnaud

Keith Arnaud jgħid li l-investigazzjoni ħadet żvolta oħra meta ġie avviċinat mill-avukat ta' Vince Muscat, Arthur Azzopardi.

Skont Arnaud, Azzopardi infurmah li l-klijent tiegħu xtaq jitkellem, żvilupp li ddeskrivieh bħala "sorpriża".

Ix-xhud jispjega li ġie informat li Muscat kien lest jipprovdi informazzjoni bħala parti minn talba għal maħfra, bil-għan li eventwalment joħroġ mill-ħabs.

Arnaud jgħid li għamilha ċara li deċiżjoni dwar maħfra presidenzjali ma kinitx taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Madankollu, qal li seta' jisma' dak li Muscat kellu xi jgħid.

Huwa jispjega li, wara kuntatti mal-avukat ta' Muscat, ġiet organizzata laqgħa li saret fit-23 ta' April.

Dakinhar, jgħid Arnaud, Vince Muscat attenda flimkien mal-avukat tiegħu.

Ix-xhud jisħaq li l-laqgħa ġiet organizzata bl-akbar diskrezzjoni possibbli, minħabba s-sensittività tal-każ u r-riskji li setgħu jinħolqu kemm għall-investigaturi kif ukoll għal Muscat jekk kien se jiżvela informazzjoni dwar il-qtil.

 

Jaelle Borg
13:12

"Rajtu lil dak li ismu jibda bl-'M'?" – Telefonati mill-ħabs 

Keith Arnaud jgħid li t-tieni fażi tal-investigazzjoni bdiet wara li l-allegati eżekuturi tressqu l-Qorti.

Huwa jispjega li, minn dak il-punt 'il quddiem, l-għan tal-investigazzjoni ma kienx biss li jiġu stabbiliti l-fatti dwar it-tliet allegati eżekuturi, iżda li jiġi identifikat jekk kienx hemm persuni oħra involuti fl-allegat pjan tal-qtil.

Arnaud jgħid li matul dan il-perjodu l-Pulizija Maltija kompliet tirċievi assistenza kontinwa mill-Europol, b'investigaturi Ewropej jattendu Malta regolarment biex jappoġġjaw il-ħidma tal-investigazzjoni.

Huwa jżid li l-investigaturi ppreservaw ukoll il-blog ta' Daphne Caruana Galizia u komplew jeżaminaw il-pubblikazzjonijiet tagħha sabiex jippruvaw jifhmu jekk kienx hemm elementi li setgħu jispjegaw il-motiv wara l-qtil.

Peress li l-akkużati ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest, il-Pulizija bdiet timmonitorja wkoll iż-żjarat li kienu jirċievu fil-ħabs kif ukoll it-telefonati li kienu jagħmlu u jirċievu.

Arnaud jgħid li, fil-bidu, il-kuntatti tagħhom kienu kważi esklussivament mal-membri tal-familja. Madankollu, l-investigaturi bdew jinnotaw mudell partikolari fit-telefonati bejn George u Alfred Degiorgio u ħuhom, Mario Degiorgio.

Skont ix-xhud, fi żmien f'Marzu 2018,  kemm George kif ukoll Alfred bdew jistaqsu ripetutament l-istess mistoqsija: "Rajtu lil dak?" Kull darba li Mario kien iwieġeb fin-negattiv, il-konversazzjoni kienet tintemm kważi minnufih.

Arnaud jgħid li f'telefonata li saret f'Marzu tal-2018, George Degiorgio għamel referenza aktar speċifika għal "dak li jibda bl-'M'". Skont ix-xhud, Mario wieġbu li kien se jmur ifittxu fil-"gas", b'referenza għal kafetterija faċċata tal-Għassa tal-Ħamrun.

Arnaud jgħid li dawn il-konversazzjonijiet qajmu aktar suspetti fost l-investigaturi u wasslu biex din il-linja ta' investigazzjoni tingħata aktar attenzjoni.

Jaelle Borg
12:55

DNA, garaxx f'Ħaż-Żebbuġ u farmhouse fil-Mosta​

Keith Arnaud jgħid li waħda mill-evidenza forensika li ġiet analizzata kien sigarett li nstab mix-xena tad-delitt.

Skont ix-xhud, l-analiżi tad-DNA qabblet il-profil ġenetiku li nstab fuq is-sigarett ma' dak ta' Alfred Degiorgio. Arnaud jgħid li, skont l-investigazzjoni, dan kien element li kien jindika li Alfred Degiorgio kien preżenti fl-inħawi fejn il-Pulizija kienet diġà osservat ukoll attività relatata mal-mobile attribwit lilu.

Arnaud jgħid ukoll li l-investigazzjoni ffukat fuq garaxx fi Triq Loretu Cutajar, fiż-żona industrijali ta' Ħaż-Żebbuġ.

Huwa jispjega li dan il-post ġibed l-attenzjoni tal-investigaturi għax kien kopert mill-istess cell tower li miegħu kienu ġew irreġistrati l-ewwel attivazzjonijiet tas-SIM cards li, skont il-prosekuzzjoni, intużaw fl-apparat li attiva l-isplużjoni.

Skont Arnaud, il-garaxx kien mikri lil Robert u Adrian Agius, magħrufa bħala t-"Tal-Maksar" brothers. Minħabba dan, il-Pulizija wettqet tfittxija fil-post.

Huwa jgħid li, għalkemm waqt it-tfittxija ma nstabet l-ebda evidenza rilevanti, l-investigaturi baqgħu jqisu bħala sinifikanti l-fatt li s-SIM cards kienu ġew attivati għall-ewwel darba f'dawk l-inħawi u sostnew li dan ma deherx bħala sempliċi koinċidenza.

Arnaud isemmi wkoll farmhouse fil-Mosta li, skont l-investigazzjoni, kienet post ieħor ta' interess minħabba l-veduta tagħha fuq l-inħawi tal-Bidnija, li kienet tagħti għal fuq il-post li nstab is-sigarett, fejn rriżulta li l-farmhouse kienet ta’ Jamie Vella.

Jaelle Borg
12:48

George Degiorgio kellu n-numru tas-sieħba miktub fuq idu meta ġie arrestat

Keith Arnaud jgħid li, hekk kif l-investigazzjoni waslet fi stadju kruċjali, il-Pulizija ddeċidiet li twettaq operazzjoni koordinata ta' arresti b'kooperazzjoni mal-Europol.

Huwa jispjega li, filwaqt li inizjalment l-investigazzjoni kienet iffukata fuq ħames persuni, fl-aħħar mill-aħħar ittieħdet id-deċiżjoni li jinħarġu mandati ta' arrest fil-konfront ta' 10 persuni, hekk kif l-investigazzjoni kienet tindika li setgħu kienu involuti individwi oħra.

Arnaud jgħid li l-operazzjoni bdiet għall-ħabta tat-8.00am fil-potato shed fil-Marsa, fejn George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat instabu waħedhom. Huwa jgħid li l-arresti saru mingħajr ebda inċident.

Ix-xhud jgħid li, meta George Degiorgio ġie arrestat, ma kellux il-mobile phone tiegħu fuqu, iżda kellu n-numru tat-telefown tas-sieħba tiegħu miktub bil-pinna fuq idu.

Skont Arnaud, dan kien dettall li qajjem suspett fost l-investigaturi, peress li seta' jindika li kien qed jantiċipa li kien se jispiċċa taħt arrest u għalhekk kiteb in-numru biex ikun jista' jikkuntattjaha aktar tard.

Arnaud jgħid ukoll li ftit 'il bogħod mill-post tal-arrest instab mobile phone li l-batterija tiegħu kienet tneħħiet.

Huwa jżid li l-mobile personali ta' Vince Muscat ma nstabx waqt l-operazzjoni, u għalhekk il-Pulizija organizzat tfittxija fil-baħar bl-għajnuna ta' għaddasa tal-Forzi Armati ta' Malta, hekk kif l-investigaturi kienu tal-fehma li evidenza setgħet intremiet fl-ilma.

Mill-qiegħ tal-baħar ġew irkuprati seba' mobile phones, flimkien ma' vouchers ta' top-up u starter packs ta' SIM cards. Fost l-oġġetti elevati kien hemm ukoll il-mobile personali ta' Vince Muscat u l-burner phone li, skont l-investigazzjoni, kien qed jintuża minn George Degiorgio u li jispiċċa bin-numri 8824.

Arnaud jgħid li l-akkużati tressqu l-Qorti fil-5 ta' Diċembru 2017, filwaqt li l-4 ta' Diċembru kienet iddedikata għal tfittxijiet estensivi u l-ġbir ta' aktar evidenza marbuta mal-investigazzjoni.

Jaelle Borg
12:34

Laqgħa f'Kastilja qabel l-arresti

Keith Arnaud jgħid li, hekk kif l-investigazzjoni kompliet tavvanza, il-Pulizija waslet għall-konklużjoni li l-qtil ma setax kien twettaq minn tliet persuni biss.

Huwa jispjega li, filwaqt li l-evidenza kienet qed tipponta lejn tliet persuni bħala l-allegati eżekuturi, l-investigaturi qiesu li seta' kien hemm individwi oħra li kellhom rwol fl-allegat pjan, inkluż fil-provvista tal-isplussiv u aspetti oħra tal-operazzjoni.

Arnaud jgħid li għalhekk il-mandati ta' arrest ma kinux limitati biss għal dawk it-tliet persuni, iżda kienu jinkludu wkoll persuni oħra li l-investigazzjoni kienet qed torbot mal-każ, fosthom Robert Agius u Adrian Agius.

Huwa jżid li fl-aħħar ġimgħa ta' Novembru 2017, ġie msejjaħ għal laqgħa f'Kastilja biex jagħti aġġornament lill-Prim Ministru dwar l-istat tal-investigazzjoni.

Skont Arnaud, waqt dik il-laqgħa huwa informa lill-Prim Ministru li l-Pulizija kienet qed tħejji biex twettaq arresti, iżda qal li f'dak l-istadju kien għadu ma ġiex deċiż meta dawn kellhom isiru.

 

Jaelle Borg
12:29

"Iċ-ċirasa fuq il-kejk"

Keith Arnaud jgħid li l-investigazzjoni sabet evidenza oħra li, skont il-Pulizija, kompliet torbot il-burner phone li jispiċċa 8824 ma' George Degiorgio.

Arnaud jispjega li, fil-jum tal-qtil, il-mobile allegatament użat minn George Degiorgio spiċċa bla credit. Peress li, skont l-investigazzjoni, Degiorgio kien fuq il-baħar, ma setax jixtri top-up hu stess.

Ix-xhud jgħid li d-data tat-telekomunikazzjoni wriet li George allegatament ikkuntattja persuna jisimha Miguel u talbu biex jixtrilu credit. Aktar tard dakinhar, Miguel bagħatlu l-kodiċi ta' top-up permezz ta' SMS, li mbagħad intuża biex jiġi kkreditat il-burner phone li jispiċċa 8824.

Arnaud jgħid li dan kien element ieħor li, skont l-investigazzjoni, saħħaħ il-konklużjoni li dak l-apparat kien qed jintuża minn George Degiorgio.

"Kien żball li għamlu l-eżekuturi," jgħid Arnaud, qabel iżid li din il-biċċa evidenza kienet "iċ-ċirasa fuq il-kejk" għall-investigazzjoni.

Jaelle Borg
12:24

Analiżi tad-data twassal lill-investigaturi lejn Vince Muscat 'il-Koħħu'

Keith Arnaud jgħid li l-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni kompliet tgħin lill-investigaturi jidentifikaw min kien x'aktarx qed juża t-tliet burner phones li kienu taħt il-lenti tal-Pulizija.

Huwa jispjega li, filgħodu tas-16 ta' Ottubru 2017, it-tliet apparati kienu attivi fl-istess ħin fiż-żona tal-Bidnija qabel ma l-movimenti tagħhom komplew lejn San Pawl il-Baħar. Arnaud jinnota wkoll li wieħed minn dawn il-mobiles normalment kien iqatta' l-lejl fis-Siġġiewi, iżda fil-lejl ta' qabel il-qtil it-tliet apparati ġew lokalizzati f'San Pawl il-Baħar.

Skont ix-xhud, l-investigaturi kienu diġà qiesu li l-burner phone li jispiċċa 8824 kien qed jintuża minn George Degiorgio, filwaqt li dak li jispiċċa 8823 kien marbut ma' Alfred Degiorgio.

Fir-rigward tat-tielet apparat, li jispiċċa 8820, Arnaud jgħid li l-identità tal-utent ġiet stabbilita permezz ta' analiżi dettaljata tad-data tat-telekomunikazzjoni u tqabbil ma' informazzjoni oħra li kienet diġà f'idejn il-Pulizija.

Huwa jgħid li l-investigaturi kienu jafu li wieħed mill-eqreb assoċjati tal-aħwa Degiorgio kien Vince Muscat, magħruf bħala "il-Koħħu". Meta qabblu l-movimenti tal-mobile personali ta' Muscat ma' dawk tal-burner phone li jispiċċa 8820, l-investigazzjoni waslet għall-konklużjoni li ż-żewġ apparati kienu qed jiċċaqalqu flimkien b'mod konsistenti.

Skont Arnaud, dan kien element ieħor li għen lill-investigaturi jassoċjaw il-burner phone 8820 ma' Vince Muscat.

 

Jaelle Borg
12:21

 

 

Il-movimenti tal-'burner phones' bdew jidentifikaw min kien qed jużahom

Keith Arnaud jgħid li, meta l-investigaturi analizzaw il-movimenti tat-tliet burner phones fil-ġimgħat ta' qabel is-16 ta' Ottubru 2017, bdew jinnotaw mudell konsistenti.

Skont ix-xhud, kull darba li t-tliet apparati kienu jinxtegħlu fl-istess ħin, il-mobile li jispiċċa 8824 kien jimxi b'mod konsistenti mal-movimenti attribwiti lil George Degiorgio, filwaqt li dak li jispiċċa 8823 kien jikkorrispondi mal-movimenti ta' Alfred Degiorgio.

Arnaud jgħid li dan ta lill-investigaturi indikazzjoni qawwija dwar min x'aktarx kien qed juża kull wieħed minn dawn il-mobiles.

Huwa jispjega li, fil-jum tal-qtil, għall-ħabta tas-1.40am, it-tliet burner phones – dawk li jispiċċaw 8820, 8823 u 8824 – dehru flimkien qabel ma bdew jieħdu direzzjonijiet differenti.

Arnaud jinnota wkoll li s-SIM card li tispiċċa 8820 baqgħet attiva matul il-lejl, xi ħaġa li, skont l-investigazzjoni, ma kinitx seħħet qabel.

Skont l-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni, il-mobile li l-investigaturi jassoċjaw ma' Alfred Degiorgio mexa lejn il-Bidnija kmieni filgħodu u baqa' fiż-żona sa ftit qabel it-3.00pm.

Huwa jgħid li, ftit qabel l-isplużjoni, il-mobile li jispiċċa 8823 għamel telefonata lil dak li jispiċċa 8824, u l-konnessjoni baqgħet attiva sal-ħin tal-isplużjoni.

Arnaud iżid li, f'dak l-istadju tal-investigazzjoni, il-Pulizija kienet għadha ma rnexxilhiex tidentifika min kien qed juża l-burner phone li jispiċċa 8820.

Jaelle Borg
12:12

Il-Pulizija torbot id-data tat-telekomunikazzjoni mad-dgħajsa 'Maya'

Keith Arnaud ikompli bix-xhieda tiegħu u jgħid li l-investigaturi kienu diġà jafu lill-aħwa Alfred u George Degiorgio minħabba investigazzjonijiet oħra u ddeskriviehom bħala persuni magħrufa fid-dinja kriminali.

Arnaud jgħid li, għalkemm inizjalment il-Pulizija ma kinitx taf min kien marbut mal-attività li kienet qed tiġi osservata fiż-żona tas-Siġġiewi, l-investigaturi kienu jafu li George Degiorgio kien sid ta' dgħajsa bl-isem Maya, filwaqt li ħuh Alfred ukoll kellu dgħajsa.

Huwa jispjega li filmati minn kameras tas-sigurtà kellhom rwol importanti fl-investigazzjoni. Skont l-analiżi tal-Pulizija, għall-ħabta tas-6.30am tas-16 ta' Ottubru 2017, dgħajsa telqet mill-Port il-Kbir.

Aktar tard, ftit qabel it-3.00pm, id-dgħajsa waqfet taħt iż-żona tal- Barrakka ta' fuq, fejn kien hemm ukoll il-cell tower li kien qed jiġbed l-attenzjoni tal-investigaturi.

Arnaud jgħid li d-dgħajsa baqgħet wieqfa għal bejn ħames u għaxar minuti, inkluż fil-ħin li fih seħħet l-isplużjoni. Wara, kompliet il-vjaġġ tagħha lura lejn il-Port il-Kbir fid-direzzjoni tal-potato shed fil-Marsa.

Arnaud jgħid li l-Pulizija wettqet eżerċizzju ta' rikostruzzjoni biex tistabbilixxi jekk id-dgħajsa li dehret fil-filmati tas-16 ta' Ottubru kinitx il-Maya.

L-investigaturi marru ħdejn l-Upper Barrakka u stennew lid-dgħajsa toħroġ mill-port. Huma ffilmjawha waqt it-tluq u reġgħu għamlu dan meta rritornat lejn il-potato shed.

Skont Arnaud, meta dawn il-filmati tqabblu ma' dawk li nġibdu fil-jum tal-qtil, il-karatteristiċi tad-dgħajsa qablu.

"Wasalna għall-konklużjoni li kienet l-istess dgħajsa li dehret dakinhar," jgħid lill-ġurati

Jaelle Borg
11:36

Moviment fl-awla qabel jerġgħu jibdew il-proċeduri

Jaelle Borg
11:00

Data tat-telekomunikazzjoni twassal lill-investigaturi lejn l-aħwa Degiorgio

Keith Arnaud jgħid li, hekk kif kompliet tiġi analizzata d-data tat-telekomunikazzjoni, l-investigazzjoni bdiet tipponta lejn l-aħwa Alfred u George Degiorgio.

Huwa jispjega li, lejlet il-qtil, wieħed mill-mobiles ta' interess ġie lokalizzat għall-aħħar darba fiż-żona magħrufa bħala l-potato shed fil-Marsa.

Arnaud jgħid li dak il-post kien diġà magħruf mill-Pulizija minħabba l-persuni li kienu jiffrekwentawh, u għalhekk sar punt ieħor ta' interess fl-investigazzjoni.

Ix-xhud iżid li żewġ apparati oħra dehru ripetutament jikkonnettjaw ma' cell towers li jkopru ż-żona ta' San Pawl il-Baħar, qrib il-blokk ta' appartamenti fejn kienu joqogħdu Alfred u George Degiorgio.

Arnaud jgħid ukoll li wieħed mill-aħwa Degiorgio kien sid ta' dgħajsa, fatt li, skont l-investigazzjoni, seta' jkun rilevanti meta tqabblu l-movimenti tat-telefowns ma' evidenza oħra miġbura matul l-investigazzjoni.

Ġuri jieqaf għal nofsiegħa

Il-ġuri waqaf għal nofsiegħa. Fil-11.30 mistenni jkompli jixhed Keith Arnaud. 

Nkunu magħkom dalwaqt

Jaelle Borg
10:57

L-investigaturi jidentifikaw aktar numri ta' interess

Keith Arnaud jgħid li, hekk kif kompliet l-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni, l-investigaturi bdew jaraw stampa aktar ċara ta' dak li seta' seħħ qabel il-qtil.

"L-affarijiet bdew jaqblu ma' xulxin," jgħid Arnaud, hekk kif jispjega kif il-Pulizija bdiet tgħaqqad il-biċċiet differenti tal-evidenza.

Skont ix-xhud, l-investigazzjoni wasslet għall-konklużjoni li l-apparati użati kienu x'aktarx mobiles irħas, mixtrija apposta għal użu limitat u użati kważi esklussivament biex jikkomunikaw bejniethom.

Arnaud jgħid li d-data turi li dawn il-mobiles xi kultant baqgħu mixgħula matul il-lejl fiż-żoni tas-Siġġiewi u San Pawl il-Baħar. Madankollu, fil-jiem ta' qabel is-16 ta' Ottubru 2017, żewġ apparati dehru ripetutament fil-Bidnija, fejn baqgħu konnessi għal ħin twil maċ-cell tower li jservi l-inħawi tar-residenza ta' Daphne Caruana Galizia.

Skont Arnaud, dan kien wieħed mill-elementi li wasslu lill-investigaturi biex jissuspettaw li dawk l-apparati setgħu kienu qed jintużaw biex jiġu osservati l-movimenti tal-ġurnalista qabel l-attakk.

Arnaud jgħid ukoll li, bl-għajnuna tal-esperti tal-FBI, ġew identifikati żewġ numri oħra tat-telefown li wkoll dehru fiż-żona tal-Bidnija fil-jum tal-qtil.

Huwa jispjega li dawn iż-żewġ numri kienu jikkomunikaw biss ma' xulxin u waqfu jintużaw ftit minuti wara l-isplużjoni.

Skont ix-xhud, iż-żewġ numri ġibdu l-attenzjoni tal-investigaturi wkoll minħabba li kienu kważi identiċi, bid-differenza bejniethom tkun biss fl-aħħar żewġ ċifri, fatt li għamilhom jispikkaw waqt l-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni.

Jaelle Borg
10:50

 L-aħħar SMS u mobile li jidher li kien fuq il-baħar 

Keith Arnaud jgħid li s-SIM card li kienet installata fl-apparat elettroniku kompliet tibgħat aġġornamenti regolari dwar il-lokalità tagħha, li kollha indikaw li l-apparat baqa' fiż-żona tal-Bidnija sal-ħin tal-isplużjoni.

Skont ix-xhud, l-aħħar attività ġiet irreġistrata għall-ħabta tas-2.58pm, ftit qabel is-SIM card sparixxiet min-network tat-telekomunikazzjoni.

Arnaud jispjega li espert tal-FBI irnexxielu jirrikostitwixxi l-apparat elettroniku li kien ġie mfarrak fl-isplużjoni billi uża l-frammenti elevati mix-xena tad-delitt. Fost dawn kien hemm ukoll is-SIM card, li ppermettiet lill-investigaturi janalizzaw il-kmand li ntbagħat eżatt qabel seħħet l-isplużjoni.

Huwa jgħid li l-analiżi forensika kkonkludiet li dak il-messaġġ SMS kien il-kmand li attiva l-apparat splussiv.

Arnaud jgħid li wara din l-analiżi, l-investigaturi ffukaw fuq it-tieni SIM card, li kienet qed tikkonnettja ma' cell towers li jkopru ż-żona tal-Port il-Kbir.

Skont ix-xhud, il-mudell tal-attività tagħha kien jikkorrispondi ma' dak tas-SIM card li kienet fl-apparat splussiv fil-Bidnija. Dan il-mobile, jgħid Arnaud, inxtegħel ftit qabel l-isplużjoni.

Mill-analiżi tal-moviment tiegħu bejn cell tower u ieħor, l-investigaturi waslu għall-konklużjoni li l-persuna li kienet qed tuża dan il-mobile x'aktarx kienet fuq il-baħar.

Arnaud jispjega li l-konnessjonijiet kienu qed jinbidlu f'intervalli qosra ħafna ta' ħin, b'mod li ma kienx kompatibbli ma' moviment fuq l-art, iżda kien jindika moviment kontinwu fuq il-baħar.

 

Jaelle Borg
10:42

Żewġ SIM cards jikkomunikaw biss bejniethom, jgħid Arnaud

Keith Arnaud jgħid li l-investigazzjoni sabet li wieħed miż-żewġ numri tat-telefown li kienu taħt il-lenti tal-Pulizija kien konness ma' cell tower li jkopri ż-żona tal-Port il-Kbir fil-Belt Valletta.

Huwa jispjega li t-tieni SIM card, dik li tispiċċa bin-numri 3752, ma kinitx imdaħħla f'mobile phone, iżda f'apparat elettroniku li seta' jirċievi messaġġi SMS u, permezz ta' kodiċi, jattiva apparat ieħor mill-bogħod.

Arnaud jgħid lill-ġurati li dawn it-tip ta' apparati jintużaw biex apparat elettroniku jiġi attivat b'mod remot wara li jirċievi messaġġ b'kodiċi speċifiku.

Mill-investigazzjoni rriżulta li ż-żewġ SIM cards kienu ġew attivati fl-2017 u, matul il-perjodu kollu li kienu attivi, ikkomunikaw biss ma' xulxin. Skont Arnaud, din mhijiex imġiba normali għal mobile phone ordinarju.

Ix-xhud iżid li ż-żewġ SIM cards kienu jinxtegħlu u jintfew fl-istess ħin u qatt ma rriżulta li kkomunikaw ma' numri jew apparati oħra. L-investigaturi stabbilixxew ukoll li l-ewwel darba li ġew attivati kienet fl-inħawi tax-showroom tat-Toyotaf'Ħaż-Żebbuġ.

L-ewwel "test" f'Awwissu 2017

Arnaud jispjega li permezz tal-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni, l-investigaturi setgħu jsegwu l-komunikazzjoni bejn iż-żewġ SIM cards, inkluż il-ħinijiet tal-messaġġi u l-lokalità minn fejn kienu qed jintużaw.

Skont ix-xhud, il-messaġġ mibgħut mis-SIM card li kienet fiż-żona tal-Belt kien fih il-kodiċi li kien jattiva l-apparat elettroniku.

L-investigazzjoni identifikat l-ewwel komunikazzjoni sinifikanti bejn iż-żewġ SIM cards fil-21 ta' Awwissu 2017, meta ntbagħat SMS waqt li ż-żewġ apparati kienu konnessi ma' cell tower li jkopri ż-żona ta' Burmarrad Hill View u l-Bidnija.

Arnaud jgħid li l-investigaturi jqisu din il-komunikazzjoni bħala test tas-sistema.

Huwa jżid li attività oħra ġiet irreġistrata fit-13 ta' Ottubru 2017, meta ż-żewġ apparati reġgħu ġew attivati fiż-żona ta' Santa Venera, qrib il-flyover tar-Regional Road. Dak inhar ġew skambjati diversi messaġġi qabel iż-żewġ apparati reġgħu ntefgħu.

L-aħħar attività, jgħid Arnaud, ġiet irreġistrata fis-16 ta' Ottubru 2017, il-jum tal-qtil. Skont ix-xhieda tiegħu, is-SIM card li kienet imdaħħla fl-apparat elettroniku li allegatament kien jintuża biex jattiva l-isplussiv inxtegħlet għall-ħabta tas-1.40am fil-Bidnija.

Jaelle Borg
10:25

 TNT, SMS u żewġ mobiles mitfija: Kif bdiet tieħu forma l-investigazzjoni​

Keith Arnaud jispjega li, hekk kif l-investigazzjoni bdiet tieħu direzzjoni aktar ċara, il-Pulizija għaddiet għall-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni miġbura miċ-cell towers li jkopru ż-żona tal-Bidnija.

Qabel dan, qal, l-investigaturi kienu diġà ġabru u ppreservaw filmati minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi kollha tax-xena tad-delitt.

Arnaud jgħid li l-investigazzjoni kienet għadha fl-istadji inizjali u li dak iż-żmien kien għad hemm ħafna mistoqsijiet mingħajr tweġiba. "Konna qed nibnu l-istampa biċċa biċċa," jispjega.

Huwa jikkonferma wkoll li l-esperti forensiċi identifikaw l-isplussiv użat fl-attakk bħala TNT, splussiv militari qawwi li jintuża bħala punt ta' riferiment biex titkejjel il-qawwa ta' splużjonijiet oħra.

Arnaud jgħid li, wara li ġew eżaminati eluf ta' numri tat-telefown li kienu konnessi maċ-cell towers fiż-żona, wieħed minnhom beda jispikka bħala ta' interess għall-investigazzjoni.

Skont ix-xhud, il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia rċieva messaġġ ftit qabel it-3.00pm u waqaf jaħdem fil-ħin li fih seħħet l-isplużjoni.

Fl-istess ħin, jgħid Arnaud, numru ieħor tat-telefown — 99683752 — ukoll waqaf jopera. Mill-analiżi li saret irriżulta li dan il-mobile ma kienx jintuża biex jaċċessa l-internet, iżda kważi esklussivament għal telefonati u SMS.

L-investigazzjoni sabet ukoll li, ftit qabel ma dan il-mobile intefa, kien irċieva messaġġ minn numru ieħor, 99684366.

Arnaud jgħid li dawn iċ-ċirkostanzi wasslu lill-investigaturi biex jikkunsidraw iż-żewġ numri bħala fost l-ewwel linji ta' investigazzjoni li kellhom jiġu eżaminati fid-dettall.

Jaelle Borg
10:15

Karozza bajda bin-numru "QZ" issir punt ewlieni fl-investigazzjoni  ​

Keith Arnaud jgħid li wara l-ewwel eżamijiet fuq ix-xena tad-delitt, l-investigaturi bdew janalizzaw minn liema post seta' kien qed josserva lill-vittma min allegatament kien qed isegwi l-movimenti tagħha.

Huwa jgħid li, wara spezzjoni taż-żona, ġew identifikati żewġ punti li setgħu joffru veduta ċara tar-residenza ta' Daphne Caruana Galizia mingħajr ma min kien qed josserva jkun faċilment innutat. Wieħed minn dawn kien fiż-żona tal-Victoria Lines, filwaqt li l-ieħor kien ġnien magħruf bħala L-Għarusa tal-Mosta, ħdejn il-kampus tal-MCAST, li wkoll jagħti veduta tal-inħawi tal-Bidnija.

Skont Arnaud, l-investigaturi qiesu li wieħed minn dawn il-postijiet seta' ntuża biex jiġu osservati l-movimenti tal-vittma qabel seħħet l-isplużjoni.

L-eks Supretendent jgħid ukoll li xhud kien informa lill-Pulizija li kien ra vettura bajda bin-numru tar-reġistrazzjoni li kien jibda bl-ittri "QZ" ipparkjata fl-inħawi kemm fil-jum tal-qtil kif ukoll fil-jiem ta' qabel. Skont ix-xhud, filgħodu tal-16 ta' Ottubru 2017 il-vettura kienet għadha hemm, iżda wara l-isplużjoni kienet sparixxiet.

Arnaud jgħid li dan wassal biex il-vettura saret punt ta' interess fl-investigazzjoni u ġie stabbilit li kienet mikrija mingħand kumpanija tal-leasing.

L-investigazzjoni ffukat ukoll fuq il-karozza ta' Daphne Caruana Galizia, Peugeot 108 bin-numru tar-reġistrazzjoni QQZ 668. Arnaud jgħid li, peress li l-investigaturi kienu tal-fehma li l-bomba tqiegħdet ġewwa l-vettura, kien importanti jiġi stabbilit kif seta' kiseb aċċess għaliha min allegatament poġġa l-apparat splussiv mingħajr ma l-vittma ndunat.

Huwa jispjega li l-investigaturi kkuntattjaw lill-kumpanija tal-leasing u stabbilixxew li kienu jeżistu żewġ ċwievet tal-vettura: waħda għand il-vittma u oħra għand il-kumpanija. L-ispare key ġiet elevata bħala evidenza u, skont Arnaud, mill-investigazzjonijiet li saru ma rriżultax li kienet intużat jew ġiet manipulata.

Arnaud jgħid ukoll li l-Pulizija ppruvat tidentifika l-vetturi bojod kollha bin-numru tar-reġistrazzjoni li kien jibda bl-ittri "QZ", iżda n-numru tagħhom kien sostanzjali. Għalhekk, ġew ikkuntattjati diversi kumpaniji tal-leasing sabiex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-vettura li kienet ġiet deskritta mix-xhud.

Fl-istess ħin, il-Pulizija bdiet tiġbor kull filmat disponibbli minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi tal-Bidnija. Arnaud jgħid li l-investigaturi eżaminaw kull triq li tagħti aċċess għaż-żona u niżżlu l-filmati kollha disponibbli sabiex tiġi ppreservata kull evidenza possibbli dwar il-vetturi u l-persuni li daħlu jew ħarġu mill-Bidnija dakinhar.

"Dak il-ħin konna fil-għama," jgħid Arnaud, filwaqt li jżid li l-għan kien li tiġi ppreservata kull biċċa evidenza mill-bidu nett tal-investigazzjoni, sabiex setgħu jerġgħu jirreferu għaliha hekk kif l-investigazzjoni bdiet tiżviluppa.

Jaelle Borg
10:00

Arnaud jispjega kif l-investigaturi bdew jibnu l-kronoloġija tal-aħħar minuti tal-vittma 

Arnaud jgħid li Matthew Caruana Galizia kien wieħed mill-aktar sorsi importanti ta' informazzjoni fl-ewwel sigħat tal-investigazzjoni.

Skont Arnaud, Matthew ikkonferma mal-investigaturi li ommu kienet waħedha fil-vettura meta seħħet l-isplużjoni u li kienet sejra l-bank.

Arnaud jgħid li mill-informazzjoni miġbura u mix-xena tad-delitt, l-investigaturi setgħu jistabbilixxu li l-isplużjoni seħħet hekk kif il-vettura kienet qed tinżel lejn il-parti magħrufa bħala l-Benniena.

Huwa jispjega wkoll li fuq il-post instabet toqba żgħira fl-art, li, skont l-investigazzjoni, indikat il-punt eżatt fejn seħħet l-isplużjoni.

Arnaud jgħid li diversi persuni li kienu fil-viċinanzi jew li waslu fuq il-post ftit wara l-isplużjoni ġew intervistati bħala parti mill-ewwel stadji tal-investigazzjoni.

Huwa jżid li minnufih infetħet inkjesta maġisterjali, li permezz tagħha nħatru diversi esperti sabiex jassistu fl-eżamijiet forensiċi u fl-analiżi tal-evidenza miġbura mix-xena tad-delitt.

Fir-rigward tal-aħħar movimenti ta' Daphne Caruana Galizia, Arnaud jgħid li Matthew informa lill-investigaturi li ommu kienet id-dar taħdem fuq il-laptop tagħha qabel ħarġet u rikbet fil-karozza. Madankollu, hija reġgħet daħlet fid-dar biex tieħu ċ-checkbook tagħha, qabel telqet mill-ġdid bil-vettura tagħha. Ftit minuti wara seħħet l-isplużjoni.

Jaelle Borg
09:49

Keith Arnaud jixhed dwar l-ewwel sigħat tal-investigazzjoni

L-eks Supretendent Keith Arnaud jibda x-xhieda tiegħu billi jispjega kif hu u l-Ispettur Kurt Zahra ġew imsejħa fil-Bidnija wara l-isplużjoni li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis-16 ta' Ottubru 2017.

Arnaud jgħid li, malli waslu fuq il-post, l-ewwel prijorità kienet li tiġi ppreservata x-xena tad-delitt sabiex ma tintilifx evidenza importanti.

Huwa jispjega li ftit wara ġie kkonfermat li l-vittma kienet Daphne Caruana Galizia u li, minnufih, l-investigaturi bdew jidentifikaw il-ħtiġijiet ewlenin tal-investigazzjoni.

Arnaud jgħid li dak ma kienx l-ewwel każ f'Malta li kien jinvolvi bomba mqiegħda f'vettura u għalhekk l-investigaturi diġà kellhom esperjenza dwar kif għandhom jiġu investigati dawn it-tip ta' delitti. Madankollu, qal li mill-ewwel kien ċar li kienet se tkun investigazzjoni kumplessa li kienet tirrikjedi ġbir metikoluż ta' evidenza minn fost it-tifrik biex jiġi stabbilit x'kien relatat mal-apparat splussiv u kif dan kien ġie attivat.

Huwa jgħid li, minn dak li seta' jiġi osservat prima facie fuq il-post, l-investigaturi kienu tal-fehma li l-bomba kienet tqiegħdet ġewwa l-vettura.

Arnaud jispjega li x-xena tad-delitt kienet tinsab fit-triq prinċipali tal-Bidnija, ftit metri biss 'il bogħod mir-residenza tal-vittma. Wara li tkellmu ma' binha, Matthew Caruana Galizia, irriżulta li Daphne kienet telqet mid-dar biss ftit minuti qabel seħħet l-isplużjoni.

Huwa jgħid li waħda mill-ewwel mistoqsijiet li kellhom iwieġbu kienet kif ġiet attivata l-bomba. Għalhekk, l-investigazzjoni fittxet l-assistenza tal-FBI, li, skont Arnaud, għandha esperti speċjalizzati fl-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni u tal-attività fuq iċ-cell towers.

L-investigaturi ġabru d-data mingħand il-fornituri kollha tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni li kienu jkopru ż-żona tax-xena tad-delitt sabiex janalizzaw l-attività kollha fuq iċ-cell towers u jiddeterminaw jekk l-apparat splussiv kienx ġie attivat permezz ta' mobile phone.

Arnaud jgħid ukoll li, fl-ewwel jum tal-investigazzjoni, ittieħdet id-deċiżjoni li ma jitmexxa jew jitneħħa xejn mix-xena tad-delitt sakemm jaslu l-esperti barranin, sabiex il-post jinżamm ippreservat fl-istat li nstab.

Jaelle Borg
09:30

Il-ġurnalisti jidħlu fl-awla

L-għodwa t-tajba u merħba għal-live blog tagħna mit-tielet jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech. Il-ġurnalisti jidħlu fl-awla tal-Qorti u jieħdu posthom hekk kif il-proċeduri mistennija jibdew dalwaqt. Illum il-prosekuzzjoni mistennija tibda tressaq il-każ tagħha quddiem il-ġurati, bl-ewwel xhud mistenni jixhed matul is-seduta

 

Jaelle Borg

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, bl-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukat Charles Mercieca flimkien ma’ Gianluca Caruana Curran. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.

More in Qrati u Pulizija