Kważi sentejn wara li tilfet idha f’allegat attakk ta’ kelb, Elisa Falzon dehret quddiem il-Qorti hekk kif bdew uffiċjalment il-proċeduri dwar it-talba tagħha għal kumpens.
Falzon qed titlob kumpens dwar inċident li seħħ f’Ġunju tal-2024, ħamest ijiem biss wara li hi u żewġha kienu daħħlu kelb fid-dar tagħhom taħt arranġament ta’ adozzjoni fuq bażi ta’ prova permezz tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali. Skont ir-rikors, il-kelb kien ġie deskritt bħala "mans, kalm u ġentili, addattat għall-ħajja domestika”. Falzon issostni li l-kelb attakkaha ġewwa d-dar tagħha, u kkawżalha ġrieħi tant gravi li wasslu għall-amputazzjoni ta’ driegħha.
L-ewwel seduta ffukat fuq talba proċedurali magħmula mit-tim legali ta’ Falzon, li talab lill-Qorti temenda l-partijiet imsemmija fil-proċeduri wara bidliet fil-ministeri responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, li seħħew wara bidla’ amministrattiv b’riżultat tal-elezzjoni.
L-eks Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri xehed li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali oriġinarjament kien jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, qabel ma r-responsabbiltà tiegħu għaddiet għand il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir wara l-elezzjoni.
L-avukati ta’ Falzon spjegaw li din l-emenda kienet meħtieġa sabiex il-proċeduri jirriflettu b’mod korrett l-awtoritajiet responsabbli mid-direttorat wara r-ristrutturar.
Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat li fis-seduta li jmiss jidhru rappreżentanti tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, is-Segretarju Permanenti tal-istess ministeru u l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
Falzon mistennija tibda tressaq il-provi tagħha meta l-każ jerġa’ jkompli.
Elisa Falzon qed tkun irrappreżentata mill-avukati Alessia Zammit McKean u Massimo Vella.
L-Imħallef Francesco Depasquale qed jippresiedi l-każ.