Seduta fil-konfront tal-familja Pace posposta wara li akkużati u uffiċjali nqabdu f'lift

Seduta fil-konfront ta' membri tal-familja Pace kellha tiġi posposta wara li tliet akkużati u żewġ uffiċjali korrettivi nqabdu f'lift fil-Qrati tal-Ġustizzja fil-Belt. Il-ħamsa ġew salvati mill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

 

Seduta fil-Qorti li kienet tinvolvi membri tal-familja Pace, akkużati b'allegata użura u ħasil ta' flus, ġiet interrotta nhar il-Ħamis wara li tliet akkużati u żewġ uffiċjali korrettivi nqabdu f'lift fil-Qrati tal-Ġustizzja fil-Belt Valletta.

Il-grupp kien fi triqtu lejn l-awla tal-Qorti meta l-lift prinċipali tal-binja sofra ħsara u waqaf, u ħalliehom maqbudin għal aktar minn siegħa.

Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), li wara ħidma rnexxielhom jeħilsu lill-ħames persuni. Ħadd ma weġġa' fl-inċident.

Minħabba l-inċident, is-seduta kellha tiġi posposta għall-għada. Matul is-seduta kien mistenni jinstema' x-xhieda ta' tliet esperti maħtura mill-Qorti.

Fil-każ qed jiġu akkużati sitt membri tal-familja Pace: Keith Pace, is-sieħba tiegħu Maria Grixti, il-ġenituri tiegħu Lawrence u Emanuela Pace, kif ukoll ħutu Carlos u Cleaven Pace.

Ilkoll wieġbu mhux ħatja għall-akkużi marbuta ma' allegata użura u ħasil ta' flus.

Sorsi qrib il-każ qalu li ħsarat fil-liftijiet tal-Qrati tal-Ġustizzja mhumiex xi ħaġa rari.

More in Qrati u Pulizija