Raġel ta’ 50 sena minn San Ġwann inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal diversi akkużi ta’ vjolenza domestika marbuta ma’ inċident li allegatament seħħ fis-sigħat bikrin tal-24 ta’ Ġunju.
L-imputat jinsab mixli li wettaq atti ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ martu u ż-żewġ uliedhom, li t-tnejn huma minorenni. Huwa qed jiffaċċja wkoll akkużi li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-martu u lit-tfal, hedded lill-membri tal-familja, għamel ħsara fil-proprjetà u wettaq l-allegati reati fil-preżenza ta’ minorenni.
Il-Qorti semgħet kif għall-ħabta tal-4.30am il-pulizija ssejħet fir-residenza tal-familja wara rapport ta’ argument domestiku. Malli waslu fuq il-post, l-uffiċjali allegatament sabu ħsarat estensivi fid-dar.
Skont il-prosekuzzjoni, mart l-imputat qalet lill-pulizija li żewġha għandu problema serja ta’ alkoħol u li fit-18 ta’ Ġunju kien ġie notifikat bil-karti tad-divorzju. Hija allegat li wara li rritorna mix-xogħol fis-sakra, tela’ fuq il-bejt tar-residenza u beda jehded il waħda minn uliedhom li kien se jitfa’ lil ommha minn fuq il-bejt. Allegatament hedded ukoll li jagħti n-nar lid-dar tal-familja. Il-prosekuzzjoni żiedet tgħid li meta l-imputat induna li ibnu kien ċempel lill-pulizija, allegatament beda jhedded lilu wkoll. Test tad-droga li sar wara l-arrest tiegħu rriżulta pożittiv.
Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest, u ġie kkonfermat mill-Qorti. Matul is-seduta, l-imputat baqa’ sieket u ma weġibx għall-mistoqsijiet tal-Qorti dwar id-dettalji personali tiegħu. F’ismu ddaħħlet risposta ta’ mhux ħati.
Meta talbet għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża sostniet li l-imputat kien lest isegwi trattament għall-vizzju tiegħu. Il-Qorti ġiet infurmata li huwa skedat jibda programm ta’ rijabilitazzjoni f’Dar l-Impenn fil-21 ta’ Lulju u għandu wkoll appuntament mal-Caritas fis-6 ta’ Lulju. Id-difiża argumentat ukoll li l-imputat huwa persuna mingħajr fedina kriminali, imexxi n-negozju tiegħu stess, jinsab finanzjarjament stabbli u, jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, kien se joqgħod għand ommu. Żiedu jgħid li l-ħsara li saret fid-dar ma kinitx intenzjonata iżda kienet konsegwenza tal-vizzju tiegħu.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest u sostniet li l-allegati vittmi għadhom jgħixu fl-istess dar u kienu jibqgħu f’riskju jekk l-imputat jinħeles. Intqal ukoll li l-allegat inċident seħħ waqt li t-tfal kienu reqdin u li din ma kinitx l-ewwel darba li allegatament seħħew episodji ta’ vjolenza domestika. Il-prosekuzzjoni argumentat ukoll li l-imputat kellu jfittex trattament qabel ma ġie arrestat u rreferiet għall-ġrieħi ħfief li allegatament sofrew il-vittmi.
Wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet u nnutat li l-allegati vittmi għadhom ma xehdux, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Madankollu, ordnat programm ta’ trattament favur l-imputat u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi allegati.
Il-Qorti wissiet li kwalunkwe ksur tal-ordni ta’ protezzjoni, inkluż kull kuntatt mal-allegati vittmi, jista’ jwassal għal piena ta’ sa sentejn ħabs u/jew multa sa €7,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-avukat Jose Herrera.
Il-każ ġie presedut mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.