Nhar il-Ħamis, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-konċessjoni għar-riġenerazzjoni tal-Evans Building fil-Belt Valletta għandha terġa’ tingħata lill-konsorzju Valletta Luxury Projects (VLP).
Id-deċiżjoni annullat żewġ sentenzi preċedenti tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li f’Marzu li għadda kienu annullaw l-għoti tal-kuntratt.
Żball ta’ €78 miljun
Waqt il-mili tal-formola elettronika tat-tender, VLP qalet li s-somma sħiħa tal-konċessjoni kienet se tkun €1.2 miljun tul il-65 sena, meta din iċ-ċifra fil-fatt kienet tirrappreżenta l-ħlas annwali u mhux it-total sħiħ ta’ €78 miljun fuq 65 sena.
Filwaqt li l-Bord ta’ Reviżjoni qies id-diskrepanza bejn €1.2 miljun u €78 miljun bħala bidla fis-sustanza tal-offerta, il-Qorti tal-Appell ma qablitx ma’ din l-interpretazzjoni, u qalet li twassal għal riżultat assurd.
Il-Qorti sostniet li huwa “bil-wisq improbabbli” li konsorzju bħal dak ta’ VLP kien sejjer jidħol għal “battikata liema bħalha” biex iħejji d-dokumentazzjoni kollha mitluba biex imbagħad fl-istess waqt joffri annual concession fee, li f’termini perċentwali tirrappreżenta biss madwar 6.1% tal-minimu mitlub mill-PCRB.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli spjegaw li l-korrezzjoni kienet biss teknika u mhux offerta ġdida.
Huma qalu li t-tiswija tal-iżball inkwistjoni ma setgħetx twassal għat-tfigħ ta’ offerta ġdida, iżda serviet biss bħala għodda li biha “sempliċement ġie kristallizzat dak li kien diġà ċar sa mill-bidu nett”, jiġifieri li bħala “Grand Total” għal perjodu kollu tal-kuntratt, VLP kienet qiegħda toffri s-somma ta’ 78 miljun ewro.
Il-Qorti indirizzat ukoll l-ilmenti tal-kumpanija European School of English (ESE) u l-konsorzju Katari Hospitality, li wkoll kienu tefgħu l-offerti tagħhom għall-konċessjoni.
ESE kienet allegat li l-PCRB kienet immanipulat id-dati tal-għeluq tas-sejħa biex tiffavorixxi lil Katari.
Madanakollu, il-Qorti sabet li l-estensjonijiet kienu ngħataw minħabba problemi tekniċi fis-sistema elettronika u talbiet uffiċjali oħra.
Barra minn hekk, il-Qorti ċċarat li l-kumitati tal-għażla m'għandhomx rwol ta' investigaturi finanzjarji, u qalet "la hija fil-kompetenza tal-Bord u wisq inqas fil-kompetenza tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jistħarrġu jekk il-kontijiet finanzjarji ta’ kumpanija tħejjewx kif suppost jew inkella jirriflettux b’mod leali l-qagħda finanzjarja tagħha."
Il-Futur tal-Evans Building
Bosta gruppi ambjentali u komunitarji, fosthom Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Moviment Azzjoni Soċjali u Residenti Beltin, opponew bis-sħiħ il-pjanijiet biex l-Evans Building jinbidel f’akkomodazzjoni turistika.
Fi stqarrija f’Marzu li għadda, huma qalu li r-residenti kienu ilhom jingħataw assigurazzjonijiet li l-Evans Building kellha tinbidel f’ċentru ta’ kura residenzjali tant meħtieġ għall-anzjani tal-Belt Valletta.
Huma akkużaw lill-Istat li għal bosta snin, taħt gvernijiet suċċessivi, qies l-iżvilupp kummerċjali bħala “riġenerazzjoni”, filwaqt li injora totalment l-impatt soċjali tat-turiżmu.
Il-kelliem ta’ Residenti Beltin, Billy McBee, iddeskriva l-Evans Building bħala “simbolu ta’ wegħdiet miksura u tradiment politiku”, u saħaq li n-nuqqas ta’ faċilità ta’ kura juri nuqqas ta’ rieda politika biex il-bżonnijiet tar-residenti jingħataw prijorità fuq l-interessi kummerċjali.