Il-Qorti se tiddeċiedi jekk il-każ ta’ Noel Azzopardi jistax ikompli


Il-partijiet fil-każ ressqu l-argumenti tagħhom dwar jekk il-kumpilazzjoni tal-provi għandhiex tkompli kontra Noel Azzopardi, li ġie ddikjarat mentalment mhux kapaċi jifhem il-proċeduri marbuta mal-akkużi ta’ qtil ta’ Eric Borg

Il-Qorti mistennija tiddeċiedi jekk il-proċeduri kriminali kontra Noel Azzopardi għandhomx ikomplu, wara li ġurija sabitu mentalment mhux f’pożizzjoni li jifhem il-każ miġjub kontrih.

Azzopardi jinsab akkużat bil-qtil ta’ Eric Borg, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar fl-1 ta’ Jannar 2024 fi Triq il-Fidloqqom, ir-Rabat.

Matul seduta li saret quddiem il-Qorti, il-partijiet indirizzaw il-kwistjoni legali dwar jekk il-kumpilazzjoni tal-provi tistax tkompli minkejja l-konklużjoni tal-ġurija li l-akkużat bħalissa mhux mentalment kapaċi jifhem il-proċeduri kontrih.

Id-difiża argumentat li l-kundizzjoni mentali ta’ Azzopardi tagħmilha impossibbli għalih li jagħti istruzzjonijiet adegwati lill-avukati tiegħu jew jipparteċipa b’mod effettiv fid-difiża tiegħu.

L-avukati sostnew li jekk il-proċeduri javvanzaw għall-istadju ta’ att ta’ akkuża formali, l-akkużat ma jkunx f’pożizzjoni li jiddiskuti mal-avukati tiegħu jew iqajjem eċċezzjonijiet preliminari li jistgħu jkunu rilevanti għall-każ.

Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni qablet ma’ diversi punti mqajma mid-difiża dwar l-istat mentali tal-akkużat, iżda insistiet li l-kumpilazzjoni tal-provi għandha tkompli.

Skont il-prosekuzzjoni, l-għan ewlieni f’dan l-istadju huwa li l-evidenza tinġabar u tiġi ppreservata sabiex ma tintilifx maż-żmien.

Il-prosekuzzjoni argumentat ukoll li jekk fil-futur rapport psikjatriku jikkonkludi li Azzopardi reġa’ sar kapaċi jifhem il-proċeduri kontrih, il-każ ikun jista’ jkompli mill-istadju fejn ikun wasal.

Il-qorti semgħet ukoll li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali diġà ressaq talba quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sabiex jinħatar bord ġdid ta’ tliet psikjatri li jevalwaw mill-ġdid lill-akkużat u jistabbilixxu jekk il-kundizzjoni mentali tiegħu għadhiex teżisti.

L-avukati li qed jirrappreżentaw lill-familja tal-vittma esprimew ukoll il-fehma tagħhom quddiem il-qorti, fejn sostnew li l-provi għandhom jiġu ppreservati filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet kollha tal-akkużat.

Il-Qorti issa mistennija tiddeċiedi jekk il-kumpilazzjoni tal-provi tistax tkompli jew jekk il-proċeduri għandhomx jibqgħu sospiżi sakemm Azzopardi jkun mentalment kapaċi jipparteċipa fil-każ.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett f’isem l-Avukat Ġenerali. L-avukat Arthur Azzopardi qed jidher għall-akkużat, filwaqt li l-avukati Joe Giglio u Michaela Giglio qed jirrappreżentaw lill-familja ta’ Eric Borg.

 

More in Qrati u Pulizija