Raġel miżmum il-ħabs wara allegazzjonijiet li hedded lill-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 48 sena qed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li ġie mixli b’diversi reati ta’ vjolenza domestika, fosthom theddid serju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 48 sena qed jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li tressaq il-qorti akkużat b’għadd ta’ reati relatati ma’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.

Paul Michael Kavanagh qed jiffaċċja diversi akkużi, fosthom imġiba kontrollanti u koerċittiva, li kkawża lill-vittma tibża’ għal saħħitha u għas-sigurtà tal-familja tagħha, theddid ta’ vjolenza, allegazzjonijiet foloz fil-konfront tagħha, theddid ta’ mewt jew korriment, kif ukoll ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti f’każ separat.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Colin Sheldon, spjegat li l-allegata vittma ressqet rapport mal-Unità tal-Vjolenza Domestika fl-10 ta’

Ġunju fejn irrakkuntat storja ta’ abbuż allegat mill-akkużat.

Il-qorti semgħet kif il-koppja kienet ilha f’relazzjoni għal madwar erba’ snin, iżda kienet infirdet qabel sar ir-rapport. Il-mara kienet tgħix ma’

Kavanagh u ommu, iżda allegatament kienet spiċċat telqet mir-residenza wara li tkeċċiet minn hemm.

Skont il-prosekuzzjoni, il-mara qalet lill-pulizija li fil-25 ta’ Mejju Kavanagh kien ħa sick leave mix-xogħol u allegatament talabha ssib mod kif iġġib il-flus għad-droga. Hija qalet li kienet tibża’ minnu u għalhekk telqet mid-dar biex tipprova tiġbor il-flus.

Il-qorti semgħet ukoll dwar inċident ieħor li allegatament seħħ fl-4 ta’ Ġunju meta Kavanagh ħa l-mobile tal-mara u użah biex isegwi l-lokalità tagħha permezz tal-kont Google tagħha.

Il-vittma allegatament kienet tinsab f’ċentru ta’ detox biex tirċievi għajnuna relatata ma’ problema ta’ droga. Hija qalet li Kavanagh akkużaha li kienet qed tigdeb dwar fejn kienet, ħadilha t-telefon u reġa’ keċċiha mid-dar. Wara l-inċident hija allegatament irritornat fiċ-ċentru biex tingħata assistenza.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li bejn it-2 u l-4 ta’ Ġunju, Kavanagh allegatament qal lil ommu li kien se jkisser il-kustilji kollha tal-mara, jitfagħha minn tieqa u jħalliha b’diżabbiltà permanenti.

Meta dawn l-allegazzjonijiet ġew esposti fil-qorti, l-akkużat deher jidħak waqt li l-prosekuzzjoni kienet qed tagħti d-dettalji tal-każ.

L-Ispettur Sheldon spjega wkoll li Kavanagh kien marbut b’kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest f’każ ieħor, li kienu jobbligawh jiffirma regolarment fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.

Madankollu, wara verifiki mal-pulizija, irriżulta li l-akkużat ma kienx qed josserva dawn il-kundizzjonijiet. Aktar tard il-pulizija stabbilixxew li kien diġà ġie arrestat b’rabta ma’ allegat reat serju ieħor u kien qed jinżamm il-ħabs.

Id-difiża ma ressqitx talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju tal-proċeduri.

Il-qorti ordnat li Kavanagh jibqa’ miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u imponiet ukoll ordni li tipprojbixxih milli jagħmel kuntatt mal-allegata vittma, kemm direttament kif ukoll indirettament.

More in Qrati u Pulizija