Raġel ta’ 35 sena minn Mellieħa sofra ġrieħi serji wara li d-dgħajsa li kien abbord tagħha nqalbet fil-Port tal-Imġarr, Għawdex.
Il-pulizija qalet li s-sejħa għall-għajnuna waslet għall-ħabta tat-3:15pm, u l-uffiċjali marru minnufih fuq il-post.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li ftit qabel l-inċident ir-raġel sab ruħu f’diffikultà waqt li kien fuq id-dgħajsa tiegħu, li sussegwentement inqalbet.
Persuni li kienu fil-viċin taw l-ewwel għajnuna lir-raġel wara li nġibed mill-baħar.
Aktar tard, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta ġarrewh sal-moll tal-Imġarr, minn fejn ittieħed b’ambulanza l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Minħabba l-gravità tal-ġrieħi tiegħu, huwa aktar tard ġie trasferit lejn l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat Monica Vella ġiet infurmata bil-każ u fetħet inkjesta maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-inċident għadhom għaddejjin.