Mara kkundannata sena u nofs ħabs wara li attakkat u heddet lil ommha għall-flus għad-droga

Jade Russell ta’ 27 sena ammettiet li serqet lil ommha biex tiekol u ssostni l-vizzju tal-kokaina, kif ukoll li ħatfitha minn għonqha u heddet li toqtolha

Il-mara ta’ 27 sena dehret quddiem il-qorti akkużata b’sensiela ta’ reati relatati ma’ fastidju, theddid, li kkawżat inġurji ħfief fuq ommha, kif ukoll serq. 

Il-każ eskala fil-11 ta’ Ġunju meta l-pulizija f’Birżebbuġa rċevew rapport mingħand omm l-imputata għall-ħabta tad-9.30am.

Il-qorti semgħet kif Russell, li kienet waqqfet il-kura biex tikkumbatti l-vizzju tad-droga, kienet qed issir dejjem aktar aggressiva ma’ ommha. 

Hija kienet kontinwament tinsisti biex tingħata l-flus u, minħabba f’hekk, ommha kienet saħansitra keċċietha mid-dar. Minkejja dan, Russell xorta waħda kienet qed tibqa’ tidħol fir-residenza u ddaħħal persuni barranin magħha mingħajr il-permess ta’ ommha.

Is-sitwazzjoni eskalat meta l-akkużata heddet lil ommha li kienet se toqtolha u “tibgħatha tieħdu,” filwaqt li f’inċident minnhom qabditha u ħatfitha minn għonqha. L-omm spjegat ukoll lill-pulizija li kienet qed issib diversi flus nieqsa mid-dar, li kienu qed jinsterqu minħabba l-vizzju ta’ bintha.

Fl-istqarrija li tat lill-pulizija wara li ġiet arrestata, Russell ammettiet  li kienet qed tieħu l-flus mingħand ommha kemm biex tixtri l-ikel kif ukoll biex issostni l-vizzju tad-droga.

Waqt il-proċeduri, l-imputata rreġistrat ammissjoni bikrija u wieġbet li kienet ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontriha.

Russell ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs u ordnata tħallas multa ta’ €200.

Sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-vizzju, il-qorti ħarġet ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ sentejn. Barra minn hekk, biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-vittma, il-qorti ħarġet ordni ta’ trażżin favur l-omm li se tibqa’ fis-seħħ għal tliet snin.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-avukata Martina Herrera dehret bħala għajnuna legali. 

Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace ippresediet fuq l-arrest.

More in Qrati u Pulizija