Nathan Micallef inżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati li kiser ordni ta’ trażżin attiva favur nannietu, meta mar f’darhom u allegatament qabeż minn fuq il-bejt għal got-terrazzin wara li rrifjutaw li jagħtuh il-flus.
L-inċident seħħ fis-16 ta’ Ġunju meta n-nanniet tal-akkużat marru d-Dipartiment tal-Vjolenza Domestika biex jagħmlu rapport kontrih. Il-qorti semgħet kif kien hemm ordni ta’ trażżin fis-seħħ li kienet tipproteġi lit-tnejn li huma mill-imputat.
L-akkużat qiegħef jaffaċja akkużi ta’ reċidiva wkoll.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Colin Sheldon, spjegat li Nathan kien mar fir-residenza tan-nanniet kmieni dakinhar fejn hu ħabbat il-bieb u talab lil nannuh €5, fejn daħal ġewwa għal tazza kafè.
L-akkużat, li riċentement kien rikoverat Monte Karmeli, mar biex jieħu xi affarijiet personali tiegħu, iżda l-isptar ma setgħetx taqdih dak il-ħin.
Kien hawn li s-sitwazzjoni eskalat fejn Micallef mar jitlob somma akbar ta’ €200. Meta n-nannu rrifjuta u għalaqlu l-bieb f’wiċċu, l-akkużat tela’ fuq il-bejt tar-residenza u b’xi mod irnexxielu jinżel fit-terrazzin tagħhom fit-tieni sular. Id-dispjaċir u l-biża’ wasslu lin-nanniet biex iċċemplu immedjatament lill-pulizija, li marru fuq il-post u arrestawh.
Il-qorti semgħet ukoll dwar is-sitwazzjoni soċjali mwiergħa tal-akkużat. Il-ġenituri tiegħu stess ma jridu l-ebda kuntatt miegħu, u r-raġel kien qed jiddependi fuq l-għajnuna tal-YMCA u l-Fondazzjoni Papa Franġisku biex jiekol, filwaqt li spiss kien jispiċċa jorqod f’kamra fuq il-bejt tan-nanniet stess.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi dedotti kontrih u ħa jinżamm arrestat.
Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace ippresediet.
L-Ispettur Colin Sheldon mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukata Martina Herrera dehret għall-akkużat bħala għajnuna legali.