Il-plejer Jurgen Pisani lliberat minn akkużi ta' korruzzjoni ta' logħob fuq appell; titħassar is-sentenza ta' 15-il xahar ħabs

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ħassret is-sentenza ta’ 15-il xahar ħabs ta’ Jurgen Pisani, u lliberat lill-futboler mill-akkużi kollha relatati ma’ attentat ta’ tbagħbis ta’ logħba mill-Premier League Malti fl-2024

L-Imħallef Neville Camilleri llibera lill-plejer Jurgen Pisani mill-akkużi ta’ korruzzjoni ta’ logħob, billi ċaħad is-sentenza 15-il xahar ħabs kif ukoll ordni ta' sospensjoni minn kull attività sportiva għal għaxar snin, wara li ddeċieda li l-kundanna inizjali ma kinitx sostnuta b’mod legali jew raġjonevoli mill-provi mressqa.

Il-każ imur lura logħba deċiżiva bejn Santa Luċija u Birkirkara li ntlagħbet fit-3 ta’ Mejju 2024. Dak iż-żmien, Santa Luċija kellhom bżonn assolut ta’ rebħa biex jevitaw ir-relegazzjoni. Il-prosekuzzjoni kienet allegat li Pisani offra lill-attakkant ta’ Birkirkara, Maxuell Maia, is-somma ta’ €2,000 biex jiżgura li ma jiskurjax waqt il-logħba, li fl-aħħar mill-aħħar spiċċat fi draw ta’ 2–2.

Pisani appella mill-kundanna tiegħu, bid-diviża targumenta li l-apprezzament tal-provi mill-ewwel qorti ma kienx legalment sostenibbli u naqas milli jilħaq il-livell meħtieġ ta' prova lil hinn minn kull dubju raġjonevoli. Id-diviża wkoll ikkontestat b’mod speċifiku l-piż sproporzjonat li ngħata lil messaġġi mħassra fuq WhatsApp u l-kredibbiltà ġenerali tax-xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni.

Waqt il-proċeduri inizjali, Maia kien xehed li Pisani avviċinah f'diversi okkażjonijiet, fejn staqsieh “iva jew le” għall-offerta ta' €2,000 filwaqt li kien qed jgħatti fommu. Maia sostna li qatt ma rrisponda għal din il-proposta.

Fis-sentenza tal-appell tiegħu, l-Imħallef Camilleri indirizza b’mod metodiku l-pilastri tal-każ tal-prosekuzzjoni, billi beda miċ-chats kontroversjali fuq WhatsApp bejn Jurgen Pisani u s-sieħeb tat-tim tiegħu Steve Pisani.

Filwaqt li l-ewwel qorti kienet ċaħdet l-ispjegazzjoni ta’ Jurgen Pisani li kien ħassar il-messaġġi biex jaħbi minn ma’ martu żjara pjanata f’“gentleman’s club” bħala waħda li ma titwemminx, il-Qorti tal-Appell sabet li din l-ispjegazzjoni ma kinitx tista' tiġi skartata daqshekk faċilment. L-imħallef innota li l-prosekuzzjoni kienet naqset milli tressaq rapport forensiku diġitali biex tistabbilixxi eżattament meta ġiet imħassra dik il-komunikazzjoni.

Barra minn hekk, l-imħallef esprima "dubju raġjonevoli" serju rigward l-affidabbiltà tal-allegazzjonijiet ta’ Maia.

Il-Qorti tal-Appell enfasizzat xhieda kruċjali mill-avukat Herman Mula, l-Uffiċjal tal-Integrità tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA). Mula kien ammetta quddiem il-qorti li ma kienx “mitejn fil-mija pożittiv" dwar il-validità tar-rapport inizjali ta’ Maia minħabba barriera serja fil-lingwa.

“Kellimni bl-Ingliż, pero’ l-Ingliż tiegħu ma kienx tanttajjeb, biex inkun onest…Jien fhimtu b’ingliż imkisser, pero’ ma kontx konvint mitejn fil-mija,” irrimarka Mula.

Mula kkonferma wkoll li l-MFA kienet inizjalment iddeċidiet li ma tipproċedix bl-investigazzjoni dixxiplinarja interna tagħha stess qabel ma l-pulizija tressaq akkużi formali. Pisani eventwalment kien ġie lliberat mill-bord indipendenti tal-MFA.

Il-Qorti tal-Appell innotat ukoll il-fatt li l-prosekuzzjoni naqset milli tressaq filmati uffiċjali tal-logħba bħala evidenza. Filwaqt li rrikonoxxa li l-pulizija għandha diskrezzjoni dwar liema provi tippreżenta, l-imħallef enfasizza li n-nuqqas tal-“aqwa evidenza” għandu jiġi evalwat fil-kuntest usa' u dgħajjef tal-każ.

Wara li kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tibni każ b’saħħtu biżżejjed, il-Qorti tal-Appell revokat il-kundanna fl-intier tagħha, billi nnullat għal kollox is-sentenza ta’ ħabs, l-interdizzjoni ġenerali perpetwa, u s-sospensjoni sportiva ta’ 10 snin.

Għal Jurgen Pisani dehru l-avukati Edward Gatt, Franco Debono u Adreana Zammit.

More in Qrati u Pulizija