Raġel mixli li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li deher fi triq fejn għandha garaxx bintu

Raġel li ilu ma jkellem lil bintu għal madwar 20 sena tressaq il-Qorti akkużat li kiser ordni ta’ protezzjoni wara li allegatament deher fl-istess triq fejn bintu u żewġha għandhom garaxx f'Ħaż-Żabbar

Raġel wieġeb mhux ħati għal akkuża li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li allegatament deher fil-viċinanzi tal-garaxx ta’ bintu u żewġha f'Ħaż-Żabbar.

Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, l-Ispettur Christian Cauchi spjega li l-akkużat għandu storja diffiċli ma’ bintu u fil-passat kien instab ħati wkoll ta’ reati marbuta mal-vjolenza domestika.

Il-Qorti semgħet kif madwar sena ilu kien tressaq b’rabta ma’ inċident ieħor li kien jinvolvi lil bintu, u kien ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom ordni ta’ protezzjoni li tipprojbixxilu joqrob lejha.

Skont il-prosekuzzjoni, l-inċident li wassal għall-akkuża seħħ fl-10 ta’ Ġunju għall-ħabta tas-7:30pm, meta l-akkużat allegatament deher jaqsam triq fejn tinsab il-garaxx li hija proprjetà ta’ bintu u żewġha.

L-għada, ir-raġel tal-mara għamel rapport mal-pulizija fejn allega li lemaħ lill-akkużat fl-istess triq minkejja l-ordni ta’ protezzjoni fis-seħħ. Il-pulizija rrimarkat ukoll li fil-passat kien sar rapport simili u li l-akkużat kien ġie mwissi, iżda ma segwiex l-istruzzjonijiet mogħtija.

Min-naħa tagħhom, l-avukati difensuri Anita Giordimaina u Martina Buhagiar argumentaw li l-każ ta’ vjolenza domestika msemmi mill-prosekuzzjoni kien seħħ f’Marsaskala u li l-akkużat kien awtorizzat jgħix f'Ħaż-Żabbar.

Id-difiża sostniet li l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ma kinux jipprojbixxulu jidħol fil-lokalità u argumentat li l-ordni ta’ protezzjoni kienet tirreferi għal bintu u mhux għal żewġha.

L-avukati żiedu li fir-rapporti ppreżentati ma kien hemm l-ebda allegazzjoni li l-akkużat tkellem, hedded jew avviċina lil bintu, iżda sempliċement li kien miexi fi triq fil-lokalità fejn jgħix.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet ġodda. L-akkużat ġie ordnat ma jersaqx lejn toroq speċifiċi fiż-Żabbar u ġie rilaxxat fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

 

More in Qrati u Pulizija