Tliet irġiel arrestati wara sejba ta’ pjanti tal-kannabis f’Marsalforn

Pulizija arrestat tliet persuni wara li waqt tfittxija f’appartament f’Għawdex instabu pjanti tal-kannabis allegatament ikkultivati illegalment u ammont ta’ droga lesta għad-distribuzzjoni

Ritratt: Pulizija
Ritratt: Pulizija

Tliet ċittadini barranin ġew arrestati wara investigazzjoni dwar allegata kultivazzjoni illegali ta’ pjanti tal-kannabis f’ammont li jaqbeż il-limiti permessi mil-liġi.

L-arresti saru l-Ħamis filgħodu wara operazzjoni tal-pulizija f’appartament fi Triq il-Wied, Marsalforn, fil-limiti taż-Żebbuġ Għawdex.

Matul it-tfittxija, l-uffiċjali sabu 11-il pjanta tal-kannabis li allegatament kienu qed jitkabbru illegalment. Il-pjanti nstabu kemm ġewwa l-appartament kif ukoll fuq il-bejt tal-blokka residenzjali.

Il-pulizija elevat ukoll diversi pakketti bil-kannabis li, skont l-investigaturi, kienu ppreparati għad-distribuzzjoni f’ċirkostanzi li jindikaw allegat traffikar tad-droga.

Il-persuni arrestati huma Ġermaniż ta’ 43 sena, ċittadin tal-Ghana ta’ 37 sena u Sudaniż ta’ 36 sena.

Aktar kmieni nhar il-Ġimgħa, iċ-ċittadin Ġermaniż tressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

L-investigazzjonijiet dwar iż-żewġ persuni l-oħra għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija