Siġra li qatlet sewwieq fl-Imrieħel kienet qed tinżamm minn għerq wieħed biss, jixhed espert

Espert fil-ġestjoni tal-ambjent qal fil-Qorti li s-siġra tal-ewkaliptu li waqgħet fuq vettura fl-Imrieħel fl-2018 kienet tidher b’saħħitha minn barra, iżda internament kienet sofriet ħsara estensiva fis-sistema tal-għeruq tagħha

Is-siġra tal-ewkaliptu li waqgħet fuq vettura fl-Imrieħel fl-2018 u qatlet lis-sewwieq tagħha kienet qed tinżamm mal-art minn għerq wieħed ħaj biss, minkejja li minn barra kienet tidher kompletament b’saħħitha.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Dr Charles Grech, professjonist fil-ġestjoni ambjentali, li kien inħatar mill-pulizija biex jinvestiga l-kawżi fiżiċi tal-kollass tas-siġra.

Il-każ jirrigwarda l-inċident traġiku tal-10 ta’ Frar 2018 fi Triq Notabile, Imrieħel, meta siġra kbira waqgħet fuq vettura Nissan waqt maltempata qawwija. Is-sewwieq, ir-Rumen Dan Udrea ta’ 38 sena, miet fuq il-post, filwaqt li martu, li kienet passiġġiera fil-vettura, sofriet ġrieħi.

Fil-Qorti, Dr Grech spjega li meta wasal fuq il-post, is-siġra kienet diġà tneħħiet minn ħaddiema tal-emerġenza biex terġa’ tinfetaħ it-triq għat-traffiku. Wara spezzjoni tal-fdalijiet tas-siġra u tal-ħamrija ta’ madwarha, huwa sab li s-sistema tal-għeruq kienet kompromessa serjament.

Skont ix-xhud, kien hemm għerq wieħed biss li kien għadu ħaj, filwaqt li l-bqija kienu mejta u ilhom f’dik il-kundizzjoni għal żmien twil. Huwa qal li l-għeruq kienu sofrew ħsara antika u probabbilment kienu ġew attakkati minn fungi li għamluhom dgħajfa u fraġli.

Madankollu, minkejja dan it-taħsir intern, Dr Grech qal li għal persuna ordinarja s-siġra kienet tidher kompletament ħadra u f’kundizzjoni tajba. Huwa spjega li ġardinar komuni x’aktarx ma kienx jinnota sinjali ta’ periklu, filwaqt li biss arborist b’esperjenza jew persuna familjari ħafna maż-żona setgħu jindunaw b’xi indikazzjonijiet ta’ instabbiltà.

L-espert elenka diversi fatturi li flimkien wasslu għall-waqgħa tas-siġra waqt il-maltemp. Huwa spjega li s-siġar tul Triq Notabile kienu tħawlu fil-bidu tas-snin sebgħin, meta l-Prim Ministru Dom Mintoff kien ħeġġeġ aktar tħawwil ta’ siġar, b’mod partikolari ewkalipti minħabba li jikbru malajr u jadattaw tajjeb għall-kundizzjonijiet lokali.

L-investigazzjonijiet sabu wkoll blokka kbira tal-ġebla tal-franka taħt il-ħamrija fejn kienet imħawla s-siġra. Skont Dr Grech, din setgħet intużat bħala punt ta’ appoġġ meta tħawlet is-siġra, iżda fl-istess ħin limitat il-kapaċità tagħha li tiżviluppa għeruq fondi u stabbli.

Huwa żied li xogħlijiet ta’ tħaffir li saru matul is-snin fiż-żona x’aktarx ikkawżaw aktar ħsara lill-għeruq li kienu qrib il-wiċċ.

Dr Grech spjega wkoll li meta l-parti ta’ fuq tas-siġra titħalla tikber mingħajr kontroll, din issir tqila ħafna u toħloq pressjoni kbira fuq l-għeruq, speċjalment waqt riħ qawwi.

Mistoqsi għaliex waqgħet din is-siġra u mhux oħrajn fl-istess ringiela, huwa qal li x’aktarx kien hemm taħlita ta’ fatturi li laqtu punt partikolarment vulnerabbli. “Jekk siġra tkun ankrata sew, m’għandhiex taqa’,” qal lill-Qorti.

Matul il-kontroeżami, Dr Grech enfasizza li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi tal-kawżi fiżiċi tal-inċident u mhux biex jiddetermina responsabbiltajiet legali. Huwa qal li qatt ma ra kuntratti relatati mal-każ u ma kellu l-ebda kuntatt mal-Environmental Landscapes Consortium (ELC).

L-espert irrimarka wkoll li wara dan l-inċident saru diversi bidliet regolatorji fis-settur. Huwa sostna li Malta għandha tintroduċi sistema ta’ liċenzjar għal persuni li jaħdmu fil-qasam tal-arborikultura, filwaqt li nnota li bħalissa ma jeżistux korsijiet universitarji speċifiċi f’dan il-qasam f’Malta.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

More in Qrati u Pulizija