Raġel Tuneżin ta’ 56 sena residenti Ħal Għaxaq tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat b’serje ta’ reati finanzjarji allegatament imwettqa matul l-2023 u fis-snin ta’ qabel, b’dannu li allegatament jaqbeż il-€5,000.
Abdelaziz Oueslati, residenti fi Triq il-Merill, Ħal Għaxaq, ġie mixli li approprja ruħu minn flus jew proprjetà li kienu fdati lilu minħabba l-professjoni jew il-kariga tiegħu, allegatament għad-detriment tal-kumpanija Tunisair Express Company Limited u persuni oħra.
Huwa qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ frodi aggravata, fejn allegatament għamel użu minn ismijiet jew kwalifiki foloz, jew mezzi oħra qarrieqa, biex jikseb benefiċċju illegali u jikkawża telf finanzjarju li jaqbeż il-€5,000.
Fost l-akkużi hemm ukoll li kiseb flus jew benefiċċji permezz ta’ qerq, kif ukoll li wettaq serq aggravat ta’ flus kontanti b’valur ta’ aktar minn €2,329.
Il-prosekuzzjoni qed takkużah ukoll li għamel dikjarazzjonijiet jew stqarrijiet foloz f’dokumenti maħsuba għal awtoritajiet pubbliċi sabiex jikseb vantaġġ għalih innifsu jew għal terzi.
Akkuża oħra tikkonċerna allegata manipulazzjoni jew falsifikazzjoni ta’ dokumenti finanzjarji u kontabbli, inkluż fatturi, rekords jew dokumentazzjoni relatata ma’ ħlasijiet, li allegatament kienu jinkludu informazzjoni falza jew mhux kompluta.
Skont id-dokumenti tal-Qorti, il-Prosekuzzjoni qed titlob ukoll il-konfiska ta’ kwalunkwe oġġett jew assi marbuta mar-reati allegati, kif ukoll ta’ kwalunkwe qligħ li seta’ nkiseb permezz tagħhom.
Il-Qorti ġiet mitluba tikkundanna lill-imputat għall-ispejjeż tal-esperti u tal-proċeduri jekk jinstab ħati.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Pulizija.
Il-każ għadu fl-istadju inizjali tal-proċeduri u l-akkużi għadhom iridu jiġu ppruvati quddiem il-Qorti.