Tlieta arrestati wara li l-pulizija kkonfiskat €160,000 f’kokaina wara tfittxija fil-Mosta

Minbarra 1.3kg ta’ kokaina, tfittxija fir-residenzi waslet sabiex instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, flimkien ma’ numru ta’ mowbajls u ġojjellerija

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Tliet persuni ġew arrestati fil-Mosta wara li l-pulizija sabet madwar 1.3kg ta’ kokaina suspettata b’valur stmat ta’ €160,000, xi wħud diġà f’boroż u l-bqija mqiegħda fuq wiċċ.

L-individwi ġew arrestati fil-Mosta wara li l-pulizija kienu qegħdin jissorveljaw lis-suspettat ewlieni allegat ta’ 31 sena li ġie nnutat li kien qiegħed jaġixxi b’mod suspettuż matul il-lejl.

Ritratt: Il-Korp tal-Pulizija ta' Malta.
Ritratt: Il-Korp tal-Pulizija ta' Malta.

Ir-raġel deher spiss ħiereġ minn residenza fi Triq Grognet u minn appartament fi Triq Rużar Briffa, fejn allegatament kienu qed jgħixu ż-żewġ suspettati l-oħra, raġel ta’ 33 sena u mara ta’ 31 sena.

Minbarra s-suspettata kokaina, tfittxija fir-residenzi sabet diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, flimkien ma’ numru ta’ mowbajls u ġojjellerija.

Il-persuni arrestati qegħdin jinżammu f’lock-up u mistennija jitressqu l-qorti fil-jiem li ġejjin.

Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia inħatar sabiex imexxi l-inkjesta.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija