Komplew il-proċeduri fil-Qorti kontra raġel Sqalli ta’ 49 sena li qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil taż-żewġ uliedu.
F’seduta quddiem il-Maġistrat Franco Agius, xehed it-tifel ta’ 12-il sena, li allegatament kien wieħed mill-vittmi tal-każ. It-tifel kien instab b’diversi ġrieħi f’rasu f’kamra mimlija demm u ttieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi serji li poġġewlu ħajtu fil-periklu.
Minħabba l-età tax-xhud u s-sensittività tal-każ, il-Qorti ordnat li x-xhieda tiegħu tinstema’ bil-magħluq sabiex jiġu mħarsa l-identità u l-interessi tiegħu. F’seduta preċedenti kienet instemgħet ukoll ix-xhieda tat-tifla ta’ 10 snin, barra mill-preżenza tal-midja.
Aktar kmieni matul is-seduta, it-tabib forensiku Edward Cherubino kkonferma lid-difiża li l-akkużat kien ġie eżaminat u intervistat minn psikjatra li kien fuq sejħa fil-jum tal-arrest tiegħu.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra flimkien mal-Avukati Etienne Savona, Kaylie Bonett u Anthony Vella.
L-akkużat qed ikun assistit mill-Avukati Gianella De Marco, Charles Mercieca u Conrad Borg Manche, filwaqt li l-Avukati Maxilene Pace u Charmaine Cherrett qed jidhru bħala parte civile fil-każ.