Sewwieq immultat wara li saq b’lura fuq raġel, jgħid li ‘ma beda jara xejn’ ħlief sħaba bajda

Il-qorti semgħet kif l-akkużat iddeċieda li qatt ma jerġa’ jsuq wara li episodju mediku identiku rrepeta ruħu sena wara, waqt li kien qed jagħti l-petrol il-karozza tiegħu

Sewwieq ingħata multa u l-konfiska tal-liċenzja tas-sewqan wara li nstab ħati li laqat pedestrijan waqt li kien qed isuqu b’lura f’żona ta’ parkeġġ ta’ supermarket f’Ħal Qormi.

Carmel Aquilina deher quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici nhar il-Ħamis, fejn ffaċċja akkużi li kkawża feriti gravi involontarji b’negliġenza, imprudenza, jew nuqqas ta’ ħila, kif ukoll li saq vettura b’mod traskurat u bl-addoċċ.

L-inċident seħħ filgħodu tas-26 ta’ Novembru 2023, għall-ħabta tat-8:00 am, ġewwa l-parkeġġ tas-supermarket Lidl li jinsab f’Ħal Qormi.

Il-qorti semgħet ix-xhieda tas-sewwieq tal-mutur, li spjega li kien għadu kif ħareġ mis-supermarket u kien qed jimxi lura lejn il-vettura tiegħu. Waqt li qiegħed jiftaħ il-kontenitur tal-mutur ħass daqqa minn wara, u kif dar, ra karozza miegħu u l-ħġieġ ta’ wara tagħha mkisser. F’dak il-waqt ħass weġgħa ġo dahru, u għalhekk beża’ u ma ċċaqlaqx. 

L-akkużat sostna li waqt li kien qiegħed jirriversja l-vettura, f’daqqa waħda ġietu sħaba bajda quddiem għajnejh u ma beda jara xejn. Sadanittant, saqajh għafset il-pedala tal-veloċità u baqa’ sejjer lura. 

Huwa xehed ukoll li sena wara l-każ, seħħ inċident simili waqt li kien qed jagħti l-petrol il-karozza tiegħu. L-akkużat sostna li wara dak it-tieni inċident, huwa ddeċieda li ma jerġax isuq u minn jeddu ċeda l-liċenzja tas-sewqan tiegħu.

Evidenza medika ppreżentata fil-qorti minn Sara Scerri kklassifikat il-ġrieħi li ġarrab il-vittma bħala gravi. Filwaqt li l-eżamijiet kliniċi kkonfermaw li l-vittma sofra tbenġil qawwi u politrawma, b’xorti tajba ma kellu l-ebda ksur u nħeles mill-isptar dakinhar stess.

Il-vittma qal lil-qorti li minkejja li ma kellu l-ebda għadma miksura, hu għamel xhur ma jħoss xejn f’saqajh, iżda seta’ jimxi. 

Il-qorti ċaħdet id-difiża ta’ Aquilina, u ddeċidiet li l-evidenza wriet b’mod ċar li huwa ma kienx qed jagħti attenzjoni biżżejjed għal madwaru waqt li kien qed jirriversja l-karozza.

Filwaqt li sabitu ħati, il-qorti nnotat li l-ġrieħi gravi ma rriżultawx f’diżabiltà  fiżika permanenti jew f’inkapaċità fit-tul. Barra minn hekk, il-maġistrat ikkunsidra l-fedina penali nadifa ta’ Aquilina u l-fatt li huwa anzjan.

Konsegwentement, Carmel Aquilina ġie ordnat iħallas multa ta’ €1,000. Barra minn hekk, il-qorti ordnat id-diskwalifika tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal xahar.

L-Ispettur Roderick Agius mexxa l-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija