Carmel Agius, li kien imexxi skola tiegħu tal-arti fil-Fgura, kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati fis-27 ta’ Ottubru 2025. L-ewwel qorti kienet sabitu ħati ta’ diversi reati sesswali aggravati fil-konfront ta’ ħames bniet minuri li kienu jattendu l-lezzjonijiet tiegħu u li kienu fdati f’idejh.
L-akkużi kienu jinkludu korruzzjoni ta’ minuri, parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali mhux kunsenswali, twettiq ta’ atti ta’ natura libidinuża, offiża kontra l-morali pubbliċi, u li ssuġġetta lit-tfal għal imġiba mhux mixtieqa, degradanti u intimidanti b’konnotazzjonijiet sesswali espliċiti.
Fl-applikazzjoni tal-appell tiegħu, Agius ressaq diversi aggravji fejn talab biex il-kundanna tiegħu tiġi mħassra jew, alternattivament, biex il-piena tiegħu titnaqqas b’mod sinifikanti.
Id-diviża argumentat li l-ewwel qorti kienet ibbażat wisq fuq ir-rapporti mfassla minn psikoloġi mqabbda mill-qorti, li kienu kkonkludew li t-tfal kienu qed jgħidu l-verità. Id-difiża kkontestat li dawn l-esperti semgħu biss il-verżjoni tal-minuri u naqqsu milli jevalwaw ix-xhieda ta’ Agius innifsu. Barra minn hekk, l-appellant insista li l-minuri kienu tkellmu fuqu bejniethom u xi aġir tiegħu interpretawh, u tawh bixra bħala li huwa kien għamel xi atti libidinuzi fuqhom.
Madankollu, l-Imħallef Scerri Herrera tenniet b’mod qawwi li l-Qorti tal-Appell tiffunzjona bħala qorti ta’ reviżjoni u le bħala qorti ta’ rkant.
“Kif dejjem ġie ritenut huwa prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti li hija ma tiddisturbax l-apprezzament dwar il-provi magħmul mill-ewwel Qorti jekk tasal għall-konklużjoni li dik il-Qorti setgħet raġjonevolment u legalment tasal għall-konkluzjoni li tkun waslet għaliha”, stqarret l-Imħallef.
L-imħallef żiedet tgħid li s-sempliċi nuqqas ta’ qbil min-naħa tal-appellant mal-konklużjonijiet mirbuħa mill-Qorti tal-Maġistrati ma tasalx għal raġuni valida biex tinbidel kundanna. Għalhekk, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-magistrat kienet wiżnet il-provi b’mod sigur u korrett.
Meta ddiskutiet l-aħħar aggravju fejn Agius sostna li l-piena ta’ disa’ snin ħabs kienet “waħda ħarxa wisq”, il-qorti nnotat d-dettalji deskritti fir-raġunament tal-piena mill-ewwel qorti, fejn ġie enfasizzat li l-parametri legali massimi kienu jippermettu saħansitra piena iktar ħarxa.
Il-Qorti tal-Appell innotat li l-ewwel maġistrat kienet ikkunsidrat bosta fatturi aggravanti serji, partikolarment li Agius kien abbuża mill-pożizzjoni tiegħu bħala għalliem u li qatt ma wera ebda sens ta’ rimors ta’ dak li għamel, iżda proprju weħħel fil-minuri li qabdu miegħu.
Billi sabet li l-piena ta’ disa’ snin priġunerija effettiva kienet perfettament proporzjonata għall-gravità tar-reati, u l-fatt li l-esperjenzi trawmatiċi ħallew effetti negattivi fuq il-minuri f’età daqstant tenera, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell kollu u ordnat li l-esekuzzjoni tas-sentenza tal-ħabs tibda immedjatament.