Erbatax-il resident u sid ta’ propjetà fl-Imsida u f’Tal-Pietà ħadu passi legali kontra l-Gvern u Infrastructure Malta dwar pont pedonali li jgħidu li se jinbena eżatt quddiem djarhom.
Ir-residenti qed jiddeskrivu l-proċess tal-ippjanar bħala wieħed “makkjaveljan”.
Il-protest ġudizzjarju kontra Infrastructure Malta, il-Ministeru għat-Trasport, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, jirrigwardja point li se jkun għoli madwar tliet sulari u se jgħaddi nqas minn ħames metri ‘l bogħod mill-gallariji u t-twieqi tal-appartamenti tagħhom fi Triq ix-Xatt.
Ir-residenti qed jallegaw li dan il-pont se jneħħilhom il-privatezza u d-dawl naturali, inaqqas il-valur tal-propjetajiet tagħhom u joħloq “inkonvenjent soċjali” f’nofs żona residenzjali.
Proġett li darba twaqqaf, issa approvat bħala ‘minor amendment’
Dan il-pont kien oriġinarjament parti mill-pjanijiet tal-iżvilupp tal-Msida Creek, iżda kien tneħħa wara oġġezzjonijiet minn diversi NGOs u mill-Kunsill Lokali tal-Imsida.
Madankollu, il-proposta reġgħet tfaċċat f’Novembru tal-2025 wara diskussjonijiet bejn il-Ministeru tat-Trasport u l-Kunsill tal-Istudenti tal-Junior College.
Fis-6 ta’ April ta’ din is-sena, il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat l-istruttura bħala “minor amendment” għall-permess eżistenti tal-Msida Creek.
Ir-residenti qed jinsistu li l-użu ta’ din il-proċedura sar apposta, peress li approvazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu appellati quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.
“Dan il-mod Makkjaveljan li bih reġa’ ġie involut dan il-pont pedonali... sar biss sabiex jipprevjeni dawk li jixtiequ jappellaw kontrih,” jiddikjara l-protest.
‘Inkonvenjent soċjali’ quddiem it-twieqi tar-residenti
L-istruttura, li hija ddisinjata b’mod dijagonali, se taffettwa diversi blokok ta’ appartamenti f’daqqa.
Ir-residenti jgħidu li qed jibżgħu li l-pont se jippermetti lin-nies iħarsu direttament ġo djarhom u se jattira vandaliżmu, storbju u tniġġis tad-dawl eżatt quddiem il-propjetajiet tagħhom.
Huma jargumentaw li, b’differenza minn pontijiet pedonali oħra f’Malta, dan se jinbena qrib ħafna ta’ appartamenti residenzjali.
‘Jagħti prijorità lill-vetturi, mhux liż-żoni pedonali’
Lil hinn mill-impatt fuq ir-residenti, il-protest ġudizzjarju jistaqsi jekk il-pont huwiex verament meħtieġ.
“Jidher biċ-ċar illi dan il-pont pedonali qiegħed jipprijoritizza biss il-vetturi, u mhux lill-persuni għaddejjin bil-mixi,” jgħidu r-residenti.
Huma jargumentaw li n-nies se jkollhom jitilgħu l-ekwivalenti ta’ tlett sulari biex jaqsmu t-triq, xi ħaġa li mhix prattika għall-anzjani u persuni bi problemi ta’ mobbiltà.
Għalkemm hemm pjanijiet għal lifts, il-protest jgħid li dawn spiss ma jkunux affidabbli. “Ir-realtà hija li l-maġġor parti tal-lifts f’dawn il-pontijiet [madwar Malta] ma jaħdmux,” itennu r-residenti.
Huma jemmnu li n-nies se jibqgħu jużaw id-dwal tat-traffiku eżistenti, u b’hekk l-għan tal-pont biex itejjeb is-sigurtà u l-fluss tat-traffiku jisfa fix-xejn.
Ir-residenti taw lill-awtoritajiet tlett ijiem biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.
L-avukat Kayleigh Borg qed tidher għar-residenti affettwati.