Niro Spagnol jiftaħ kawża kostituzzjonali fuq allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

Niro Spagnol fetaħ rikors kostituzzjonali fejn qed jallega li ġie mqarraq biex jammetti akkużi kriminali wara “patteġġjament informali” mal-prosekuzzjoni, li aktar tard appellat is-sentenza u wasslet għal piena ta’ 14-il xahar ħabs effettiv

Niro Spagnol fetaħ rikors kostituzzjonali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), fejn qed jallega li d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq inkiser wara li l-Avukat Ġenerali appella sentenza mogħtija wara dak li hu jiddeskrivi bħala “patteġġjament informali” mal-prosekuzzjoni.

Fir-rikors kontra l-Avukat Ġenerali, Spagnol talab lill-qorti tiddikjara li d-drittijiet fundamentali tiegħu taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ġew miksura, kif ukoll li jingħata rimedju effettiv, fosthom ir-rilaxx immedjat tiegħu mill-ħabs.

Il-każ imur lura fi proċeduri kriminali marbuta ma’ allegat ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, pussess ta’ droga kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, sewqan mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni.

Skont ir-rikors, Spagnol tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fl-2024 u kien daħal f’dak li qed jissejjaħ “patteġġjament informali” mal-uffiċjal prosekutur. Allegatament kien inftiehem li jekk jammetti l-akkużi, il-prosekuzzjoni kienet se tirrakkomanda probation flok piena effettiva ta’ ħabs.

Ir-rikors jgħid li kien biss minħabba dan il-ftehim li Spagnol għamel ammissjoni tal-akkużi kontrih.

Fis-2 ta’ Ġunju 2024, il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Nadia-Helena Vella, sabitu ħati fuq ammissjoni tiegħu stess u imponiet diversi miżuri, fosthom probation għal tliet snin, ordni ta’ trattament, multa ta’ €2,500 u konfiska ta’ diversi depożiti relatati mal-ħelsien mill-arrest.

Madankollu, il-każ ħa żvolta differenti meta l-Avukat Ġenerali appella s-sentenza.

Fis-6 ta’ Marzu 2026, il-Qorti tal-Appell Kriminali (Sede Inferjuri) bidlet is-sentenza u kkundannat lil Spagnol għal 14-il xahar ħabs effettiv u multa ta’ €2,800. Il-qorti ordnat ukoll il-konfiska tad-depożiti kollha relatati mal-ħelsien mill-arrest u skwalifikat lil Spagnol milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal sena.

Fir-rikors kostituzzjonali tiegħu, Spagnol qed isostni li l-appell mill-prosekuzzjoni kien ta’ “sorpriża għad-diviża” li vvizzjat l-ammissjoni tiegħu.

Hu qed jallega li kieku kien jaf li l-prosekuzzjoni kienet se tappella, qatt ma kien jammetti l-akkużi.

Ir-rikors jgħid li l-imġiba tal-prosekuzzjoni “ippreġudika l-libertà tad-deċiżjoni” tiegħu u effettivament qarrqitu sabiex jagħmel ammissjoni fuq il-bażi ta’ aspettattiva li aktar tard inbidlet.

L-avukati tiegħu qed jargumentaw li, għalkemm il-Qorti tal-Maġistrati mhijiex marbuta b’rakkomandazzjonijiet dwar piena f’każijiet ta’ patteġġjament informali, il-prinċipji ta’ ġustizzja naturali xorta jeħtieġu li l-akkużat ma jiġix sorpriż b’azzjonijiet sussegwenti tal-prosekuzzjoni.

Ir-rikors jagħmel referenza għal diversi sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Appell Kriminali u tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-prinċipju ta’ smigħ xieraq u l-ħtieġa ta’ “restitutio in integrum” meta jinstab ksur ta’ drittijiet fundamentali.

Spagnol qed jitlob lill-qorti mhux biss tiddikjara li d-drittijiet tiegħu nkisru, iżda wkoll tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali mogħtija fis-6 ta’ Marzu 2026 u tagħti kull rimedju ieħor li tqis xieraq, inklużi danni pekunjarji u mhux pekunjarji.

Ir-rikors ġie ffirmat mill-avukati Jose Herrera u Naomi Spiteri.

More in Qrati u Pulizija