Il-qorti tordna investigazzjoni dwar allegat theddid fuq il-vittma fil-każ ta’ stupru marbut ma’ Jordan Azzopardi u “Lillu King”

Ix-xhieda tal-vittma ġiet sospiża wara email li nbagħat lill-Ispettur wera allegat avviċimenti u theddid biex ma jixhidx kontra l-akkużati 

 

 

Każ kriminali li diġà qed jara lil Jordan Azzopardi mixli b’reati serji ta’ vjolenza, serq u ħtif, flimkien ma’ Abdulmomen H M Abudagil, issa wassal biex żewġ persuni oħra tressqu quddiem il-qorti nhar il-4 ta’ Mejju b’akkużi ta’ kompliċità relatati mal-istess każ. Iż-żewġ akkużati li tressqu huma Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala “Lillu King”, negozjant ta’ 34 sena, u Noureddin Amer Miloud Almahmoudi, ta’ 39 sena. It-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Nhar il-Ħamis filgħodu, is-seduta bdiet minn talba mid-diviża li l-vittma allegatament qiegħed jhedded qariba ta’ wieħed mill-akkużati b’ritratti vulnerabbli tagħha kif ukoll jitlobha ammonti ta’ flus. Għalhekk, id-diviża talbet li proċeduri jittieħdu fil-konfront tal-vittma. 

Il-prosekuzzjoni qalet li m’għandha l-ebda informazzjoni fuq dak li ntqal mid-diviża, iżda sostnew li jikkundannaw kwalunkwe aġir min-naħa tal-vittma. Minbarra hekk, il-prosekuzzjoni qajmet il-punt li l-caution għandu jingħata meta tibda l-kontro-eżami limitatament għall-mistoqsijiet tagħhom biex hu ma jinkriminax lilu nnifsu, speċjalment dwar l-allegazzjonijiet li tqajmu. 

Il-qorti ddeċidiet li tati l-caution lill-vittma qabel ma beda l-eżami tal-prosekuzzjoni. 

Ix-xhieda ewlenija tal-vittma

Beda jixhed il-vittma, fejn stqarr li dal-aħħar xahar kien diffiċli wisq għalih, tilef ħafna ħbieb, kif ukoll membri tal-familja. “Kien diffiċli ħafna għalija biex norqod, u l-aħjar ħaġa li nixtieq li ma nitkellimx dwar il-każ kompletament”. 

Il-maġistrat irrisponditu li x-xhieda tiegħu tkun t’għajnuna kbira u għal kulħadd jekk hu jagħti l-verżjoni tiegħu tal-ġrajjiet li għadda minnhom. 

Ir-raġel sostna li saħansitra sħabu ħasbu li ħa doża eċċessiva ta’ pilloli tal-irqad u anki daħluh Monte Carmele. Hu rrimarka li xtaq jintnesa kollox, fejn twaqqfet ix-xhieda u dlonk xehed l-Ispettur Wayne Buhagiar u ppreżenta email li ntbagħtet lilu mill-vittma fil-5 ta’ Mejju, fejn staqsih jekk jistax iċempillu l-għada. 

“Staqsewni biex nitlaq minn dari, sħabi qegħdin jibżgħu u anki nies mix-xogħol keċċewni. Avviċinawni xi nies bi flus. M’għandix fejn immur u qiegħed bla xogħol, qed nibża’ li ħa jiġu għalija u għall-għarusa tiegħi,” kiteb il-vittma fl-email. 

Wara pawża, il-maġistrat vverbalizzat is-suġġeriment li l-prosekuzzjoni tinvestiga dawn l-avviċimenti li allegatament saru indirettament u direttament fuq il-vittma, kif ukoll l-ordni li jiġi assistit minn avukat tal-għajnuna legali f’dawn il-proċeduri. Ix-xhieda ġiet sospiża għal seduta oħra. 

Il-maġistrat ħa tagħti d-digriet ta’ prima facie in camera. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Buhagiar u James Turner flimkien mal-Avukati Jurgen Dalli, Darleen Grima u Danika Vella. Il-Lilu King dehru għalih L-Avukati Marion Camilleri, Adreana Zammit u Herman Mula. Għal Noureddin Amer Miloud Almahmoudi dehru għalih L-aavukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.

More in Qrati u Pulizija