Raġel liberat minn traffikar iżda misjub ħati ta’ kultivazzjoni ta’ 21 pjanta kannabis wara 13-il sena

Il-qorti kkunsidrat li l-imputat qiegħed jgħin lil persuni oħra  joħorġu minn vizzji ta’ droga

Il-Qorti tal-Maġistrati liberat raġel minn akkużi ta’ traffikar ta’ droga iżda sabitu ħati ta’ kultivazzjoni u pussess aggravat ta’ kannabis, każ li jmur lura għal kważi 13-il sena ilu, fejn ikkunsidrat ir-riabilitazzjoni sħiħa tiegħu u l-fatt li llum qed jgħin lil persuni oħra joħorġu mill-vizzju.

Nhar l-20 ta’ Mejju 2026, il-qorti tat is-sentenza fil-konfront ta’ John Busuttil, ta’ 46 sena u residenti Santa Venera, li kien qed jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ reati li seħħew f’Lulju tal-2013.

Il-każ beda fis-6 ta’ Lulju 2013, meta wara operazzjoni ta’ sorveljanza mill-pulizija mmexxija mill-Ispettur Dennis Theuma, Busuttil ġie arrestat. Waqt tfittxija li saret f’garaxx li huwa kien kera f’Ħal Qormi, il-pulizija sabet sistema hydropogenic mgħammra b’estrattur, dwal aloġeni, timers, u fertilizzant impurtat minn barra minn Malta.

F’dan il-garaxx kien hemm 21 pjanta tal-kannabis li kienu jvarjaw fit-tul bejn 60 ċentimetru u aktar minn metru. Fuq persuntu, instabu wkoll qartas kannabis u mobile, filwaqt li nstab mobile ieħor fil-vettura tiegħu u qratas vojta fir-residenza tiegħu f’Santa Venera. 

Wara li nqabad, Busuttil kien ikkoopera bis-sħiħ mal-pulizija. Huwa kien spjega li beda jkabbar il-kannabis minħabba diffikultajiet finanzjarji kbar wara li kien faddal u falla negozju tal-catering, u l-għan tiegħu kien li jaqla’ l-flus malajr biex iħallas id-djun. 

Huwa ammetta li kien ilu jkabbar il-pjanti għal madwar xahrejn wara li kien xtara ż-żerriegħa minn fuq l-internet. Għalkemm ammetta li qasam il-kannabis ma’ ħbieb tal-qalb, huwa ċaħad li qatt biegħ id-droga, filwaqt li l-miżun kienet intenzjonata għal bejgħ fil-futur.

L-analiżi xjentifika mwettqa mill-espert Godwin Sammut kienet ikkonfermat il-preżenza ta’ THC fil-pjanti. Il-piż totali tal-weraq. mingħajr għeruq u zkuk, kien ta’ 878 gramma b’purità ta’ madwar 18%, li skont ir-Rapport Nazzjonali dwar id-Droga tal-2011, kellhom valur fis-suq ta’ €20,000. 

Il-qorti sabet lil Busuttil ħati ta’ kultivazzjoni u pussess aggravat, iżda lliberatu mill-akkuża ta’ traffikar minħabba nuqqas ta’ provi biżżejjed dwar l-aspett temporali tal-akkuża.

Il-qorti kkunsidrat diversi fatturi mitiganti, fosthom il-kultivazzjoni ma kinitx fuq skala kummerċjali, l-ebda parti terza ma kienet involuta, u l-mottiv tal-akkużat kien li jsostni l-vizzju tiegħu u jtaffi d-djun. Bl-istess mod, ġie nnotat li l-fedina penali tiegħu kienet nadifa u li kien ikkoopera mal-pulizija.

L-aktar fattur b’saħħtu li kkunsidrat il-qorti kienet ir-riabilitazzjoni notevoli ta’ Busuttil matul it-13-il sena li għaddew minn meta seħħ l-arrest. Matul dan iż-żmien, huwa attenda l-Caritas u l-Millennium Chapel biex jindirizza l-vizzju, u biddel ħajtu billi kompla jistudja. 

Illum il-ġurnata għandu impjieg stabbli u dejjem irriżulta negattiv fit-testijiet tad-droga kollha li sarulu. Barra minn hekk, huwa jgħin lil persuni oħra li għandhom vizzju tad-droga, u b’hekk wera impenn qawwi li jagħti lura lis-soċjetà.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Elaine Rizzo poġġiet lil Busuttil taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. 

L-avukat Edward Gatt deher għal Busuttil.

More in Qrati u Pulizija