L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bdiet tindirizza lill-ġurati nhar l-Erbgħa, fejn fasslet b’mod ċar l-irwol tagħhom biex jiddeterminaw id-destin tal-akkużat, li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Christian Muscat fl-2019.
L-akkużat, Carl Caruana, qed jaffaċċja ġuri dwar inċident li seħħ fid-29 ta’ Novembru 2019 fi Triq in-Nadur, Wied il-Għajn, fejn insparaw ħames tiri wara argument. Huwa akkużat b’attentat ta’ qtil, pussess u użu illegali ta’ arma tan-nar, u reati relatati.
Fl-indirizz tagħha, l-imħallef enfasizzat in-newtralità tagħha fir-rigward tal-verdett finali, u żgurat li l-istruzzjonijiet tagħha ma jinfluwenzawx l-evalwazzjoni indipendenti tal-ġurati dwar il-każ.
“Ma ninfluwenzakomx fil-ġudizzju tagħhom, m’iniex se nagħmel referenza għall-fatti tal-każ biex ma tkunux preġudikati”, ordnat l-imħallef.
L-imħallef fakkret lill-ġurati biex jiddistingwu b’mod ċar bejn il-prova li saret u l-argumenti dwar dik il-prova, filwaqt li saħqet li l-prova hija ħaġa u l-argument huwa ħaġa oħra.
“Dawn il-prinċipji kardinali għandi l-obbligu ngħidilkom x’inhi l-liġi u toqogħdu biss fuq li ser ngħidilkom jien u mhux li jgħidulkom il-partijiet”, stqarret l-imħallef.
Prinċipju ċentrali fl-indirizz finali kienet it-twissija tagħha biex ma jħalltux il-linja bejn dak li x-xhieda stqarru taħt ġurament u l-mod kif il-prosekuzzjoni jew id-difiża ppreżentaw dawk l-istqarrijiet waqt id-diskorsi tal-għeluq tagħhom.
L-Imħallef Scerri Herrera spjegat fid-dettall l-akkużi mressqa mill-prosekuzzjoni, kif ukoll il-linji ta’ difiża alternattivi mqajma mid-diviża, inkluż is-suġġeriment li l-passiġġier, u mhux Caruana, seta’ kien dak li spara l-arma.
L-imħallef fakkret lill-ġurati li l-onere tal-prova jaqa’ għal kollox fuq il-prosekuzzjoni u li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u għandu dritt iqajjem kemm irid diviżi.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonett, Luigi Gulia, u Dejan Darmanin.
L-avukati Arthur Azzopardi, Ishmael Psaila, u Amadeus Cachia qed jirrappreżentaw l-akkużat.