Xhud fil-każ tal-aggressjoni fuq tfajla f’Birkirkara qal li pprova jifred lill-persuni involuti fil-ġlieda, iżda l-verżjoni tiegħu ġiet ikkontestata wara li dehru inkonsistenzi apparenti bejn ix-xhieda tiegħu u filmati tas-CCTV. Il-qorti semgħet ukoll kif Kenley Borg tilef il-liċenzja tas-sewqan wara li akkumula 12-il punt f’10 xhur.
Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Aaaliyah Borg, ta’ 18-il sena, Kenley Borg, ta’ 20 sena, u Liam Agius, ta’ 25 sena, li jinsabu akkużati li aggressew tfajla ta’ 17-il sena waqt ġlieda f’Birkirkara.
Aaaliyah Borg hija akkużata wkoll li ppruvat tattakka lill-vittma b’mod intiż biex tinsultaha, iddejjaqha jew tagħmlilha ħsara, kif ukoll li għamlet theddid jew insulti fil-konfront tal-minorenni. Hija qed tiffaċċja wkoll akkuża li ġarret sikkina jew strument bil-ponta f’post pubbliku mingħajr liċenzja jew permess mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Kenley Borg u Liam Agius huma akkużati wkoll li aġixxew bħala kompliċi fl-aggressjoni. Kenley Borg qed jiffaċċja akkużi addizzjonali li saq vettura mingħajr liċenzja u li huwa reċidiv.
Il-vittma kienet qalet lill-qorti li kienet bilqiegħda fis-seat tal-passiġġier fil-karozza tal-għarus tagħha meta beda l-inċident. Hekk kif iż-żewġ karozzi kienu qed isuqu qrib xulxin, beda argument verbali bejn il-vittma, l-għarus tagħha, u l-akkużati.
Il-ġlieda kompliet permezz ta’ messaġġi u telefonati sakemm iż-żewġ naħat qablu li jiltaqgħu fi triq fiż-żona ta’ Ta’ Paris, Birkirkara. Il-vittma xehdet li niżlet mill-karozza bl-intenzjoni li titkellem b’mod ċivili, iżda allegatament ma ngħatatx ċans hekk kif Aaaliyah Borg marret fuqha immedjatament u laqtitha f’wiċċha. It-tobba kienu ċċertifikaw il-ġrieħi tagħha bħala gravi.
It-tliet akkużati tressqu l-ewwel darba quddiem il-qorti fit-12 ta’ Marzu, fejn wieġbu mhux ħatja.
Waqt is-seduta tal-Ġimgħa filgħodu, rappreżentant ta’ Transport Malta xehed li Kenley Borg kien ingħata liċenzja f’Novembru 2023.
Sussegwentement, huwa akkumula 12-il punt, u b’riżultat ta’ dan il-liċenzja tiegħu ġiet irrevokata f’Settembru 2024. Il-qorti semgħet ukoll li l-akkużat kien tilef il-pussess tal-liċenzja u naqas milli jirritornaha lill-awtoritajiet. Ġie kkonfermat li Borg ilu mingħajr liċenzja valida sa mill-2024.
Ħabib qrib it-tliet akkużati, li kien preżenti dakinhar tal-inċident, xehed ukoll. Ir-raġel ġie infurmat bid-dritt tiegħu li ma jwieġebx mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh. Huwa qal li ma ħassx il-bżonn ta’ assistenza legali.
Fix-xhieda tiegħu, qal li kien id-dar tiegħu f’Birkirkara jagħmel BBQ meta rċieva telefonata mingħand Liam, li qallu li kien qed jiġri warajh “X” bil-karozza.. Ix-xhud qal li ċempel lil “X” biex jifhem x’kien qed jiġri u talbu biex ma jivvintax kummiedji. Allegatament, “X” wieġbu li kien se “jsawwat lil Kenley”. Ix-xhud qal li pprova jikkalma s-sitwazzjoni iżda spiċċa qata’ t-telefonata għax ma riedx jinvolvi ruħu fil-ġlied.
Ftit wara, Liam reġa’ ċempillu u qallu biex joħroġ barra mid-dar. Ix-xhud qal li meta ħareġ, ra l-vettura ta’ Kenley riesqa b’veloċità, u ftit wara ra “X” jersaq lejn Kenley. Huwa qal ukoll li ra lil allegata vittma tattakka lil Aaaliyah Borg.
Ix-xhud qal li pprova jifred lill-irġiel waqt il-ġlied. “Kenley kien mal-art u kellu wiċċu vjola,”. Hu qal ukoll li ġibed lil X ’il bogħod u qallu, “Daqshekk.”
Wara dan, il-Maġistrat irrimarkat li ċerti partijiet mix-xhieda tiegħu dehru differenti minn dak li kien jidher fil-filmati tas-CCTV. Huwa ġie mfakkar li kien qed jixhed taħt ġurament u li ma setax jagħti xhieda falza.
Il-Maġistrat staqsietu wkoll għaliex Liam kien ċemplu biex joħroġ. “Mela inti l-kelb tiegħu?” staqsietu. Ix-xhud wieġeb li ħass li kienet se tinqala’ xi ħaġa ħażina peress li Liam kien ċempillu ftit tal-ħin qabel.
Saret talba biex il-filmati tas-CCTV jerġgħu jiġu murija sabiex jiġu vverifikati l-inkonsistenzi fix-xhieda tiegħu. Ix-xhieda tiegħu mbagħad ġiet sospiża sabiex isirulu aktar mistoqsijiet f’seduta oħra.
Qabel ma ġiet aġġornata l-kawża, il-qorti wissiet lix-xhud biex taħt l-ebda ċirkostanza ma jitkellem mal-akkużati jew jiddiskuti l-każ ma’ xi persuna konnessa mal-proċeduri, speċjalment fid-dawl tal-ħbiberija tagħhom. Il-qorti wissiet li jekk issir taf b’xi komunikazzjoni bħal din, ikun hemm il- konsegwenzi.
Id-difiża ta’ Aaaliyah Borg ressqet ukoll talba biex jiġi estiżi l-ħinijiet ta’ rinkażar tagħha. Ġie spjegat li bħalissa hija trid tkun id-dar sat-8:00 p.m, iżda ntalbet il-qorti tqis li hija tfajla ta’ 18-il sena, taħdem full-time, u hija wkoll omm ta’ tarbija.
Il-qorti se tagħti d-deċiżjoni tagħha in camera.
Il-kawża ġiet aġġornata għat-18 ta’ Ġunju fil-11:30 a.m.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Etienne Savona u Julia Micallef Stafrace, assistiti mill-Ispettur tal-Pulizija Ylenia Xerri.
L-avukati José Herrera u Naomi Spiteri dehru għal Kenley Borg. L-avukati Franco Debono u Charles Mercieca dehru għal Aaliyah Borg. L-avukati Axl Camilleri u Matthew Xuereb dehru għal Agius. L-avukat Alfred Abela deher ghal- parte civile.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco qed tippresiedi l-każ.