Maċedonjan ta’ 34 sena akkużat b’attakk vjolenti b’kanna tal-ħadid f’San Ġiljan

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Mejju 2026, meta l-pulizija tad-distrett ta’ San Ġiljan irċevew rapport dwar persuna midruba fil-komun ta’ blokka ta’ appartamenti fiż-żona

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Maċedonjan ta’ 34 sena tressaq il-qorti akkużat b’attakk vjolenti f’San Ġiljan, fejn allegatament sawwat persuna b’kanna tal-ħadid f’komun ta’ blokka u kkawżalha ġrieħi gravi.

Ljubomir Dimitrov wieġeb mhux ħati li kkawża ġrieħi gravi, għamel theddid, u kkawża biża’ ta’ vjolenza fuq il-vittma. 

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Mejju 2026, meta l-pulizija tad-distrett ta’ San Ġiljan irċevew rapport dwar persuna midruba fil-komun ta’ blokka ta’ appartamenti fiż-żona.

Meta l-pulizija waslu fuq il-post, sabu lill-vittma b’diversi ġrieħi f’rasu, f’idejh u f’saqajh, filwaqt li kien jidher li tilef ammont konsiderevoli ta’ demm.

Irriżulta li l-vittma kien għadu kemm ħareġ mill-appartament tiegħu meta allegatament ġie attakkat minn żewġ persuni mgħammda u lebsin skur, li mingħajr ebda provokazzjoni bdew isawtuh b’kanna tal-ħadid.

Xhud li kien ġewwa appartament ieħor fil-komun ġie mitkellem u qal li kien sema’ kommossjoni barra. Meta ħareġ jara x’kien ġara, lemaħ żewġ persuni lebsin bl-iswed jaħarbu mill-post f’direzzjonijiet differenti.

Il-pulizija tkellmu mal-vittma, fejn identifika wieħed mill-aggressuri bħala l-akkużat. Meta mistoqsi kif irnexxielu jagħrfu, il-vittma qal li kienu għexu flimkien fl-istess appartament għal xi żmien u għalhekk kien jafu sew. Huwa qal li seta’ jagħrfu wkoll mill-kulur partikolari ta’ għajnejh.

Il-pulizija analizzaw ukoll filmati tas-CCTV, fejn ġie identifikat is-suspettat kemm qabel kif ukoll wara l-aggressjoni. Mill-filmati rriżulta wkoll li huwa allegatament għamel użu minn bolt biex jivvjaġġa minn post għall-ieħor.

Sussegwentement, l-akkużat ġie arrestat minn residenza f’San Ġiljan. Waqt tfittxija fl-appartament tiegħu, il-pulizija allegatament sabu ħwejjeġ marbuta mal-inċident.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat. Argumentat li l-vittma għadu jrid jixhed u b’hekk hemm riskju ta’ intralċ, partikolarment peress li l-akkużat kien jaf lill-vittma. Ġie sostnut ukoll li hemm persuna oħra involuta li s’issa għadha ma ġietx identifikata.L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin. 

Il-prosekuzzjoni argumentat li avolja li l-akkużat ma rreżistiex l-arrest, ma jfissirx li kkopera mal-pulizija, peress li dan huwa obbligu. Intqal li kieku verament kien qed jikkopera, kien jipprovdi informazzjoni dwar ir-raġel kompliċi. 

Qajmet ukoll tħassib dwar riskju ta’ ħarba mill-ġustizzja, billi sostniet li l-akkużat mhuwiex residenti fl-indirizz irreġistrat fid-dokumenti tiegħu, m’għandux residenza fissa f’Malta, u m’għandux membri tal-familja fil-pajjiż.

Min-naħa tad-difiża, xehed l-imgħallem tal-akkużat fejn qal li jaħdem miegħu bħala security f’klabb ġewwa Paceville. Huwa qal li ilu jaf lill-akkużat aktar minn sentejn u kkonferma li għandu impjieg stabbli.

Id-difiża argumentat ukoll li mill-allegat inċident tas-6 ta’ Mejju sal-arrest tiegħu, l-akkużat kellu kull opportunità biex jaħrab, iżda minflok baqa’ jgħix ħajtu b’mod normali. 

Minkejja dan, il-qorti ċaħdet it-talba u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Julia Micallef Stafrace, flimkien mal-Ispetturi Kelsey Bugeja, Stephen Gulia u Keith Rizzo.

L-avukat Alex Scerri Herrera deher għad-difiża.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech.

More in Qrati u Pulizija