Beda il-ġuri kontra Carl Caruana, żagħżugħ ta’ 29 sena residenti Marsaskala, li jinsab akkużat li pprova joqtol raġel ieħor meta spara diversi tiri fid-direzzjoni tiegħu fl-2019.
Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, it-Tlieta filgħodu ġiet magħżula l-ġurija biex tisma’ l-każ.
L-inċident
Dakinhar tad-29 ta’ Novembru 2019, Caruana u l-allegat vittma, Christian Muscat, allegatament kellhom konverżazzjoni imqanqla fuq Facebook Messenger.
Iż-żewġ irġiel, li kienu ilhom jafu lil xulxin sa minn tfulithom, qablu li jiltaqgħu fi Triq il-Qaliet, Marsaskala. Caruana wasal fuq il-post b’BMW griża akkumpanjat minn raġel ieħor, Jurgen Fenech, filwaqt li Muscat wasal separatament bil-karozza tiegħu.
Meta ltaqgħu, it-tensjoni kompliet tiżdied.
Malli wasal, Caruana allegatament għamel sinjal lil Muscat biex jersaq lejn il-vettura. Muscat dawwar il-karozza tiegħu u segwa lill-BMW qabel niżel mill-vettura u resaq lejn in-naħa tal-passiġġier, fejn kien bilqiegħda Fenech.
Skont il-prosekuzzjoni, Muscat qal liż-żewġ irġel li jkun aħjar jekk “ma jkabbruhiex”. Caruana mbagħad allegatament reġġa’ lura bil-vettura tiegħu qabel saq ’il quddiem lejn Muscat, li sa dak il-ħin kien għadu wieqaf barra l-karozza tiegħu.
Muscat qal li dak il-ħin ħaseb li kien se jittajjar bil-karozza u għalhekk qabad ġebla minn fuq il-parapett ta’ residenza fil-viċin u ħa pass lura.
Kien f’dak il-mument li Caruana allegatament fetaħ in-nar, b’ħames tiri jiġu sparati fid-direzzjoni ta’ Muscat.
Muscat ma ntlaqatx minħabba li laħaq tbaxxa hekk kif lemaħ l-arma tan-nar. Allegatament, Caruana ħarab minn fuq il-post immedjatament wara l-isparatura.
Madankollu, aktar tard huwa kkuntattja lill-għassa taż-Żabbar, fejn qalulu biex imur l-għassa għall-interrogazzjoni.
Matul l-investigazzjoni, il-pulizija sabet ħames skrataċ vojta ta’ 6.35mm miż-żona. Uħud minnhom ingħataw minn xhieda fuq il-post li rrappurtaw li semgħu xi tajers jiskidjaw, u wara, semgħu xi tiri.
Esperti ballistiċi kkonkludew li l-iskrataċ kollha kienu ġew sparati mill-istess arma tan-nar manifatturata fl-Italja.
Akkużi ta’ attentat ta’ omiċidju volontarju u pussess illegali ta’ arma tan-nar.
Caruana jinsab akkużat b’attentat ta’ omiċidju volontarju, pussess illegali ta’ arma tan-nar u munizzjon, kif ukoll li ġarr arma waqt it-twettiq ta’ reat.
L-Avukat Ġenerali qed jitlob piena ta’ sa 40 sena priġunerija msejsa fuq l-akkuża prinċipali.
L-avukati Kaylie Bonett u Dejan Darmanin qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.
L-avukati Arthur Azzopardi, Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jidhru għall-akkużat.