Żewġ turisti Ġermaniżi arrestati wara li tellgħu filmati ta’ sewqan perikoluż fuq il-midja soċjali

Żewġ turisti Ġermaniżi ta’ 39 u 41 sena ġew arrestati wara li l-pulizija identifikawhom permezz ta’ filmati li tellgħu huma stess fuq il-midja soċjali fejn allegatament dehru jsuqu b’mod perikoluż

Żewġ turisti Ġermaniżi ġew arrestati mill-pulizija wara li allegatament ippubblikaw filmati fuq il-midja soċjali li juruhom isuqu b’mod perikoluż fit-toroq Maltin.

Il-pulizija qalet li l-investigazzjonijiet bdew immedjatament wara li rċeviet il-filmat li kien ittella’ online.

Iż-żewġ irġiel, li għandhom 39 u 41 sena, ġew identifikati permezz tal-filmati kif ukoll permezz ta’ cameras tas-CCTV li qabdu l-vettura involuta.

Skont il-pulizija, il-post fejn kien jinsab is-sewwieq ġie identifikat wara li deher dieħel f’stabbiliment f’San Ġiljan.

Il-pulizija marret fuq il-post u sabet żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tas-sewwieq u tal-persuna li kienet qed tiffilmja.

Waqt it-tfittxijiet, il-filmati allegatament instabu wkoll fuq il-mobile ta’ wieħed mis-suspettati.

Il-pulizija spjegat li l-persuna li kienet qed tiffilmja ġiet arrestata wkoll minħabba emendi legali introdotti f’Marzu li għadda, li jipprojbixxu t-tixrid ta’ materjal li juri persuni jsuqu b’mod irresponsabbli.

Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti taħt arrest.

More in Qrati u Pulizija